Il-Fwieħa Matul is-Sekli
MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FIL-MESSIKU
Il-fwieħa għandha storja antika. Jingħad li l-fwejjaħ primittivi bdew minn ċerimonji reliġjużi li fihom kienu jaħarqu l-gomma u l-kolla tas-siġar għall-inċens. Għaldaqstant, il-kelma “fwieħa” ġejja mill-kelma Latina per fumum, li tfisser “minn ġod-duħħan.” Wieħed mir-rakkonti bikrin dwar il-fwieħa ġej mill-Eġittu. Meta nfetaħ il-qabar tal-Fargħun Tutankamen, ġo fih instabu ’l fuq minn 3,000 vażett tal-fwieħa li minkejja li kienu ilhom hemm għal iktar minn 30 seklu, xorta ppreservaw xi ftit mir-riħa tal-fwejjaħ li kien fihom.
Madwar elf u ħames mitt sena qabel l-Era Komuni, qassisin Iżraelin kienu jużaw “l-aħjar ħwawar [“fwejjaħ,” NW]” f’taħlita mogħtija minn Alla biex isir iż-żejt qaddis tal-konsagrazzjoni. (Eżodu 30:23-33) L-Ebrej kienu jużaw ingwenti jfuħu bħala prodott tas-sbuħija, fil-mediċina, jew anki biex jippreparaw il-mejtin għad-difna—bla dubju taʼ xejn dawn kienu jservu wkoll kemm bħala diżinfettant kif ukoll biex jagħmlu riħa tfuħ. Per eżempju, xi nisa ħadu ħwawar u żjut tal-fwieħa fil-qabar taʼ Ġesù ħalli jidilkulu ġismu bihom. (Luqa 23:56; 24:1) Fid-dar Iżraelija, li tidlek saqajn il-mistidnin biż-żejt tal-fwieħa kien meqjus att taʼ ospitalità.—Luqa 7:37-46.
Fl-ewwel seklu, ġo Ruma ġie rapportat li ntużaw madwar 2,844,800 kilogramm inċens u 558,800 kilogramm mirra fis-sena. Ingredjenti jfuħu bħal dawn ittieħdu lit-tfajjel Ġesù bħala rigal. (Mattew 2:1, 11) Jintqal li fis-sena 54 E.K. l-Imperatur Ruman Neruni nefaq daqs $100,000 (Lm45,455) biex ifewwaħ festin. Pajpijiet moħbijin fil-kmamar taʼ l-ikel tiegħu bdew iroxxu rxiex taʼ ilma mfewwaħ fuq il-mistidnin. Mis-sebaʼ seklu E.K. ’l quddiem, iċ-Ċiniżi bdew jużaw il-fwejjaħ, saħansitra f’għamla taʼ pakketti żgħar imfewħin. Matul il-Medju Evu, il-fwejjaħ bdew jintużaw ukoll fil-kultura Islamika, speċjalment irwejjaħ taʼ ward.
L-industrija tal-fwieħa tant saret stabbilita sew fi Franza matul is-seklu 17 li l-familja rjali taʼ Lwiġi XV ġiet imlaqqma l-familja rjali li tfuħ. Minbarra li ġew applikati fuq il-ġilda, irwejjaħ ifuħu ntużaw ukoll fuq il-ħwejjeġ, l-ingwanti, il-fannijiet, u l-għamara.
Imbagħad likwidu jfuħ li ġie vvintat fis-seklu 18, beda jintuża maʼ l-ilma fil-banju, jitħallat maʼ l-inbid, u jittiekel maʼ ftit zokkor biex b’hekk iservi bħala ħasil għall-ħalq. Beda jintuża wkoll fil-qasam mediku bħal fl-enema—injezzjoni taʼ likwidu jew gass fir-rektum—u fil-ġbajjar. Fis-seklu 19, ġew żviluppati fwejjaħ magħmulin b’mod artifiċjali mill-bniedem. B’hekk, bdew jinbiegħu l-ewwel fwejjaħ li ma kinux intenzjonati għall-użu mediku. Illum il-fwieħa saret kummerċ multi-biljunarju.a
[Nota taʼ taħt]
a Il-kwistjoni tas-sensittività għall-fwieħa hija diskussa fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 t’Awissu, 2000.
[Stampa f’paġna 31]
L-Eġittu, vażett tal-fwieħa mill-qabar taʼ Tutankamen, fis-seklu 14 Q.E.K.
[Sors]
Werner Forman/Mużew Eġizzjan, il-Kajr, l-Eġittu/Art Resource, NY
[Stampa f’paġna 31]
Il-Greċja, fis-seklu 5 Q.E.K.
[Sors]
Musée du Louvre, Pariġi
[Stampa f’paġna 31]
Franza, fis-seklu 18 E.K.
[Sors]
Avec lʹaimable autorisation du Musée de la Parfumerie Fragonard, Pariġi
[Stampa f’paġna 31]
Flixkun tal-fwieħa modern