Ħarsa Lejn Id-Dinja
Il-Valur tal-Qsari
“Kieku jitpoġġew iktar qsari fl-iskejjel, kieku eluf taʼ studenti jġibu marki iktar għoljin,” jgħidu r-riċerkaturi, bħalma hu rapportat f’The Times taʼ Londra. Il-Professur Derek Clements-Croome taʼ l-Università taʼ Reading sab li f’xi klassijiet iffollati u li m’għandhomx biżżejjed arja, il-livell tad-dijossidu karboniku kien jaqbeż l-ammont rikkmandat b’iktar minn 500 fil-mija, u b’hekk kien qed jagħmel ħsara lill-konċentrazzjoni tat-tfal u jfixkilhom fil-progress tagħhom. Hu sejjaħ din il-kundizzjoni sindromu taʼ klassi marida. Kundizzjoni simili, imsejħa “sindromu taʼ bini marid,” hija magħrufa li teffettwa lill-ħaddiema u l-mod kif jaħdmu. Imma skond il-professur, fil-klassijiet, ir-rassa tat-tfal hija ħames darbiet akbar minn tal-ħaddiema fl-uffiċini. X’tip taʼ pjanti jistgħu jintużaw biex titjieb il-kwalità taʼ l-arja? Studju fl-Istati Uniti qal li r-rampila hija l-iktar effettiva. Siġret id-dragun, il-liedna, il-fikus, il-peace lilies, u l-jukka, huma tajbin ħafna wkoll biex ineħħu t-tniġġis mill-arja. Il-pjanti tad-dar inaqqsu l-livelli tad-dijossidu karboniku billi jbiddluh f’ossiġnu.
Ġenerazzjoni “Mitlufa”
“Iż-żgħażagħ Amerikani m’huma informati xejn,” tgħid id-Daily News taʼ New York. Bħala eżempju, meta ġew murijin mappa tad-dinja, “11% ma setgħux jindikaw fejn hi l-Amerika. Meta wrewhom mappa mhux immarkata taʼ l-Istati Uniti, nofshom ma kellhomx idea fejn kienet New York.” Meta ġew biex isibu nazzjonijiet oħra fuq il-mappa, 13 fil-mija biss setgħu jindikaw fejn qegħdin l-Iraq u l-Iran, u 17 fil-mija biss setgħu jindikaw fejn hu l-Afganistan. Fil-fatt, 71 fil-mija biss mill-Amerikani taʼ minn 18 sa 24 sena setgħu jindikaw b’mod korrett fejn hu l-akbar oċean—l-Oċean Paċifiku. Il-kwizz taʼ 56 mistoqsija tas-Soċjetà Nazzjonali Ġeografika ngħata lil 3,250 żagħżugħ u żagħżugħa fil-Britannja, fi Franza, fil-Ġappun, fil-Ġermanja, fl-Istati Uniti, fl-Isvezja, fl-Italja, fil-Kanada, u fil-Messiku. Waqt li l-ebda pajjiż ma ġab ir-riżultat “A,” li kien jirrikjedi medja taʼ 42 mistoqsija mwieġba eżatt, l-Isvezja ġiet l-iktar qrib b’40, u warajha l-Ġermanja u l-Italja bi 38. L-Amerikani ġew qabel taʼ l-aħħar, bi 23 mistoqsija mwieġba eżatt, eżatt qabel il-Messiku li ġab 21. “Jekk iż-żgħażagħ tagħna ma jafux isibu l-pajjiżi fuq mappa u għandhom nuqqas taʼ tagħrif dwar x’qiegħed jiġri madwarna, kif jistgħu jifhmu l-kwistjonijiet li niffaċċjaw dwar il-kultura, l-ekonomija, u r-riżorsi naturali tad-dinja?” jgħid John Fahey, il-president tas-Soċjetà Nazzjonali Ġeografika.
It-Tfal Malajr Isiru Jiddependu min-Nikotina
“It-tfal jistgħu jibdew jiddependu mit-tabakk fi ftit ġranet minn meta jibdew ipejpu u jistgħu saħansitra jaqbdu l-vizzju mill-ewwel sigarett li jpejpu,” jikkonkludi studju li deher fil-gazzetta The Guardian taʼ Londra. “Fost it-332 żagħżugħ u żagħżugħa li xi darba jew oħra pprovaw it-tabakk, anki jekk ħadu nifs wieħed biss, 40% minnhom irrapportaw sintomi taʼ dipendenza. Fost il-237 ruħ li belgħu d-duħħan, 53% rrapportaw sinjali taʼ dipendenza.” L-istudju li ħa 30 xahar sar fuq 700 student li fil-bidu taʼ l-istudju kellhom 12 u 13-il sena u kien immexxi mit-Tabib Joseph DiFranza taʼ l-Università taʼ Massachusetts fl-Iskola tal-Mediċina fl-Istati Uniti. “Qabel dan l-istudju, kien maħsub li t-tfal kienu jieħdu sentejn biex isiru jiddependu mit-tabakk—li kellhom ipejpuh kuljum, minn taʼ l-inqas nofs pakkett kuljum,” qal DiFranza. “Xi ftit minn dawn it-tfal qabdu l-vizzju ftit ġranet wara li bdew ipejpu. . . . Nemmen li d-dipendenza min-nikotina tibda, ħafna drabi, mill-ewwel sigarett.” DiFranza jemmen li l-adolexxenti huma iktar vulnerabbli għall-vizzju, għax moħħhom ikun għadu qed jiżviluppa. “Nixtieq li dawn it-tfal idaħħlu f’rashom li ma jistgħux jesperimentaw bit-tabakk. M’hemm l-ebda mod kif tpejjep mingħajr maʼ tikkaġuna ħsara,” jgħid DiFranza. “Għandna bżonn nikkonvinċu lit-tfal li anki jekk ipejpu sigarett wieħed, dan jistaʼ jwassalhom biex jaqbdu l-vizzju għal għomorhom.”
Xi Ħaġa Ġdida fir-Rużarju
“Il-Kattoliċi devoti Rumani ilhom jgħidu r-rużarju għall-500 sena, b’serje taʼ ripetizzjonijiet tal-Missierna u l-Ave Marija li huma magħmulin biex iqanqlu meditazzjoni fuq 15-il ġrajja importanti jew ‘misteri’ fil-ħajja taʼ Ġesù u ommu,” tirrapporta Newsweek. “[F’Ottubru] li għadda, il-Papa Ġwann Pawlu II ħareġ ittra appostolika li fiha żied ir-rabaʼ posta mar-rużarju,” ibbażata fuq il-ministeru taʼ Ġesù minn meta tgħammed sa l-Aħħar Ċena. “Il-mira tal-papa hija li jqajjem mill-ġdid l-interess fil-forma ‘favoritaʼ tiegħu tat-talb, li minn meta sar it-II Kunsill tal-Vatikan, naqqset mill-popolarità tagħha,” iżżid ir-rivista. “L-effett prinċipali għall-azzjoni li ħa l-papa huwa li f’din l-użanza reliġjuża, li ssir biss mill-Kattoliċi, jingħata enfasi akbar lil Kristu meta mqabbel maʼ Marija, il-persuna li hi l-iktar assoċjata mar-rużarju.” Huwa ttamat li dan se jinkuraġġixxi d-drawwa tal-meditazzjoni fost il-Kattoliċi fi żmien meta, qal il-papa, “il-Kristjanità qiegħda tiġi influwenzata mit-tradizzjonijiet taʼ meditazzjoni tar-reliġjonijiet tal-Lvant.”
Tfal Imċaħħdin mill-Irqad
In-nuqqas taʼ rqad qed ikollu effett diżastruż fuq is-saħħa tat-tfal, tgħid ir-rivista U.S.News & World Report. Tfal imċaħħdin mill-irqad ma jmorrux tajjeb l-iskola u jistgħu jsibuha diffiċli biex jagħmlu ħbieb. “Ħafna drabi, dawk it-tfal li taʼ spiss ma jirnexxilhomx jorqdu biżżejjed joqogħdu attenti biss għal ftit ħin, u huma irritabbli, inkontrollabbli, u bla paċenzja,” tirrapporta r-rivista. It-tobba jinsabu mħassbin li l-ġenituri taʼ spiss ikunu responsabbli għal dawn il-problemi. Il-psikoterapista tat-tfal Barbara Braun-McDonald tgħid: “Jekk qed iżżomm lil uliedek imqajmin sal-ħdax taʼ bil-lejl biex tkunu tistgħu tqattgħu ħin flimkien bħala familja, għandek bżonn terġaʼ teżamina ħajtek.” Il-ġenituri huma inkuraġġiti li jistabbilixxu ħin regulari, anki matul tmiem il-ġimgħa, għal x’ħin għandhom jorqdu u jistenbħu wliedhom biex b’hekk dawn ikun jistaʼ jkollhom drawwiet tajba taʼ rqad. Suġġerimenti oħra jinkludu affarijiet li jsiru bħala rutina regulari qabel ma t-tfal jidħlu jorqdu bħal li taħsel, tfissed, u taqra xi storja lit-tfal iżgħar, u ma tħallix lil uliedek jaraw it-televixin jew jużaw il-kompjuter matul l-aħħar siegħa taʼ qabel jidħlu jorqdu.
Il-Vapuri tal-Kruċieri u t-Tniġġis
“Il-vapuri tal-kruċieri lussużi li kull sena jġorru miljuni taʼ passiġġieri lejn l-isbaħ postijiet imbegħdin tad-dinja, qegħdin jipperikolaw il-ħlejjaq tal-baħar bit-tniġġis li jħallu warajhom”, tirrapporta The Sunday Times taʼ Londra. Vapur bħal dawn mill-kbar li jġorr kważi 4,000 ruħ, passiġġieri u ekwipaġġ, kuljum jarmi għaxriet taʼ eluf taʼ galluni taʼ ilma maħmuġ li jinġemaʼ fil-qiegħ tal-vapur, dranaġġ, u ilma li joħroġ mid-doċoċ u mill-ħasil tal-ħwejjeġ, kif ukoll 70 litru kimika tossika u sebaʼ tunnellati żibel. L-ammont taʼ skart li jipproduċu l-passiġġieri meta jkunu barra fuq il-baħar huwa iktar minn meta jieħdu vaganza fuq l-art. Fis-sena 2000, madwar 240 vapur tal-kruċieri ġarrew għaxar miljun ruħ lejn postijiet li malajr jistgħu jġarrbu ħsara ekoloġika, bħalma huma l-Bajja tal-Glaċier taʼ l-Alaska, is-sikek tal-qroll u l-gżejjer tal-Karibew, xtut storiċi tal-Mediterran, kif ukoll l-Antartika. Huwa maħsub li sal-2005 se jibdew jintużaw 50 vapur iktar. Roger Rufe, tal-Ħarsien taʼ l-Oċean, jgħid: “Dawn it-tipi taʼ vaganzi qed isiru iktar popolari, iżda l-vapuri huma bħal bliet f’wiċċ l-ilma li m’għandhom ebda regola fuq ir-rimi tad-dranaġġ u l-iskart.”