LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g02 4/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2002
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tnikkir u s-​Saħħa
  • Ħuta li Tixxabbat mal-​Blat!
  • Tadam Reżistenti għall-​Melħ
  • Nasba għan-​Nemus
  • L-​Irġiel Imħeġġin Jieklu l-​Ħut
  • Iċ-​Ċeki Jagħtu Daharhom lir-​Reliġjon
  • Servizz taʼ Oqbra On-Line
  • Twissija dwar l-​Artiku
  • Tiżdied il-​Ħxuna Żejda fit-​Tfal
  • Nisa Tqal Imsawtin
  • It-Tadama—“Ħaxixa” li Tintuża Ħafna
    Stenbaħ!—2005
  • Int Tistaʼ Ssib l-Għajnuna
    Stenbaħ!—2001
  • Ġliba Ħut
    Stenbaħ!—2012
  • Nixtieq immut—Tistaʼ l-Bibbja tgħinni meta jkolli ħsibijiet biex nagħmel suwiċidju?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2002
g02 4/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

It-​Tnikkir u s-​Saħħa

“It-​tnikkir jistaʼ jmarrdek,” jgħid studju li ssemma fil-​gazzetta Vancouver Sun. Skond kif ġie preżentat dan l-​aħħar f’konferenza tas-​Soċjetà Amerikana tal-​Psikoloġija li nżammet f’Toronto, il-​Kanada, minn studju taʼ 200 student f’università Kanadiża “nstab li dawk li jitnikkru tant poġġew lilhom infushom fi pressjoni minħabba d-​dewmien f’dak li jagħmlu, li batew iktar minn oħrajn b’mard konness maʼ l-​istress. . . . Hekk kif qorbot il-​ġurnata taʼ l-​eżami, il-​livelli taʼ l-​istress għolew ħafna fost dawk li jitnikkru. L-​attitudni taʼ [li jieħdu l-​ħajja kif tiġi], inbidlet f’rati akbar taʼ wġigħ taʼ ras, uġigħ fid-​dahar, irjiħat, nuqqas taʼ rqad u allerġiji. Huma batew minn iktar problemi respiratorji, infezzjonijiet, u migranja.”

Ħuta li Tixxabbat mal-​Blat!

Grupp taʼ ittjoloġi Brażiljani, xjenzati li jistudjaw il-​ħut, osservaw speċi tas-​South American darter, ħuta żgħira taʼ l-​ilma ħelu, li din, minkejja li jistaʼ jidher impossibbli, titlaʼ mal-​blat imxarrab u jiżloq taʼ taħt kaskata taʼ l-​ilma għoli ħames sulari, tirrapporta r-​rivista Natural History. “Ir-​riċerkaturi osservaw l-​abbiltajiet taʼ din il-​ħuta twila biss erbaʼ ċentimetri li titlaʼ mal-​kaskati fix-​xmajjar taʼ l-​ilma ħelu ġieri f’Espírito Santo fil-​lvant tal-​Brażil.” Billi uża ż-​żewġ pari taʼ pinen kbar li għandu, dan il-​ħut qabad sew mal-​blat tan-​naħa taʼ isfel tal-​kaskata. Bil-​mod il-​mod telaʼ mal-​blat li kien għoli 15-il metru, “billi b’saħħa tħarrek minn naħa għall-​oħra,” waqt li kull ftit ħin kien jieqaf biex jistrieħ. “Ix-​xjenzati jaħsbu li dan l-​aġir jgħin biex iżomm il-​popolazzjoni taʼ dan il-​ħut f’postijiet remoti u għoljin,” qal ir-​rapport. Madankollu, mhux dan it-​tip taʼ ħut biss għandu l-​abbiltà li jixxabbat mal-​blat; ħut ieħor jinkludi lill-​mazzun tropikali u loaches Asjatiċi.

Tadam Reżistenti għall-​Melħ

Permezz taʼ inġinerija ġenetika, riċerkaturi pproduċew l-​ewwel tadama fid-​dinja li tistaʼ tikber b’ilma mielaħ—avvanz li jistaʼ jgħin biex tissolva waħda mill-​akbar problemi fl-​agrikultura, jgħid washingtonpost.com. It-​tadama reżistenti għall-​melħ prodotta bl-​inġinerija ntgħamlet permezz taʼ ġene minn pjanta mill-​familja tal-​kaboċċi. Il-​ġene li ġie inserit jippermetti li pjanta tat-​tadam “twarrab u taħżen il-​melħ f’ħofor, u b’hekk il-​pjanta tikber tajjeb f’ħamrija li s-​soltu ħafna mill-​ħxejjex ma jkunux jistgħu jikbru fiha.” Skond ir-​rapport, “it-​tadama prodotta b’inġinerija ġenetika tistaʼ tikber f’ħamrija msoqqija b’ilma li hu madwar 50 darba iktar mielaħ min-​normal.” Huwa ttamat li pjanti reżistenti għall-​melħ bħal dawn ikunu kapaċi jikbru f’ħamrija li ma tkunx imsoqqija mix-​xita spiss. Ir-​rapport iżid li użu potenzjali ieħor taʼ tadam modifikat (jew, prodotti oħra tar-​rabaʼ magħmulin reżistenti għall-​melħ) hu li jibdel in-​natura taʼ ħamrija mielħa billi jixorbilha l-​melħ.

Nasba għan-​Nemus

Kumpanija f’Singapor qed tiddisinnja sistema biex biha wieħed jeħles min-​nemus mingħajr l-​użu taʼ insettiċidi. Din hija kaxxa sewda tal-​plastik twila 38 ċentimetru li “tarmi s-​sħana u d-​dijossidu karboniku [carbon dioxide] daqskemm kieku jarmi l-​ġisem uman,” tirrapporta l-​gazzetta The Economist taʼ Londra. Peress li n-​nemus isib il-​vittmi tiegħu billi jara minfejn ġejja s-​sħana tal-​ġisem u d-​dijossidu karboniku min-​nifs u jmur dritt lejhom, dan il-​metodu “jinganna lin-​nemus billi jġagħlu jaħseb li se jiekol xi ikla.” Din il-​kaxxa tissaħħan bl-​elettriku, u tarmi d-​dijossidu karboniku minn kartriġ żgħir. Dwal ileqqu jattiraw lin-​nemusa għal ġo fetħa fil-​kaxxa. Hemmhekk fann jitfagħha ’l isfel ġo l-​ilma, fejn tegħreq. Din il-​kaxxa tistaʼ taqbad 1,200 nemusa f’lejl wieħed u tistaʼ tiġi aġġustata biex tattira l-​Anopheles, nemusa taʼ bil-​lejl li ġġorr il-​malarja, jew l-​Aedes, nemusa li toħroġ matul il-​ġurnata li ġġorr id-​deni isfar u d-​dengue. Vantaġġ ieħor hu li insetti oħrajn li ma jagħmlux ħsara, bħall-​friefet, ma jinqatlux.

L-​Irġiel Imħeġġin Jieklu l-​Ħut

L-​irġiel li jieklu ħafna ħut imxaħħam bħalma huma s-​salamun, l-​aringi, u l-​kavalli, għandhom darbtejn jew tliet darbiet inqas ċans li jiżviluppaw kanċer fil-​prostata minn irġiel li rari jieklu l-​ħut, jgħidu riċerkaturi mill-​Istitut taʼ Karolinska fi Stokkolma. L-​istudju taʼ 30 sena fuq 6,272 raġel qies ukoll fatturi li jżidu r-​riskju bħalma hu t-​tipjip. Ir-​riċerkaturi kkonkludew li “l-​hekk imsejħin aċidi grassi tat-​tip omega-3 [li b’mod speċjali jinstabu f’ħut żejtni] milli jidher ma jħallux il-​kanċer tal-​prostata jikber.” L-​istess aċidi grassi “jnaqqsu wkoll ir-​riskju t’attakk tal-​qalb,” jgħid ir-​rapport. Għalhekk, l-​esperti jagħtu parir lin-​nies biex jieklu l-​ħut “darba jew darbtejn fil-​ġimgħa.”

Iċ-​Ċeki Jagħtu Daharhom lir-​Reliġjon

Iċ-​ċifri pubblikati mill-​Uffiċċju taʼ l-​Istatistika tar-​Repubblika Ċeka juru li ħafna nies fis-​soċjetà Ċeka taw daharhom lir-​reliġjon f’dawn l-​aħħar għaxar snin. Per eżempju, fl-​2001, 2.7 miljun Ċek biss identifikaw ruħhom bħala Kattoliċi Rumani, meta mqabblin maʼ l-​4 miljuni fl-​1991. Fl-​istess perijodu taʼ żmien, il-​Knisja Evanġelika u l-​Knisja taʼ Hus ukoll batew tnaqqis, l-​ewwel waħda taʼ 32 fil-​mija u l-​oħra taʼ 46 fil-​mija. Għalfejn dan it-​tnaqqis kollu? Ftit wara l-​waqgħa tal-​Komuniżmu, iċ-​Ċeki ħassewhom ħielsa li jidentifikaw ruħhom bħala membri tal-​knisja. Madankollu, illum, kważi 60 fil-​mija tal-​popolazzjoni tagħha jgħidu li m’humiex reliġjużi. Ir-​Repubblika Ċeka taʼ llum, dik li darba kienet art twelid ir-​Riformatur reliġjuż magħruf Jan Hus, saret wieħed mill-​pajjiżi l-​inqas reliġjużi fl-​Ewropa.

Servizz taʼ Oqbra On-Line

Servizz on-line issa jagħmilha possibbli biex iżżur oqbra virtwali fid-​dinja tal-​kompjuter, jirrapporta The Japan Times. Ħbieb u qraba jistgħu jagħtu t-​tislim tagħhom lill-​mejjet fuq l-​Internet. Stampa taʼ lapida tidher fuq il-​kompjuter flimkien maʼ ritratt u ftit kliem dwar il-​mejjet. Hemm ukoll wisaʼ fejn il-​viżitaturi jistgħu jħallu messaġġi. Għall-​vantaġġ taʼ viżitaturi Buddisti, għotjiet taʼ frott, fjuri, zkuk taʼ l-​inċens, u xorb alkoħoliku jistgħu jingħataw fil-​qabar virtwali billi tagħfas buttuna tal-​mouse. Skond Tadashi Watanabe, president taʼ din il-​kumpanija tas-​servizz tal-​funerali on-line, “xi wħud jgħidu li din hija idea prattika ħafna għal nies li ma jistgħux iżuru l-​oqbra spiss, bħal dawk li joqogħdu f’pajjiż ieħor.”

Twissija dwar l-​Artiku

“Sa 80 fil-​mija mir-​reġjun delikat Artiku fid-​dinja se jitħassar serjament sa nofs dan is-​seklu jekk l-​iżvilupp industrijali hemmhekk ma jnaqqasx il-​pass li bih qed jikber,” tgħid il-​gazzetta The Globe and Mail tal-​Kanada. Rapport mill-​Programm tal-​ĠM għall-​Ambjent jikkummenta dwar l-​effetti li dejjem jiżdiedu taʼ l-​iżvilupp uman fir-​reġjun Artiku kollu. Skond ir-​rapport, jekk l-​iżvilupp industrijali jibqaʼ sejjer bl-​istess rata bħalma ġara mill-​1940 sa l-​1990, ir-​riżultati jkunu qerrieda. Huwa mifhum li l-​ħsara għandha potenzjal biex tinfirex f’reġjuni oħrajn ukoll, ladarba ħafna annimali Artiċi jemigraw. “Diġà,” tgħid il-​gazzetta, “bejn 10 u 15 fil-​mija tar-​reġjun Artiku tad-​dinja huwa effettwat [ħażin] mill-​iżvilupp industrijali.”

Tiżdied il-​Ħxuna Żejda fit-​Tfal

“In-​numru taʼ tfal ċkejknin b’piż żejjed kważi rdoppja fl-​aħħar għaxar snin,” tgħid The Times taʼ Londra, meta kkummentat fuq stħarriġ reċenti pubblikat mill-​British Medical Journal. “Iktar minn wieħed minn kull ħamest itfal taħt l-​erbaʼ snin għandu piż żejjed u kważi wieħed minn kull għaxra huwa meqjus bħala oħxon iżżejjed. It-​Tabib Peter Bundred mill-​Università taʼ Liverpool qal li ħafna ommijiet jagħtu “ikel lest, li jkollu iktar xaħmijiet,” lit-​tfal ċkejknin tagħhom u jipprovdulhom f’hiex jedhew billi jħalluhom quddiem it-​televixin. Meta jibdew l-​iskola, ħafna minn dawn it-​tfal imorru l-​iskola bil-​karozza minflok ma jimxu, u wara l-​iskola jaraw it-​televixin minflok ma jilagħbu barra. “Għall-​ewwel darba qed naraw żjieda mgħaġġla fil-​piż matul is-​snin tat-​tfulija,” qal Bundred.

Nisa Tqal Imsawtin

“Swat mis-​sieħeb huwa issa rikonoxxut bħala li jikkaġuna iktar ħsara għall-​omm u t-​tarbija milli jagħmlu l-​[komplikazzjonijiet] mediċi li jiġu eżaminati waqt it-​tqala,” tgħid The Independent taʼ Londra. “Studju taʼ vjolenza domestika fil-​Britannja li sar mill-​Kulleġġ Irjali taʼ l-​Ostetriki . . . wera li terz mill-​każi taʼ swat fuq in-​nisa saru għall-​ewwel darba waqt li kienu tqal. Hemm evidenza li dejjem tikber li l-​għira, provokata mill-​istennija tat-​twelid tat-​tarbija, twassal lil xi rġiel għall-​vjolenza.” “Inħsadna meta rajna ċ-​ċifri fir-​Renju Unit,” qal il-​Professur James Drife tal-​Kulleġġ Irjali taʼ l-​Ostetriki. Studju simili fl-​Istati Uniti wera li l-​kaġun taʼ 1 minn 5 imwiet fost nisa tqal f’dak il-​pajjiż huwa l-​qtil, u dan jagħmlu “l-​iktar kaġun komuni taʼ mwiet fost in-​nisa tqal [hemmhekk].”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja