LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 4/8 pp. 16-18
  • Żjara sal-Post Fejn Ikabbru l-Banana

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żjara sal-Post Fejn Ikabbru l-Banana
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Klima u l-​Ħtiġijiet għat-​Tkabbir
  • Żmien il-​Ħsad
  • Tajba għal Saħħtek
  • Qabel u Wara—Il-Kelma t’Alla Tagħmel Xogħolha
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2003
  • Il-​Warda tal-​Passjoni kif Ħadet Isimha?
    Stenbaħ!—1999
  • “Ixtri l-verità u tbigħhiex”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2018
Stenbaħ!—2003
g03 4/8 pp. 16-18

Żjara sal-​Post Fejn Ikabbru l-​Banana

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-​AFRIKA T’ISFEL

JIEN minn dejjem kont inħobb niekol il-​banana. Naħseb li anki l-​maġġuranza tan-​nies. Il-​banana mhux biss tinżillek għasel imma hija mimlija vitamini, minerali, u fibra. Tixtieq tkun taf iktar dwar din il-​frotta sustanzjuża? Dan l-​aħħar, kien hemm bidwi u flimkien maʼ martu wrieni l-​mod taʼ l-​għaġeb li bih il-​banana tnissel lilha nfisha mill-​ġdid.

Ir-razzett taʼ Tony u Marie (murija fuq) għandhom razzett fil-​Provinċja taʼ Limpopo fl-​Afrika t’Isfel, f’post li jissejjaħ Levubu. Huma jkabbru varjetà taʼ ħxejjex fir-​razzett tagħhom li hu kbir 55 ettaru. Però, il-​prodott prinċipali tagħhom huwa l-​banana. Tony jixtieq jgħidilna iktar dwar din il-​frotta popolari.

Il-​Klima u l-​Ħtiġijiet għat-​Tkabbir

“L-​aħjar tip taʼ ħamrija,” jispjega Tony, “tkun taflija ħafna u mhux ramlija jew mimlija ġebel. Ukoll, trid tkun fonda u ma tridx tkun iżżomm l-​ilma. Il-​banana tikber l-​iktar fejn ma jkunx hemm ġlata. Fil-​fatt, din tieħu pjaċir b’temperaturi għoljin. Normalment, it-​temperaturi annwali taʼ Levubu jvarjaw minn 12-35 grad Celcius.” Meta staqsejt dwar ix-​xita, Tony wieġeb: “Il-​banana għandha bżonn xita regulari jew tisqija taʼ kull ġimgħa.”

Ix-xitla tal-​banana tistaʼ tidher qisha siġra, però z-​zokk m’huwiex magħmul mill-​injam imma minn zkuk tal-​weraq pressati ħafna maʼ xulxin. Il-​banana fil-​fatt hija ħaxixa ġganteska, mhux siġra. Iz-​zokk ewlieni qiegħed taħt il-​ħamrija u jissejjaħ riżoma. L-​għeruq joħorġu ’l isfel mir-​riżoma, filwaqt li l-​weraq u iktar tard fjura kbira vjola jikbru minnha. Ukoll, ir-​riżoma tibda ttellaʼ diversi rimjiet biex jifformaw pjanti ġodda.

Ix-xitel tal-​banana għandhom tliet stadji bażiċi taʼ l-​iżvilupp, li l-​bdiewa lokali jirreferu għalihom bħala “n-​nanna, it-​tifla, u n-​neputija.” (Ara r-​ritratt.) In-​“nanna” tagħmel il-​frott din is-​sena, it-​“tifla” s-​sena d-​dieħla, u n-​“neputija” s-​sena taʼ wara. In-​“neputijiet” jidhru fi kwantità akbar mhux ħażin maġenb is-​siġra “omm.” Meta dawn it-​“trabi” jilħqu sa l-​irkoppa, jinżabru kollha minbarra l-​waħda li tidher li se jkollha l-​iktar banana.

Il-fjura kbira vjola, li fl-​aħħar issir għanqud banana, tikber ’il fuq minn ġor-​riżoma l-​moħbija u tgħaddi minn ġo nofs il-​pjanta. Fl-​aħħar din titfaċċa minn bejn iż-​żewġ werqiet taʼ fuq u tiddendel ’l isfel. Hekk kif jaqgħu l-​petali tal-​fjura, is-​saffi taʼ għenieqed​—ġeneralment ikunu minn 10 sa 15-il għanqud​—jinkixfu u għal dawk li ma tantx għandhom esperjenza jidhru donnhom rashom ’l isfel! Saff wieħed jistaʼ jkollu xi 20 banana individwali jew iktar jikbru fih, u dawn jissejħu swabaʼ.

Żmien il-​Ħsad

Iż-​żmien minn mindu tikber il-​fjura vjola sa żmien il-​ħsad tal-​banana jistaʼ jvarja minn tliet sa sitt xhur, skond iż-​żmien tas-​sena. II-frott jinqataʼ meta jkun aħdar u dan jiġri biss wara li jkun ħa forma għat-​tond. Meta jiġi biex jinbiegħ, għanqud sħiħ ikun jiżen madwar 35 kilogramma. Fil-​ħsad, l-​għanqud jiġi mdawwar bil-​plastik biex jevita li jintlaqat waqt li jinġarr fuq trakk lejn il-​post fejn jiġi ppakkjat. Hemmhekk, is-​saffi taʼ banana jinqatgħu f’għenieqed żgħar taʼ bejn tliet jew sitt bananiet kull wieħed u jingħata bexx b’kimika li jkun fih fungiċida.

Fl-Afrika t’Isfel, il-​frott imbagħad jiġi ppakkjat ġo kaxxi tal-​kartun li jkunu ndilku bix-​xamaʼ apposta u li jkollhom ventilazzjoni biżżejjed, u mbagħad jitpoġġew ġo kamra fejn ikunu jistgħu jsiru. Hawnhekk jintefaʼ gass li jgħinhom ikomplu jimmaturaw.a Il-​kaxxi jibqgħu f’temperatura kontrollata għal ġurnata jew tnejn imbagħad jintbagħtu biex jinbiegħu lill-​konsumatur.

“Forsi jien preġudikat,” jgħid Tony bid-​daħqa, “imma naħseb li l-​banana taʼ Levubu għandha togħma eċċezzjonali, wisq probabbli minħabba l-​ħamrija tagħna. B’dispjaċir, peress li ninsabu ’l bogħod ħafna minn xi belt li tesporta, nistgħu ngawduhom f’dan il-​post biss.”

Tajba għal Saħħtek

Il-​banana għandha ħafna potassju. “Ħafna studji wrew li din is-​sustanza tistaʼ tgħinek biex issaħħaħ l-​għadam u tnaqqaslek ir-​riskju li jkollok pressjoni għolja u puplesija,” tgħid ir-​rivista Health f’artiklu dwar il-​banana. “Il-​banana,” tkompli r-​rivista, “fiha l-​folate, vitamina B li tiġġieled kontra d-​difetti waqt it-​twelid, u li hija kruċjali għal nisa tqal u oħrajn li jkunu f’età li jistgħu jinqabdu tqal.” Il-​banana għandha minerali oħra vitali, bħalma huwa l-​manjesju, li jgħin l-​għadam jassorbi l-​kalċju biex b’hekk jibqaʼ b’saħħtu.

Il-proteina li għandha l-​banana hija magħmula minn 18-il amino acid, u tinkludi dawk l-​uħud essenzjali kollha li ġismek ma jistax jagħmel biżżejjed minnhom jew lanqas biss jagħmilhom. Il-​frotta hija wkoll 22 fil-​mija karboidrati, li jipprovdu enerġija fil-​pront għaliex il-​banana tiġi diġerita malajr. Marie tieħu pjaċir iżżid: “Il-​banana hija sors tajjeb ħafna għall-​vitamini A, B, u Ċ. Ukoll, tidher li taqtaʼ ftit l-​aptit għaliex donnu qatt ma tħossok li trid tiekol ħafna minnhom wara xulxin.” Allura għax ma tiħux waħda​—se tagħmillek tajjeb u vera tinżillek għasel!

[Nota taʼ taħt]

a Meta l-​banana timmatura b’mod naturali, din toħroġ l-​istess tip taʼ gass, li jgħin fil-​proċess biex il-​banana timmatura. B’hekk, mezz ieħor biex tgħin il-​banana ħadra timmatura huwa li tpoġġi ftit banana misjura ħdejha.

[Dijagramma/Stampa f’paġna 16]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Werqa

Fjura/banana

Il-​kisja tal-​werqa

Livell maʼ l-​art

Għeruq

Riżoma

[Sors]

Tpinġija: Ibbażata fuq tpinġija minn The Complete Encyclopedia of Illustration/J. G. Heck

[Dijagramma/Stampa f’paġna 17]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

In-​nanna

It-​tifla

In-​neputija

[Stampi f’paġna 17]

Il-​fjura vjola kbira maż-​żmien issir għanqud banana

[Sors]

Ritratt minn Kazuo Yamasaki

[Stampi f’paġna 18]

Żmien il-​ħsad (xellug); xitel ġdid qed jiġi kultivat (fuq)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja