LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 6/8 pp. 23-25
  • Meta l-Baħar Isir Aħmar

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta l-Baħar Isir Aħmar
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Inhu
  • Il-​Vittmi
  • Ivvelenar mill-​Mewġ Aħmar
  • Is-​Soluzzjoni
  • Iċ-Ċelluli Ħomor Tiegħek—X’Meravilja!
    Stenbaħ!—2006
  • It-“Trakkijiet” Mikroskopiċi li Jinsabu f’Ġismek
    Stenbaħ!—2001
Stenbaħ!—2001
g01 6/8 pp. 23-25

Meta l-​Baħar Isir Aħmar

MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-​FILIPPINI

Ġib quddiem għajnejk lil xi sajjieda li fil-​għodu kmieni jerħulha bħas-​soltu għax-​xatt biex iħejju d-​dgħajjes u x-​xbieki tagħhom. Huma jittamaw li jaqbdu qabda ħut tajba bħal drabi oħra. Għajnejhom għadhom tqal bin-​ngħas imma malli jaraw dik ix-​xena kerha jibqgħu mbellhin. Max-​xatt hemm eluf taʼ ħut—kollu mejjet. X’ikkaġuna din il-​qerda daqshekk kbira? MEWĠA ĦAMRA!

IL-​MEWĠ AĦMAR (red tides) huwa fenomenu globali. Dan deher kemm mal-​kosta taʼ l-​Atlantiku kif ukoll mal-​kosta tal-​Paċifiku taʼ l-​Istati Uniti u l-​Kanada. Deher ukoll fl-​Awstralja, fil-​Brunej, fil-​majjistral taʼ l-​Ewropa, fil-​Filippini, fil-​Ġappun, fil-​Malasja, fil-​Papwa Ginea Ġdida, u f’postijiet oħra. Għalkemm relattivament ftit nies jafu b’dan il-​mewġ aħmar, dan m’huwiex xi ħaġa li bdiet tidher biss dan l-​aħħar.

Fil-Filippini, mewġ aħmar deher għall-​ewwel darba fil-​provinċja taʼ Bataan fl-​1908. Fl-​1983 mewġ aħmar ivvelena ħut u frott tal-​baħar fil-​Baħar taʼ Samar, fil-​Bajja taʼ Maqueda, u fil-​Bajja taʼ Villareal. Minn dakinhar ’l hawn, dan il-​mewġ aħmar deher f’ħafna nħawi oħra taʼ mal-​kosta. Zenaida Abuso tagħmel parti minn organizzazzjoni fil-​Filippini li twaqqfet biex tieħu ħsieb din il-​problema. Hi qalet lil Stenbaħ! li minbarra l-​ħut mejjet, l-​Uffiċċju tas-​Sajd u r-​Riżorsi Akkwatiċi tal-​Filippini rrapporta 1,926 każ taʼ vvelenar u pparalizzar mill-​frott tal-​baħar milqut mill-​mewġ aħmar.a Imma x’inhu eżattament dan il-​fenomenu qattiel?

X’Inhu

Il-​frażi “mewġ aħmar” tapplika għall-​bidla fil-​kulur taʼ l-​ilma li xi kultant isseħħ f’ċerti nħawi taʼ oċean jew baħar. Għalkemm ġeneralment il-​kulur ikun aħmar, dan jistaʼ jagħti wkoll fil-​kannella jew fl-​isfar. Skond The World Book Encyclopedia l-​inħawi milquta bil-​bidla fil-​kulur taʼ l-​ilma jistgħu jvarjaw minn inqas minn ftit metri kwadri għal iktar minn 2,600 kilometru kwadru.

X’jikkaġuna din il-​bidla fil-​kulur taʼ l-​ilma? Ġeneralment, il-​mewġ aħmar jiġi kaġunat minħabba diversi speċi taʼ alki mikroskopiċi u b’ċellula waħda jew minħabba protożoani msejħin dinoflaġellati. Dawn l-​organiżmi ċkejknin għandhom trufijiet qishom xagħar imsejħa flaġell—trufijiet għamla taʼ frosta li permezz tagħhom ikunu jistgħu jiċċaqalqu fl-​ilma. Jeżistu madwar 2,000 varjetà taʼ dinoflaġellati, u 30 minnhom fihom sustanzi velenużi. Dawn l-​organiżmi żgħar daqs nitfa ġeneralment jinstabu f’ilmijiet sħan u b’livell għoli taʼ melħ.

Dan il-​mewġ aħmar iseħħ meta jkun hemm żjieda mgħaġġla u f’daqqa taʼ dawn id-​dinoflaġellati mikroskopiċi. Tant jistgħu jiżdiedu li f’kull litru ilma jistaʼ jkun hemm 50,000,000 minnhom! Għalkemm ix-​xjenzati ma jistgħux jifhmu għalkollox għala dan iseħħ, huwa magħruf li d-​dinoflaġellati jiżdiedu meta l-​ilma jiġi effettwat minn ċerti kundizzjonijiet fl-​istess żmien. Dawn jinkludu temp mhux normali, temperaturi ideali, provvista żejda taʼ sustanzi nutrittivi fl-​ilma, ammont kbir taʼ xemx, u kurrenti taʼ ilma favorevoli. Meta tinżel ħafna xita, xi minerali u sustanzi nutrittivi oħra mill-​art jinġarru maʼ l-​ilma għal ġol-​baħar taʼ mal-​kosta. Minħabba dawn is-​sustanzi nutrittivi, id-​dinoflaġellati jistgħu jimmoltiplikaw. X’ikun ir-​riżultat? Mewġ aħmar!

B’sogħba, milli jidher il-​bnedmin xi kultant jagħmluh agħar dan il-​fenomenu. Meta ammonti kbar taʼ skart industrijali u uman jintefgħu fil-​baħar, ir-​riżultat jistaʼ jkun provvista żejda taʼ ċerti sustanzi nutrittivi. Dan jistaʼ jġiegħel lid-​dinoflaġellati biex jiżdiedu bl-​addoċċ. Minħabba f’hekk l-​ossiġnu fl-​ilma jibda jonqos, u ħafna ħut jispiċċa biex imut.

Il-mewġ aħmar iseħħ f’ibħra sħan u f’ilmijiet kalmi taʼ mal-​kosta, ġeneralment bejn it-​tmiem tax-​xhur sħan u l-​bidu taʼ l-​istaġun tax-​xita. Jistaʼ jdum minn ftit sigħat sa diversi xhur, jiddependi mill-​kundizzjonijiet li jkun hemm l-​iktar f’dik iż-​żona.

Il-​Vittmi

Il-​biċċa l-​kbira tal-​mewġ aħmar ma jagħmilx ħsara; madankollu, xi drabi jistaʼ jikkaġuna ħafna danni. Ċerti speċi taʼ dinoflaġellati jerħu sustanzi velenużi fl-​ilma li jipparalizzaw u joqtlu lill-​ħut u ħlejjaq oħra tal-​baħar. Xi drabi mietu kwantitajiet enormi taʼ ħut, gajdri, klamari, gandoffli, arzell, gambli, u granċijiet li jieklu d-​dinoflaġellati. Meta l-​ilma jintlaqat mill-​mewġ aħmar, ikun hemm kwantitajiet kbar taʼ ħut mejjet jgħum fil-​wiċċ, u x-​xtajtiet ikun fihom kilometri sħaħ taʼ ħut li jitlaʼ mal-​mewġ.

Anki l-​bnedmin ġew effettwati bil-​kbir. Fi nħawi fejn is-​sajd hu l-​għajxien tan-​nies, is-​sajjieda ma jkunux jistgħu jaqbdu l-​ħut biex jaqilgħu x’jieklu b’dan il-​mewġ aħmar. Agħar minn hekk, kien hemm nies li mietu minħabba l-​mewġ aħmar.

Ivvelenar mill-​Mewġ Aħmar

Waħda mis-​sustanzi velenużi li joħorġu minn xi dinoflaġellati hija magħrufa bħala sassitossina. Din is-​sustanza hija melħ li jinħall fl-​ilma u li jattakka s-​sistema nervuża tal-​bniedem. B’hekk, hija klassifikata bħala newrotossina. The New Encyclopædia Britannica tirrapporta li “t-​tossini li joħorġu fl-​ilma huma irritanti għas-​sistema respiratorja tal-​bniedem.” Postijiet ħdejn il-​baħar fejn in-​nies imorru għall-​vaganzi kellhom jagħlqu meta l-​mewġ iħabbat reħa fl-​arja tossini jew sustanzi velenużi mill-​mewġ aħmar.

Int tħobb tieklu l-​frott tal-​baħar bil-​qoxra u frott ieħor tal-​baħar? Għandek tkun taf li l-​frott tal-​baħar bil-​qoxra li jiekol id-​dinoflaġellati jistaʼ jsir velenuż minħabba l-​effett tal-​mewġ aħmar. Ir-​rivista Infomapper tgħid li ‘l-​bivalvi u frott ieħor tal-​baħar bil-​qoxra bħal gajdri, arzell, u gandoffli huma l-​iktar perikolużi għax dawn jieklu billi jiffiltraw l-​ikel mill-​ilma u jassorbu iktar sustanzi velenużi milli jagħmel il-​ħut.’ Madankollu, “il-​ħut, il-​klamari, il-​gambli, u l-​granċijiet . . . jistgħu xorta jittieklu min-​nies mingħajr periklu.” X’inhi r-​raġuni? Is-​sustanzi velenużi li joħorġu mill-​mewġ aħmar jinġabru fl-​imsaren taʼ dawn il-​ħlejjaq, u s-​soltu dawn jitneħħew qabel it-​tisjir.

Xorta waħda, trid toqgħod attent meta tiekol il-​frott tal-​baħar—speċjalment dak li jkollu l-​qoxra—li jinqabad minn inħawi mniġġsa bil-​mewġ aħmar. Dan jistaʼ jikkaġuna vvelenar u pparalizzar mill-​frott tal-​baħar, kundizzjoni msejħa paralytic shellfish poisoning (PSP). Jekk tkun kilt xi sustanzi velenużi mill-​mewġ aħmar, għandek mnejn tħoss is-​sintomi f’temp taʼ nofs siegħa. It-​tabella li hawn maʼ dan l-​artiklu ssemmi xi wħud minn dawn is-​sintomi. Jekk din il-​kundizzjoni ma tiġix trattata kif suppost tistaʼ tikkaġuna paralisi fis-​sistema tan-​nifs, u tistaʼ twassal għall-​mewt.

Fil-preżent, għadu ma nstabx antidotu kontra l-​ivvelenar mill-​mewġ aħmar. Madankollu, xi proċeduri t’emerġenza kellhom ftit tas-​suċċess. Is-​sustanzi velenużi mill-​mewġ aħmar jistgħu jitneħħew mill-​istonku taʼ pazjent billi dan jiġi mġiegħel jirremetti. Ġieli jużaw ukoll pajp li jiddaħħal fl-​istonku biex jaħsluh u jneħħi l-​veleni. F’ċerti każi, kellu jingħata n-​nifs artifiċjali. Fil-​Filippini xi nies jaħsbu li l-​vittmi jistgħu jirkupraw iktar malajr jekk jixorbu xarba magħmula mil-​likwidu tal-​ġewż taʼ l-​Indji u zokkor ismar.

Is-​Soluzzjoni

Fil-​preżent, il-​bniedem m’għandux kontroll fuq il-​mewġ aħmar. Imma ħafna jemmnu li l-​problema tal-​mewġ aħmar tistaʼ titnaqqas jekk jintużaw inqas fertilizzanti u pestiċidi kimiċi. Inqas ma jintużaw, inqas jinġarru lejn il-​baħar. Għajnuna oħra tkun li t-​tfigħ taʼ skart industrijali u uman fil-​baħar jiġi projbit. Mezz ieħor huwa li jitneħħew affarijiet minn mal-​kosta li jistgħu jżidu s-​sustanzi nutrittivi u jikkaġunaw lid-​dinoflaġellati biex jiżdiedu.

Sadattant, xi gvernijiet qed jistudjaw is-​sitwazzjoni bir-​reqqa. Per eżempju, fil-​Filippini, aġenzija tal-​gvern tittestja regolarment il-​frott tal-​baħar biex tiżgura li ma fihx periklu għall-​konsum lokali u internazzjonali. Madankollu, fl-​aħħar mill-​aħħar il-​Ħallieq biss jistaʼ jneħħi l-​effetti taʼ ħsara li jolqtu lill-​bnedmin meta l-​baħar isir aħmar.

[Nota taʼ taħt]

a Għalkemm fil-​Filippini l-​mewġ aħmar huwa konness direttament mal-​problema taʼ vvelenar u pparalizzar mill-​frott tal-​baħar, xi esperti jgħidu li dan m’huwiex bilfors minnu fil-​pajjiżi kollha li jintlaqtu mill-​mewġ aħmar.

[Kaxxa f’paġna 24]

Sintomi taʼ Vvelenar mill-​Mewġ Aħmar

1. Sensazzjoni taʼ tingiż jew ħruq fix-​xofftejn, fil-​ħanek, u fl-​ilsien

2. Wiċċ imtarrax u tingiż fil-​wiċċ, li jinfirex għal partijiet oħra tal-​ġisem

3. Uġigħ taʼ ras u sturdament

4. Għatx qawwi u ammont eċċessiv taʼ bżieq

5. Dardir, remettar, u dijarea

6. Diffikultà biex tieħu n-​nifs, titkellem, u tiblaʼ

7. Uġigħ fil-​ġogi u sturdament

8. Polz mgħaġġel

9. għjufija fil-​muskoli u nuqqas taʼ bilanċ

10. Paralisi tal-​ġisem

[Stampi f’paġna 24, 25]

Organiżmi li jikkaġunaw mewġ aħmar

Pyrodinium bahamense

Gymnodinium catenatum

Gambierdiscus

[Sorsi]

Bil-​korteżija taʼ Dr. Rhodora V. Azanza, University of the Philippines

Bil-​korteżija taʼ Dr. Haruyoshi Takayama

ASEAN-Canada Cooperative Programme on Marine Science

[Stampa f’paġna 25]

Effetti tal-​mewġ aħmar

[Sors]

Grant Pitcher/Courtesy WHOI

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 23]

Peter J. S. Franks, Scripps Institution of Oceanography

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 25]

Scripps Institution of Oceanography

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja