Il-Burren mill-Isbaħ taʼ l-Irlanda
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-IRLANDA
MHUX kulħadd kien jikkunsidrah bħala post mill-isbaħ. Xi wħud kienu jqisuh bħala deżert vojt u kollu blat. “M’hemmx biżżejjed ilma biex tgħarraq bniedem, biżżejjed injam biex tgħallqu, u lanqas biżżejjed ħamrija biex tidfnu,” qal it-Tenent Ġeneral Edmund Ludlow mill-Ingilterra, ftit wara li żar dan il-post fl-1651.
Madankollu, ħafna minn dawk li jżuru l-post jibqgħu affaxxinati. In-naturalisti, il-botaniċi, l-arkeoloġi, l-istudjużi taʼ l-istorja, u eluf oħrajn li spiss jiġu f’dan il-post għandhom ħafna raġunijiet differenti għala jqisuh bħala “firxa taʼ art mill-isbaħ u taʼ l-għaġeb.” Fejn hu dan il-post? Għala jogħġob lil tant nies differenti?
“Post tal-Blat”
Jinsab fit-tarfnett taʼ l-Ewropa—fil-kosta tal-punent taʼ l-Irlanda, bejn l-Irdumijiet taʼ Moher fin-nofsinhar li huma famużi madwar id-dinja u l-Bajja taʼ Galway fit-tramuntana. Jissejjaħ il-Burren. L-isem ġej mill-kelma Irlandiża boireann, u jfisser “post tal-blat.”
L-art hija kollha blat. Ktieb wieħed jgħid li dan il-post “inkixef permezz taʼ ġrajja mhux tas-soltu fl-iżvilupp taʼ l-art,” u f’ħafna postijiet “kulfejn tħares tara art kollha ħaġar tal-ġir ċatt u griż u minnu joħroġ blat enormi.” Fil-fatt, fil-post kollu fejn jinsab il-Burren hemm ħażna kbira taʼ ħaġar tal-ġir li tkopri xi 1,300 kilometru kwadru. Ħafna minn din l-“art li qisha l-qamar u li hi dipressanti u misterjuża” donnha ma fiha ebda tip taʼ ħamrija.
Bħal “Sistema Enormi li Tiġbor is-Sħana”
Ir-riħ u x-xita biddlu l-art kollha ħaġar tal-ġir ġo forom meraviljużi li jagħtu lill-Burren il-ġmiel għeri, drammatiku, u uniku li għandu. Iżda għall-ewwel, ma kinitx din is-sbuħija unika tal-Burren li ġibdet lil dawk li marru joqogħdu f’dan il-post eluf taʼ snin ilu. Dawn l-uħud kienu iktar interessati fil-fatt li l-Burren kien post mill-aqwa biex jipprovdilhom fejn jirgħu l-merħla s-sena kollha.
Il-firxa enormi tal-ħaġar tal-ġir—f’ċerti postijiet fonda iktar minn 900 metru—hija bħal “sistema enormi li tiġbor is-sħana, tixrob is-sħana fis-sajf u titfagħha bil-mod il-mod fix-xitwa.” Minbarra li mmodera t-temperatura taʼ l-oċean, dan ħoloq ukoll ambjent ideali għall-biedja għal dawk l-ewwel uħud li marru jgħixu f’dan il-post.
Bennejja tal-Bidu fil-Burren
Il-ġenerazzjonijiet taʼ l-imgħoddi, bħal dawk il-bdiewa tal-bidu, ħallew it-tifkiriet tagħhom maʼ kullimkien fl-art tal-Burren. Hemm skoss oqbra megalitiċi. Wieħed mill-iktar oqbra famużi hu d-dolmen Poulnabrone, mibni ħafna żmien qabel Kristu. M’għandniex xi ngħidu, dak li naraw illum huwa biss il-fdal tal-qabar oriġinali—il-biċċiet kbar tal-ħaġar tal-ġir li użaw il-bennejja tal-qedem biex jibnu dan il-monument lill-“mejtin speċjali.” L-esperti jgħidu li għall-ewwel li nbena, il-qabar kien miksi b’munzell impressjonanti taʼ ġebel u ħamrija.
Ħafna qabel ma ċ-Ċeltiċi waslu fl-Irlanda, dawk li kienu jgħixu fil-Burren ħallew evidenza li kienu hemm permezz taʼ postijiet għad-difna magħmulin mill-ġebel u dawn l-oqbra għandhom forma partikulari taʼ feles li minħabba fiha bl-Ingliż jissejħu wedge tombs. Fl-1934, f’post li jissejjaħ Gleninsheen, żagħżugħ sab xi ħaġa li għalih dehret “stramba.” Din spiċċat biex kienet ġiżirana tad-deheb b’manifattura mill-isbaħ—u issa hija “waħda mill-isbaħ xogħlijiet taʼ l-arġentiera fl-Aħħar Snin taʼ Żmien il-Bronż fl-Irlanda.”
Ma tantx nafu dwar dawn in-nies tal-qedem. Min kienu eżattament? X’kienu jemmnu? X’kien l-iskop tal-bini tagħhom, bħal dak li jinsab fil-quċċata li qiegħda għall-beraħ fuq dik li tissejjaħ l-Għolja Turlough? Kien dan il-post misterjuż xi forti qadima, jew kien imwarrab bħala post qaddis għal xi ritwali reliġjużi speċjali? Ħadd ma jaf eżattament.
Il-komunitajiet li ġew warajhom bnew għadd kbir taʼ fortizzi ġejjin għat-tond magħmulin mill-ġebel jew mill-ħamrija, djar fortifikati tal-qedem. Warajhom ġew uħud li bnew ħafna mill-knejjes, il-monasterji, u l-kastelli.
Il-Burren taʼ taħt l-Art
Il-Burren huwa post mill-isbaħ saħansitra taħt l-art. L-ilma daħal fil-ħaġar tal-ġir poruż u pproduċa “waħda mill-iktar dinjiet rimarkevoli taʼ taħt l-art fl-Irlanda.” Il-ħaġar tal-ġir huwa mimli kollu għerien. Ħafna minn dawn l-għerien għadhom attivi, jiġifieri, għad għandhom nixxigħat, xmajjar, u kaskati għaddejjin minnhom. F’għar wieħed, li jissejjaħ Poll an Ionain, hemm waħda mill-itwal stalaktiti mdendlin fuq ix-xejn li jeżistu fl-Ewropa—twila iktar minn 9 metri!
Peress li ħafna mill-għerien huma perikolużi, viżitaturi attenti jesploraw biss postijiet li huma iktar fis-sigurtà f’għar li jintwera lill-viżitaturi tal-Burren, l-Għar Aillwee, l-uniku wieħed miftuħ għall-pubbliku ġenerali. Hawnhekk tistaʼ tara traċċi taʼ annimal li ilu estint mill-Irlanda għal iktar minn elf sena—l-ors kannella. Milli jidher, l-orsijiet kienu jorqdu x-xitwa kollha f’dan l-għar fejn it-temperatura tibqaʼ 10 gradi Celsius is-sena kollha. Ġewwanett fil-muntanja tal-ħaġar tal-ġir tistaʼ titpaxxa bl-istalaktiti u bl-istalagmiti b’forom strambi, u ġebel ieħor b’forom straordinarji. Tistaʼ biss tipprova timmaġina l-qawwa taʼ l-ilma li ħaffer l-għerien u l-kaverni taʼ min jammirahom.
“Metropoli Botanika”
Il-pjanti mill-isbaħ li jeżistu fil-Burren huma l-iktar ħaġa li jagħmluh differenti. Kittieb wieħed jgħid li din l-art “hija waħda mill-iktar postijiet naturali varjati u taʼ l-għaġeb fl-Ewropa.” Dan il-post jinkludi xtut u muntanji, mergħat u foresti. Hemm mijiet taʼ widien magħluqin għalkollox li ġew ifformati eluf taʼ snin ilu minħabba li xi għerien fil-Burren ċedew. Għadajjar kbar u strambi jsiru mergħat fix-xhur tas-sajf, hekk kif jonqos il-livell taʼ l-ilma taħt l-art. Il-ħitan tal-ġebel—xi wħud minnhom għandhom eluf taʼ snin—jinsabu mifruxin maʼ kullimkien f’nofs il-firxiet tal-ħaġar tal-ġir u ssibhom madwar kull roqgħa ħadra.
Tistaʼ tara iktar varjetà f’dan il-post taʼ l-għaġeb minħabba x-xquq u l-qsim fl-art tal-ħaġar tal-ġir. Dawn jistgħu jkunu fondi sa żewġ metri. F’ċerti xquq inġemgħu rqajjaʼ żgħar taʼ ħamrija li jipprovdu kenn u postijiet varjati fejn jistgħu jikbru pjanti taʼ kull tip.
L-istudjuż tal-botanika Cilian Roden jgħid li madwar il-Burren “pjanti rari u spettakolari jikbru ħafna daqskemm is-soltu jikbru l-margeriti u x-xewk.” Għalkemm iktar minn 600 speċi differenti jikbru f’dan il-post, m’hijiex sempliċement il-varjetà jew l-abbundanza taʼ pjanti li jagħmel il-Burren post differenti. Dak li jagħmlu uniku hu t-taħlita taʼ pjanti. Il-fatt li “pjanti taʼ l-Artiku, l-Alpi, u l-Mediterran, pjanti tal-ħamrija aċiduża u oħrajn taʼ dik alkalina, li jikbru kollha flimkien f’din ir-rokna żgħira tal-punent taʼ l-Irlanda” ilu jikkonfondi u jħawwad lill-istudjużi tal-botanika għal mijiet taʼ snin.
Il-fjura mill-isbaħ ġenzjana blu tar-rebbiegħa, kunsidrata bħala pjanta taʼ l-Alpi, tikber saħansitra mal-livell tal-baħar fil-Burren. Ukoll, qrib xulxin jikbru pjanti taʼ l-Artiku bħall-avens tal-muntanja, u pjanti sudtropikali bħall-felċi, li jissejħu tursin il-bir. Iktar minn 20 speċi taʼ orkidea jikbru madwar il-Burren. Hawnhekk ukoll jikber b’mod abbundanti s-sagħtar salvaġġ, l-agretta, il-ġeranju sangwinju, it-trifoll, l-armerija, u ħafna speċi oħra. Il-Burren jixraqlu bis-sħiħ id-deskrizzjoni li jingħata bħala “metropoli botaniku.”
Huwa minnu li dan il-post hu mimli blat. Però, il-Burren żgur li m’huwiex deżert ħawli. Jirrifletti s-sbuħija u l-varjetà fil-ħolqien. Iqanqal il-moħħ, iqajjem is-sensi, iħawwar l-immaġinazzjoni, u jferraħ lill-individwu. Ejja sa l-Irlanda u ara l-Burren mill-isbaħ!
[Mappa f’paġna 22]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
L-IRLANDA TAT-TRAMUNTANA
L-IRLANDA
Ir-Reġjun tal-Burren
[Stampa f’paġna 23]
Dehra panoramika tal-Burren
[Stampa f’paġna 23]
L-Irdumijiet taʼ Moher għoljin 200 metru u jibqgħu neżlin fl-Atlantiku
[Stampa f’paġna 23]
Fuq ġewwa: Anki taħt l-art, il-Burren huwa post mill-isbaħ
[Sors]
Bil-korteżija taʼ Aillwee Caves
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 22]
Bil-korteżija taʼ www.burrenbeo.com
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 24]
Fjuri: Bil-korteżija taʼ www.burrenbeo.com