Ħarsa Lejn id-Dinja
Għal Saħħa Aħjar—Idħaq!
Daħqa bil-qalb ma tferraħx biss lil dak li jkun. Skond xi tobba Ġappuniżi, din iġġib għan-normal l-iżbilanċ fis-sistema taʼ l-endokrina, fis-sistema nervuża, u fis-sistema taʼ l-immunità, tistabbilizza t-taħbit tal-qalb u n-nifs, u tistaʼ ġġib serħan temporanju għal dawk li jbatu bir-rewmatiżmu. Id-daħq jistimula s-sistema nervuża simpatetika, u b’hekk itejjeb iċ-ċirkulazzjoni tad-demm lejn il-muskoli u jżid l-attività fil-moħħ. Meta nidħqu bil-qalb, inkunu wkoll qed inħaddmu l-muskoli tagħna. Skond test li ġie ċitat fil-gazzetta IHT Asahi Shimbun, il-muskoli addominali taʼ xi ħadd li kien qed jidħaq, kienu qed juru l-istess livell taʼ sforz bħal dak meħtieġ minn xi ħadd li jkun qed jagħmel is-sit-ups.” Michio Tanaka, psikjatra minn Osaka, faħħar l-influwenza pożittiva li għandu d-daħq. Skond Tanaka, “hu bħal droga effettiva li ma tħalli ebda effetti ħżiena.”
Annimali “Tobba”
“Għadd kbir taʼ speċjalisti li jistudjaw l-imġiba taʼ l-annimali issa jaħsbu li l-annimali salvaġġi kapaċi jieħdu ħsieb il-bżonnijiet mediċi tagħhom u fil-fatt hekk jagħmlu,” tirrapporta The Economist taʼ Londra. Ix-ximpanzì fit-Tanzanija jfejqu lilhom infushom mid-dud li jitrabbewlhom fl-intestini billi jieklu l-ilbieba taʼ pjanta li jkun fiha kimiċi li joqtlu dawn id-dud. U x-ximpanzì fl-Afrika jieklu l-weraq li jkunu miksijin bi speċi taʼ leħja mikroskopika li tnaddaf l-intestini tagħhom mid-dud. Il-makawijiet li jieklu żrieragħ li fihom l-alkalojde velenuża (taħlita organika li tinsab fil-pjanti) jieklu wkoll it-tafal, li mid-dehra jneħħi l-velenu mid-dieta perikoluża tagħhom. L-orsijiet kannella taʼ l-Alaska, il-wiżż tas-silġ tal-Kanada, u l-volpijiet, ilkoll kemm huma jieklu l-ħaxix biex jeħilsu mid-dud fl-intestini. Xi testijiet tad-demm li saru fuq varjetà sħiħa t’annimali salvaġġi wrew li fl-abitat naturali tagħhom, ħafna minnhom fiequ minn infezzjonijiet serji kaġunati minn xi virus u batterji oħra li spiss ikunu fatali għall-annimali maqbudin. “Osservazzjonijiet bħal dawn,” tinnota The Economist, “jissuġġerixxu li l-annimali salvaġġi jistgħu jagħmlu xi ħaġa biex iżommu lilhom infushom f’saħħithom, iżda l-annimali maqbudin ma jistgħux.”
Qattiela Prima
“L-AIDS bla dubju se titfi l-Mewt is-Sewda bħala l-agħar epidemija fl-istorja,” stqarret ir-rivista New Scientist. “Fis-seklu 14, il-Mewt is-Sewda nfirxet maʼ l-Ewropa u l-Asja, u qatlet madwar 40 miljun ruħ. Issa, kważi 700 sena wara, l-istorja qed tirrepeti ruħha.” Skond rapport fil-British Medical Journal, madwar 65 miljun ruħ se jkunu mietu minħabba l-HIV fi żmien għaxar snin (sa l-2010). Filwaqt li iktar nies bħalissa qed jiġu effettwati mit-tuberkulosi u l-malarja, l-impatt ekonomiku u soċjali taʼ dan il-mard jintqal li hu inqas minn dak taʼ l-AIDS.
Il-Ħtieġa għal Kuntatt Fiżiku
“Aħna neħtieġu kuntatt fiżiku daqskemm neħtieġu d-dawl tax-xemx, l-ilma, u l-ikel,” tistqarr ir-rivista Polityka, li toħroġ kull ġimgħa fil-Polonja. Ilkoll kemm aħna għandna bħal sistema taʼ ditekters taħt il-ġilda li huma sensittivi għal diversi tipi taʼ kuntatt. Meta xi ħadd imissna, “moħħna jistaʼ jinduna b’dan il-kuntatt, jifhem x’kien, u jibdlu fi tbissima, f’burdata tajba, jew f’xi mossa ġentili oħra.” It-tfal b’mod partikulari jeħtieġu kuntatt fiżiku, speċjalment matul l-ewwel snin taʼ ħajjithom. Sfortunatament, ħafna ġenituri jmissu lil uliedhom biss meta jkunu se jlibbsuhom, jaħsluhom, jitimgħuhom, jew jikkastigawhom. Iżda l-għadd taʼ studji li saru ssuġġerew li t-tfal li jżommuhom fl-idejn, jgħannquhom, ibusuhom, u jmellsuhom, ikunu iktar f’saħħithom, jikbru aħjar, u jkunu iktar intelliġenti minn dawk li, skond ir-rivista Polityka, ma jkollhomx dan il-kuntatt fiżiku.
“Il-Qalb Tant Hi Mimlija —Ir-Ras Tant Hi Vojta”
Skond il-gazzetta Ġermaniża taʼ kull ġimgħa Die Woche, hemm domanda kbira għall-ittri taʼ mħabba miktubin minn kittieba professjonali taʼ l-ittri. Għal dawk li assolutament ma jkunux jafu jesprimu s-sentimenti tagħhom bil-kliem, diversi servizzi taʼ kittieba joffru li jiktbulek l-ittra bil-ħlas biex taparsi ktibtha int. Din jistaʼ jkollha kliem li jesprimi emozzjonijiet qawwijin jew inkella tkun xi ittra serja, skond kif jitlob il-klijent. Anki poeżiji huma disponibbli, u l-prezz ikun skond kif jiftiehmu bejniethom. Il-mod kif il-kittieba jikkomponu dawn l-ittri taʼ mħabba għal ħaddieħor ivarja ħafna. Filwaqt li xi wħud minn dawk li jiktbu dawn l-ittri huma kittieba u ġurnalisti professjonali, oħrajn jiktbu ittri taʼ mħabba bħala passatemp. Xi wħud saħansitra jipprovdu kwestjonarju fuq il-kompjuter li jkun il-bażi li fuqu tistaʼ titfassal l-ittra fuq il-kompjuter. Hu x’inhu l-każ, m’hemmx garanzija taʼ suċċess. Wara tliet snin taʼ “proposti u wegħdi li tant iħajruk” komposti minn wieħed li jikteb l-ittri għal oħrajn, it-tfajla taʼ wieħed mill-klijenti leali tiegħu xorta għadha m’aċċettatx il-proposti li għamlilha.
“Marda li Nistgħu Nevitawha”
“L-osteoporożi hija marda li nistgħu nevitawha,” tistqarr il-gazzetta The Sun-Herald taʼ l-Awstralja. “Fil-biċċa l-kbira din tistaʼ tilqgħalha minn qabel. Madankollu, huwa mbassar li sas-sena 2020, waħda minn kull tliet sodod fl-isptarijiet se tkun okkupata minn nisa li jkunu qed ibatu b’xi ksur fl-għadam.” Rapport li għamlet l-organizzazzjoni Osteoporożi Awstralja juri li din il-marda, li ġġiegħel l-għadam isir mimli pori u dgħajjef, “hija iktar komuni mill-kolesterol għoli, mill-allerġiji, u mill-irjiħat. Il-kura għaliha tiswa iktar minn dik tad-dijabete u taʼ l-ażżma. U r-rata taʼ l-imwiet fin-nisa minħabba ksur fl-għadam tal-ġenbejn hija akbar mill-każi kollha f’daqqa taʼ kanċer li jkollhom in-nisa.” Skond il-Professur Philip Sambrook, il-kalkoli juru li fl-Awstralja nofs in-nisa u terz mill-irġiel se jġarrbu xi ksur minħabba l-osteoporożi matul ħajjithom. Il-gazzetta tkompli tgħid li l-aqwa difiża hi li jsaħħu kemm jifilħu l-għadam tagħhom fl-ewwel tletin sena taʼ ħajjithom billi jagħmlu l-eżerċizzju u jieħdu biżżejjed kalċju. Ir-riskju li jsofru mill-osteoporożi jistaʼ jitnaqqas ferm jekk jevitaw it-tipjip u l-konsum eċċessiv taʼ l-alkoħol jew il-kafeina. Drawwiet li huma taʼ benefiċċju jinkludu eżerċizzju regulari u ikel li fih ħafna kalċju u vitamina D.
L-Evanġelju fl-Ispazju
Waqt li x-xjenzati għadhom qed jiddibattu dwar il-possibbiltà li teżisti l-ħajja fuq pjaneti oħra fl-ispazju, il-qassisin fl-Osservatorju tal-Vatikan, skond il-gazzetta Berliner Morgenpost, waslu għall-konklużjoni li “l-abitanti taʼ l-art m’humiex l-uniċi ħlejjaq t’Alla fl-univers. Alla ħalaq ukoll l-estraterrestrijali.” Bħalma spjega George Coyne, direttur taʼ dan l-osservatorju, “l-univers hu sempliċement kbir wisq biex inkunu fih waħedna.” Biex jintlaħqu dawn il-ħlejjaq fuq pjaneti oħra bl-Evanġelju, diversi monasterji qed jibagħtu t-Testment il-Ġdid fl-ispazju bħala messaġġ f’kodiċi. Dak li jixtieq ikun jaf il-Vatikan issa, tgħid din il-gazzetta, “hu jekk Ġesù Kristu weriex lilu nnifsu fuq pjaneti oħra wkoll.” U, iżid Coyne, “jekk Ġesù Kristu salvax ukoll l-abitanti taʼ dawk il-pjaneti.”
Jerġgħu Jissettjaw “Jum il-Kundanna”
Id-diretturi taʼ The Bulletin of the Atomic Scientists mexxew il-minutieri tal-famuż Arloġġ taʼ Jum il-Kundanna “żewġ minuti ’l quddiem, għal nofsillejl nieqes sebaʼ minuti,” jirrapporta l-ġurnal International Herald Tribune taʼ Pariġi. “Tħassib dwar tnikkir fl-isforzi biex jitnaqqsu l-armamenti, is-sigurtà fil-ħażniet nukleari enormi li jeżistu u t-terroriżmu” qanqlu din il-bidla. L-arloġġ—is-simbolu taʼ kemm id-dinja tinsab qrib qerda nukleari—issettjawh mill-ġdid 17-il darba mindu ġie inawgurat fl-1947. Wara l-waqgħa taʼ l-Unjoni Sovjetika, fl-1991, il-minutieri tmexxew lura għal nofsillejl nieqes 17-il minuta, imma matul is-snin il-minutieri bdew bil-ftit il-ftit joqorbu iktar lejn nofsillejl. L-aħħar darba li l-arloġġ tmexxa ’l quddiem kien fl-1998, meta minn nofsillejl nieqes 14-il minuta sar nofsillejl nieqes 9 minuti. Minn dakinhar ’l hawn, mill-armamenti nukleari żżarmaw biss 3,000 u tħallew iktar minn 31,000 f’idejn il-potenzi li għandhom l-armamenti nukleari.
L-Isvizzera Tiddeċiedi li Tissieħeb fil-ĠM
The New York Times irrapportat li b’differenza żgħira, wara votazzjoni li saret mal-pajjiż kollu, l-Isvizzera newtrali ddeċidiet li tħalli warajha l-għaxriet taʼ snin taʼ nuqqas taʼ ndħil fi kwistjonijiet taʼ pajjiżi oħra u ssir membru tal-Ġnus Magħquda. Hemm bżonn li tiġi preżentata applikazzjoni formali lill-Assemblea Ġenerali tal-ĠM biex l-Isvizzera tkun tistaʼ ssir il-190 membru taʼ din l-organizzazzjoni. L-aħħar li kienu vvotaw dwar jekk isirux membri jew le fl-1986, il-proposta kienet ġiet rifjutata b’differenza kbira taʼ voti, “minħabba l-biżaʼ li n-newtralità tradizzjonali tal-ġens kienet se tiġi kompromessa.” X’kien li kkaġuna din il-bidla? It-Times tgħid li minkejja li l-kwartieri ġenerali Ewropej tal-Ġnus Magħquda jinsabu f’Ġinevra u l-pajjiż hu attiv f’għadd taʼ aġenziji tagħhom, il-gvern beżaʼ li, jekk se jibqaʼ jżomm lura milli jsir membru, dan se jdgħajjef lill-Isvizzera politikament u ekonomikament kif ukoll iġib fix-xejn l-isforzi taʼ medjazzjoni tagħha f’konflitti mbiegħda. L-Isvizzera għandha mnejn ukoll ħasset il-bżonn li ttejjeb ir-reputazzjoni tagħha wara li dan l-aħħar sar magħruf li l-banek Svizzeri kienu geddsu l-kontijiet tal-vittmi taʼ l-Olokawst u li l-Isvizzera ma kinitx ħalliet lil ħafna refuġjati jaqsmu l-fruntieri tagħha biex jipprovaw jaħarbu mill-Ġermanja Nazista.