Naqbżu l-Linja Immaġinarja
IL-BNIEDEM ILU ŻMIEN TWIL JOĦLOM LI jistaʼ jmexxi l-arloġġ lura u ’l quddiem biex jerġaʼ jgħix fil-passat jew jara x’se jiġri fil-futur. Allura għalfejn għandek tiskanta meta ssir taf li sa ċertu punt in-nies imexxu l-arloġġ lura u ’l quddiem kuljum ? Ikkunsidra n-negozjant minn Tokyo li jmur bil-ġett lejn New York għal xi laqgħa. Jekk it-titjira tiegħu titlaq f’nofsinhar, hu jasal fid-destinazzjoni tiegħu dak in-nhar stess fil-għodu, donnu iktar kmieni minn x’ħin ikun telaq, avolja jkun ivvjaġġa mingħajr waqfien u dar kważi nofs id-dinja.
Huwa tassew possibbli li tivvjaġġa fit-tul imma tasal qabel ma titlaq? Le, m’huwiex possibbli. Imma l-bliet li huma mbegħdin minn xulxin qegħdin f’reġjuni u għandhom ħin differenti minn xulxin. Dawn ir-reġjuni huma msejħin żoni tal-ħin. Fil-fatt, li taqbeż il-linja internazzjonali li timmarka bidla fid-data, linja immaġinarja li taqsam il-globu, ifisser li tgħaddi għan-naħa l-oħra tal-linja li tissepara l-ġranet tal-kalendarju, linja li hi aċċettata minn kulħadd. Din hi esperjenza li tħawdek tabilħaqq! Ikun bħallikieku qed tirbaħ jew titlef ġurnata f’ħakka t’għajn, jiddependi minfejn tkun sejjer.
Immaġina li biex jerġaʼ jmur lura Tokyo, dak in-negozjant jitlaq minn New York it-Tlieta fil-għaxija. Meta jinżel minn fuq l-ajruplan xi 14-il siegħa wara, ikun diġà l-Ħamis fil-Ġappun. Kemm hi ħaġa stramba li taqbeż ġurnata sħiħa! Waħda li tivvjaġġa sikwit tiftakar hekk dwar l-ewwel darba li qabżet il-linja internazzjonali li timmarka bidla fid-data: “Ma stajtx nifhem fejn marret dik il-ġurnata li nqabżet. Ħassejtni tant konfuża.”
Ladarba din il-linja tistaʼ tħawwad lil min jivvjaġġa, xi wħud jiskantaw għala ġiet ivvintata u stabbilita din id-demarkazzjoni.
Il-Baħrin Jiskopru Xi Ħaġa
Il-bżonn li jkun hemm linja li timmarka bidla fid-data deher ċar fl-1522, meta l-ekwipaġġ taʼ Ferdinand Magellan baħħar mad-dawra kollha taʼ l-art. Wara tliet snin fuq il-baħar, huma waslu Spanja, il-Ħadd, 7 taʼ Settembru. Madankollu, skond il-logbook tal-bastiment tagħhom, id-data kienet is-Sibt, 6 taʼ Settembru. Għala din id-diskrepanza? Billi kienu baħħru madwar id-dinja fid-direzzjoni tax-xemx, huma kienu raw ix-xemx tielgħa darba inqas min-nies taʼ Spanja.
Il-kittieb Jules Verne uża dan il-fenomenu bil-maqlub bħala l-pjan li fuqu bena r-rumanz tiegħu Around the World in Eighty Days (Madwar id-Dinja fi Tmenin Ġurnata). Il-karattru prinċipali f’dan il-ktieb kellu jdur dawra mad-dinja fi 80 ġurnata sabiex jirbaħ somma kbira taʼ flus. Fi tmiem l-avventura, hu jasal lura d-dar diżappuntat għax kien wasal ġurnata tard u tilef il-premju tiegħu. Jew hekk kien mingħalih. Hu baqaʼ mistagħġeb meta sar jaf li fil-fatt hu kien wasal fil-ħin. Bħalma jispjega l-ktieb: “Mingħajr ma ssuspetta f’xejn, Phileas Fogg kien rebaħ ġurnata fil-vjaġġ tiegħu, u dan sempliċement għax baqaʼ dejjem jivvjaġġa lejn il-lvant.”
Filwaqt li l-istorja taʼ Verne spiċċat tajjeb minħabba l-linja li timmarka bidla fid-data, din il-linja ma kinitx teżisti kif inhi llum, meta ġie pubblikat ir-rumanz fl-1873. F’dak iż-żmien, il-kaptani tal-bastimenti kienu jirranġaw il-kalendarji tagħhom b’ġurnata meta kienu jaqsmu l-Oċean Paċifiku, imma l-linja li timmarka bidla fid-data li nafu llum ma kinitx tidher fil-mapep tagħhom. Dan kien jiġri qabel ma daħlet is-sistema universali taż-żoni tal-ħin. Għalhekk, meta l-Alaska kienet okkupata mir-Russja, in-nies t’hemmhekk kienu jimxu fuq l-istess ġurnata tal-kalendarju bħar-residenti taʼ Moska. Imma fl-1867, meta l-Istati Uniti xtraw it-territorju, l-Alaska adottat l-istess ġurnata tal-kalendarju taʼ l-Istati Uniti.
Żviluppi Storiċi
Fl-1884, fost din il-konfużjoni dwar iż-żamma tal-ħin, rappreżentanti minn 25 pajjiż iltaqgħu flimkien f’Washington, D.C., għall-Konferenza Internazzjonali dwar il-Prim Meridjan. Dawn stabbilew sistema mad-dinja kollha taʼ 24 żona tal-ħin u qablu fuq il-prim meridjan—il-linja taʼ lonġitudni li tgħaddi minn Greenwich, fl-Ingilterra.a Minn din il-linja bdew jiġu kalkulati l-pożizzjonijiet fil-lvant u fil-punent tal-globu.
F’nofs id-dawra tad-dinja lil hinn minn Greenwich—12-il żona tal-ħin lejn il-lvant jew il-punent—deher li kien post loġiku għal-linja li timmarka bidla fid-data. Għalkemm ma ġiex adottat uffiċjalment mill-konferenza taʼ l-1884, il-meridjan taʼ 180-grad ġie aċċettat bħala l-iktar post xieraq għax il-linja li timmarka bidla fid-data ma kienet se tgħaddi mill-ebda kontinent. Tistaʼ timmaġina kemm kienet tinħoloq konfużjoni li kieku nofs il-pajjiż fejn toqgħod int ikun il-Ħadd u n-nofs l-ieħor ikun it-Tnejn?
Jekk tfittex f’xi mappa tad-dinja jew fuq xi globu tistaʼ tara li l-meridjan taʼ 180-grad qiegħed lejn il-punent tal-Ħawajj. Mill-ewwel se tinduna li l-linja li timmarka bidla fid-data ma ssegwix eżatt il-meridjan. Hija linja fl-Oċean Paċifiku li qiegħda f’forma taʼ żigżag biex tevita l-art għalkollox. U ladarba din il-linja ġiet stabbilita bi ftehim ġenerali, mhux b’xi trattat internazzjonali, tistaʼ tinbidel kulmeta jfettillu xi pajjiż. Per eżempju, fl-1995, il-pajjiż taʼ Kiribati ddikjara li minn dak in-nhar ’il quddiem, din il-linja, li kienet tgħaddi minn ġo dawn il-gżejjer, kellha ddur mal-gżira li kienet l-iktar imbiegħda lejn il-lvant. Għalhekk, il-mapep aġġornati taʼ llum juru li l-gżejjer taʼ Kiribati qegħdin fuq l-istess naħa tal-linja. Għaldaqstant, huma għandhom l-istess ġurnata tal-kalendarju.
Kif Taħdem
Biex tifhem għala titlef jew tirbaħ ġurnata meta taqsam il-linja li timmarka bidla fid-data, immaġina li qed tbaħħar madwar id-dinja. U ejja ngħidu li sejjer lejn il-lvant. Forsi ma tindunax, imma int qed tirbaħ siegħa maʼ kull żona tal-ħin li tgħaddi minnha. Meta fl-aħħar ittemm il-vjaġġ tiegħek madwar id-dinja, tkun għaddejt minn 24 żona tal-ħin. Mingħajr linja li timmarka bidla fid-data, int qisek qiegħed ġurnata bil-quddiem. Il-linja internazzjonali li timmarka bidla fid-data tirranġa din id-diskrepanza. Dan iħawwadlek daqsxejn moħħok, hux tassew? Mhux taʼ b’xejn li l-ekwipaġġ taʼ Magellan u l-karattru fittizju taʼ Phileas Fogg ħadu żball fid-data meta temmew il-vjaġġi tagħhom madwar id-dinja!
Dawk li qabżu l-linja huma familjari mas-sensazzjoni stramba li tħoss meta f’daqqa waħda titlef jew tirbaħ ġurnata. Imma kont titħawwad ferm iktar meta tiġi biex tivvjaġġa li kieku ma kienx għal-linja internazzjonali li timmarka bidla fid-data.
[Nota taʼ taħt]
a Għal iktar informazzjoni dwar iż-żoni tal-ħin u l-linji taʼ lonġitudni, ara l-artiklu “Those Useful Imaginary Lines” (Dawk il-Linji Immaġinarji u Utli), fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 taʼ Marzu, 1995.
[Dijagramma/Mappa f’paġna 29]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
Marzu | Marzu
2 | 1
[Stampi f’paġna 30]
Fuq: L-Osservatorju Rjali taʼ Greenwich
Lemin: Din il-linja fuq iċ-ċangaturi timmarka l-prim meridjan