LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 6/8 pp. 21-23
  • Il-Matematika Qiegħda għal Kulħadd

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Matematika Qiegħda għal Kulħadd
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Meta Tmur Tixtri
  • Meta Tkun Qed Iżżejjen Dar
  • Uża l-​Matematika Kuljum
Stenbaħ!—2003
g03 6/8 pp. 21-23

Il-​Matematika Qiegħda għal Kulħadd

IL-​MATEMATIKA m’hijiex biss għax-​xjenzati. Hi għal kulħadd. Meta tmur tixtri, iżejjen id-​dar, jew tismaʼ r-​rapport tat-​temp taʼ kuljum, tkun qiegħed tuża jew tibbenefika mill-​prinċipji tal-​matematika.

Ħafna nies jistgħu jħossu li l-​matematika m’hijiex interessanti u li m’hijiex bżonnjuża f’ħajjithom. Int hekk tħossok? Ejja neżaminaw kemm il-​matematika tistaʼ tkun bżonnjuża, ħafifa, u interessanti.

Meta Tmur Tixtri

Immaġina li qiegħed tixtri u tiltaqaʼ maʼ roħs kbir. Oġġett bil-​prezz oriġinali taʼ Lm35 tnaqqas b’25 fil-​mija. Għall-​ewwel dan jidher verament irħis. Iżda x’inhu l-​prezz il-​ġdid? L-​aritmetika se tkun t’għajnuna.a

L-ewwel, naqqas il-​persentaġġ imniżżel minn 100 fil-​mija u r-​riżultat jiġi 75 fil-​mija (100 fil-​mija − 25 fil-​mija = 75 fil-​mija). Imbagħad, immultiplika l-​prezz oriġinali bir-​riżultat, f’dan il-​każ, 75 fil-​mija (0.75). Il-​prezz ġdid ikun Lm26.25 (35 × 0.75 = 26.25). Issa li taf x’inhu l-​prezz finali, tistaʼ tiddeċiedi kemm hu tajjeb ir-​roħs.

Xi ngħidu jekk ma tkunx ħadt kalkulatur miegħek? Forsi tkun tistaʼ taħdem ir-​riżultat f’moħħok. Per eżempju, ejja ngħidu li l-​prezz oriġinali taʼ oġġett kien Lm45 u ġie mnaqqas bi 15 fil-​mija. Dan li ġej huwa suġġeriment tajjeb biex taħdem il-​persentaġġ f’moħħok. Uża 10 fil-​mija bħala bażi. Biex tkun taf kemm jiġi 10 fil-​mija minn numru, trid taqsam in-​numru b’10. Dan huwa faċli biex isir mentalment. Imbagħad, ladarba tkun taf li 15 huwa ugwali għal 10 u 5 flimkien u li 5 huwa eżatt nofs l-​10, malajr tkun tistaʼ tikkalkula l-​prezz finali tar-​roħs billi żżid u tnaqqas. Ejja nipprovawha.

Ladarba 10 fil-​mija taʼ 45 huwa 4.50, 5 fil-​mija taʼ 45 se jkun nofs dak in-​numru, jew 2.25, u 15 fil-​mija se jkun is-​somma taʼ dawk iż-​żewġ numri, jew 6.75 (4.50 + 2.25 = 6.75). Fl-​aħħarnett, innaqqsu 6.75 minn 45 biex naslu għall-​prezz imraħħas taʼ 38.25 (45 − 6.75 = 38.25). Barra minn hekk, tistaʼ tuża metodu simili biex issir taf l-​ammont tat-​taxxa fuq l-​oġġett, jew f’xi pajjiżi, l-​ammont taʼ tips li għandek tħalli mal-​kont tiegħek f’restorant. Naturalment, f’dawn il-​każijiet, minflok ma tnaqqas, se żżid ir-​riżultat mal-​prezz oriġinali.

Madankollu, oqgħod attent li meta tkun qed taħdem is-​somma f’moħħok ma tasalx għal konklużjoni ħażina. Jekk il-​prezz taʼ libsa jew qalziet ġie mnaqqas b’40 fil-​mija mbagħad imnaqqas għal darb’oħra b’40 fil-​mija dan ifisser li tnaqqas b’64 fil-​mija biss u mhux bi 80 fil-​mija. Dan it-​tieni tnaqqis huwa meħud mill-​prezz imnaqqas, mhux mill-​prezz oriġinali. Forsi dan xorta jkun irħis ħafna, imma tajjeb li tkun taf il-​fatti.

Madankollu, hemm problemi li l-​aritmetika ma tistax issolvi. Però, jeżistu għodod oħra tal-​matematika.

Meta Tkun Qed Iżżejjen Dar

Ejja ngħidu li għandek bżonn tibdel il-​madum taʼ l-​appartament tiegħek u għandek ammont limitat taʼ kemm tistaʼ tonfoq flus. Qabel ma tmur tixtri, l-​ewwel ikollok bżonn taħseb dwar x’affarijiet se jkollok bżonn. L-​iktar mistoqsija importanti hi, Kemm għandek bżonn tixtri madum? Ftit ġeometrija bażika se tgħinek biex tkun taf.

Il-madum taʼ spiss jinbiegħ skond kemm il-​kwantità kwadra se jiksi. Per eżempju, metru kwadru huwa metru twil u metru wiesaʼ. Qabel ma tkun tistaʼ tara kemm se jkollok bżonn madum, l-​ewwel trid tara kemm hemm area t’art f’kull kamra u fl-​intrata taʼ l-​appartament tiegħek. Il-​kmamar u l-​intrati taʼ bosta appartamenti għandhom forma kwadra u forma rettangolari. Għalhekk, il-​formula li ġejja għandha tgħinek biex tkun taf x’inhi l-​area tal-​kamra: a = t × w (area ugwali għat-​tul multiplikat bil-​wisaʼ). Din hija l-​formula ġeometrika biex issir taf l-​area taʼ forma rettangolari jew kwadra.

Biex nagħtu eżempju dwar kif tistaʼ tintuża din il-​formula, ejja ngħidu li se tagħmel madum ġdid f’kull kamra taʼ l-​appartament tiegħek minbarra fil-​kċina u fil-​kamra tal-​banju. Se tkejjel kull kamra u tagħmel pjanta taʼ l-​art kif murija f’paġna 23. Il-​forom rettangolari u kwadri fil-​pjanta juru l-​qjies u fejn qegħdin il-​kmamar. Billi tuża l-​formula t’hawn fuq, ara jekk tistax tikkalkula kemm-il metru kwadru taʼ madum se jkollok bżonn. Dawn huma xi suġġerimenti: Tistaʼ tikkalkula l-​area taʼ kull kamra waħedha u mbagħad tgħodd kollox f’daqqa. Jew biex ma taħlix ħin, tistaʼ tikkalkula l-​area kollha tal-​pjanta taʼ l-​art u mbagħad tnaqqas l-​area tal-​kċina u dik tal-​kamra tal-​banju.b

Il-kelma “ġeometrija” tiġi mill-​Grieg ukoll, u letteralment tfisser “il-​qisien taʼ l-​art.” Din tinvolvi l-​istudju taʼ l-​area, id-​distanza, il-​volum, u attributi oħra dwar il-​forom u l-​linji. Jeżistu formuli prattiċi għal kull forma li tistaʼ timmaġina b’żewġ jew tliet dimensjonijiet. Kuljum, ix-​xjenzati, l-​inġiniera, u dawk li jiddekoraw id-​djar, bl-​istess mod jużaw dawn il-​formuli biex jaraw eżatt kemm materjal se jkollhom bżonn. Iżda l-​matematika ma tinvolvix biss l-​aritmetika u l-​ġeometrija.

Uża l-​Matematika Kuljum

Oqsma oħra tal-​matematika jinkludu l-​alġebra u l-​kalkolu. Matul is-​sekli, il-​matematika verament saret lingwa universali użata minn kulħadd, hi x’inhi l-​kultura, ir-​reliġjon, jew is-​sess tagħhom. Fix-​xjenza, fl-​industrija, fin-​negozju, u fil-​ħajja taʼ kuljum, il-​matematika għandha l-​qawwa li ssolvi xi ftit mill-​iktar mistoqsijiet diffiċli li niffaċċjaw. Kemm jekk qiegħed tipprova ssolvi l-​misteri taʼ l-​univers jew qed tara d-​dħul u l-​ħruġ tal-​finanzi tal-​familja, il-​matematika hija ċ-​ċavetta għal suċċess.

Għalhekk, anki jekk l-​iskola kont tobgħod il-​matematika, għax ma terġax tikkunsidraha? Bħal kwalunkwe lingwa oħra, il-​matematika titgħallimha l-​aħjar meta tużaha. Ipprova uża ftit matematika kuljum. Ipprova solvi problema jew logħba tal-​matematika. Esperjenza pożittiva waħda tistaʼ tgħinek biex tbiddillek il-​mod kif taħsibha. Se żżidlek l-​apprezzament tiegħek għall-​għerf li għandu l-​Matematiku l-​Kbir li oriġinalment iddisinja dan l-​għarfien interessanti, il-​Ħallieq tagħna, Alla Jehovah.

[Noti taʼ taħt]

a Aritmetika (terminu mill-​kelma Griega li tfisser “numru”) hija l-​eqdem qasam tal-​matematika. Din tmur lura eluf taʼ snin u kienet tintuża mill-​Babiloniżi, miċ-​Ċiniżi, u mill-​Eġizzjani tal-​qedem. L-​aritmetika tagħtina għodod bażiċi li nistgħu nużaw kuljum biex ngħoddu u nkejlu l-​affarijiet fiżiċi li hawn fid-​dinja.

b Riżultat = 54 metru kwadru taʼ madum.

[Dijagramma f’paġna 23]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

⇩ |⇦ 3 m ⇨|⇦ 3 m ⇨| |

| | | |

| | | |

| | | |

3 m | Kċina | Kamra taʼ l-​ikel | Salott |

| | | |

| | | |

| | | |

| | | |

⇧⇩ ------------ ------ ------- |

|

1.5 m Intrata |

|

|

⇩⇧ ----------------------- ----- |

| | | |

| | | |

| | | |

| | Kamra | |

3 m | Kamra tas-​sodda | tal-​ | |

| | banju | |

| | | |

| | | |

⇧ |⇦ 4.5 m ⇦|⇦ 1.5 m ⇨|⇦ 3 m ⇦|

[Stampi f’paġna 23]

Il-​matematika tistaʼ tgħinek twettaq ix-​xogħlijiet taʼ kuljum

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja