LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 3/8 pp. 20-24
  • Il-Gwerra Ma Waqqfitniex Nippridkaw

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Gwerra Ma Waqqfitniex Nippridkaw
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Xewqa li Naqdi lil Alla
  • Nibda Nippriedka
  • Premjati Talli Fdajna f’Alla
  • Nippridkaw Matul il-​Gwerra
  • Ħelsin biex Nerġgħu Nippridkaw
  • Akkużati li Konna Spiji
  • Għomor Sħiħ taʼ Ppridkar
  • Nitlaq l-affarijiet warajja biex immur wara s-Sid
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Nagħti lil Jehovah Dak li Jistħoqqlu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Inżomm Sħiħ Bħala Suldat taʼ Kristu
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Kont Lesta “Nimxi Kilometru Ieħor”
    Stenbaħ!—2005
Stenbaħ!—2001
g01 3/8 pp. 20-24

Il-​Gwerra Ma Waqqfitniex Nippridkaw

KIF RAKKONTAT MINN LEODEGARIO BARLAAN

Fl-​1942, matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​Ġappun u l-​Istati Uniti kienu qed jiġġieldu b’mod feroċi għall-​Filippini, il-​pajjiż tiegħi. Kont f’Tabonan, raħal fil-​muntanji, fejn il-​gwerilli lokali li kienu qed jiġġieldu mal-​Ġappuniżi żammewni arrestat. Sawtuni, akkużawni li kont spija, u heddewni li joqtluni. Ħalli nispjegalkom ftit kif sibt ruħi f’din is-​sitwazzjoni u kif bqajt ħaj.

TWELIDT fl-​24 taʼ Jannar, 1914, fil-​belt taʼ San Carlos, Pangasinan. Fis-​snin 30, missieri bagħatni l-​iskola biex nistudja l-​agrikultura. Nhar taʼ Ħadd kont immur il-​quddies, u l-​qassis kien jitkellem dwar l-​Evanġelji—Mattew, Mark, Luqa, u Ġwanni. Minħabba f’hekk, jien ridt naqrahom.

Darba waħda mort il-​kunvent biex nixtri kopja taʼ l-​Evanġelji bil-​flus li kont qlajt meta begħt xi ħaxix. Minflok, tawni ktejjeb li kien jismu The Way to Heaven (It-Triq għas-​Sema), u ma kienx fih l-​Evanġelji. Iddiżappuntajt ruħi b’dan. Iktar tard, ivvjaġġajt lejn Manila għax kont għadni nixtieq nakkwista l-​Evanġelji. Hemmhekk, iz-​ziju, li kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Jehovah, ipprovdieli kopja tal-​Bibbja sħiħa.

F’Manila ltqajt maʼ ħafna Xhieda, u bqajt impressjonat b’kemm kienu kapaċi jikkwotaw skritturi. It-​tweġibiet li kienu jagħtuni għall-​ħafna mistoqsijiet li kelli kienu jissodisfawni. Maż-​żmien, iz-​ziju, Ricardo Uson, ħadni għal laqgħa fl-​uffiċċju tal-​fergħa tax-​Xhieda taʼ Jehovah. Meta konna wasalna qrib il-​post, jien qabbadt sigarett. “Armih ’l hemm,” qalli z-​ziju. “Ix-​Xhieda taʼ Jehovah ma jpejpux.” Allura jien irmejt is-​sigarett u qatt ma pejjipt ieħor. Iltqajt maʼ Joseph Dos Santos, l-​indokratur tal-​fergħa, kif ukoll xi Xhieda oħrajn. Illum, bosta snin wara, għadni niftakarhom lil dawn l-​aħwa Kristjani mill-​aħjar.

Xewqa li Naqdi lil Alla

S’Ottubru taʼ l-​1937, matul iż-​żmien li kont student fil-​Kulleġġ taʼ l-​Agrikultura taʼ Los Baños, ma bqajtx immur il-​quddies. Minflok kont naqra l-​Bibbja flimkien mal-​letteratura li kien tani z-​ziju. Grupp taʼ Xhieda taʼ Jehovah kienu jżuru l-​kampus tal-​kulleġġ, u bħala riżultat tad-​diskussjonijiet li kelli maʼ waħda minnhom, Elvira Alinsod, ix-​xewqa tiegħi li naqdi lil Alla Jehovah saret qawwija.

Meta għedt lill-​għalliema tiegħi li kont bi ħsiebni nieqaf mill-​iskola, huma staqsewni: “U min se jmantnik?” Jien spjegajtilhom li ma kelli l-​ebda dubju li jekk kont se naqdi lil Alla, hu kien se jieħu ħsiebi. Wara li tlaqt mill-​iskola, mort fl-​uffiċċju tal-​Watch Tower Society u ppreżentajt ruħi bħala volontier, billi spjegajt: “Jien qrajt il-​pubblikazzjonijiet Loyalty, Riches, u Where Are the Dead? Issa rrid naqdi lil Jehovah full-time.” Tawni d-​direzzjoni li mmur fil-​Provinċja taʼ Cebu u ningħaqad maʼ tliet pijunieri, bħalma jissejħu l-​ministri full-time tax-​Xhieda taʼ Jehovah.

Nibda Nippriedka

Fil-​15 taʼ Lulju, 1938, Salvador Liwag iltaqaʼ miegħi fuq il-​moll meta wasalt fuq il-​gżira taʼ Cebu. L-​għada, bdejt fil-​ministeru minn dar għal dar mingħajr ma ġejt imħarreġ għalih. Kont biss nippreżenta biljett tat-​testimonjanza lill-​inkwilini li kien jispjegalhom ix-​xogħol tagħna. Fil-​fatt, kont naf biss żewġ kelmiet bis-​Cebuano, il-​lingwa lokali. Hekk bdiet l-​ewwel ġurnata tiegħi fil-​ministeru.

Meta konna nibdew nagħtu xiehda f’belt ġdida, kellna d-​drawwa li l-​ewwel immorru fil-​bini muniċipali. Hemmhekk Ħuna Liwag kien jagħti xiehda lis-​sindku; Pablo Bautista, lill-​kap tal-​pulizija; u Conrado Daclan, lill-​imħallef. Jien kont inkellem lid-​direttur taʼ l-​uffiċċju tal-​posta. Imbagħad konna mmorru fil-​venda tal-​karozzi tal-​linja, fil-​kwartieri tal-​pulizija, fil-​ħwienet, u fl-​iskejjel. Iktar minn hekk, konna nżuru lin-​nies fid-​djar. Konna nippreżentaw il-​pubblikazzjoni Enemies, li kienet t’għajnuna għall-​istudju tal-​Bibbja. Billi kont nimita l-​mod kif kienu jagħtu xiehda sħabi, ftit ftit bdejt nitgħallem nitkellem bis-​Cebuano, u bdejt inqassam il-​kotba. Fi tliet xhur lestejna l-​provinċja kollha taʼ Cebu, jiġifieri 54 belt. Imbagħad staqsejt lil Ħuna Liwag: “Issa nistaʼ nitgħammed?”

“Mhux għalissa, ħija,” weġibni hu. Għalhekk morna fi gżira oħra, Bohol, u ppridkajna hemmhekk għal xahar u nofs, u lħaqna 36 belt oħra. Għal darb’oħra staqsejt jekk stajtx nitgħammed. “Mhux għalissa, Ħuna Barlaan,” intqalli. Allura billi konna lestejna Bohol u mbagħad il-​Gżira taʼ Camiguin, morna lejn il-​gżira l-​kbira taʼ Mindanao u ppridkajna fil-​Belt taʼ Cagayan de Oro.

Sa dan iż-​żmien, Virginio Cruz kien ġie mal-​grupp tagħna. Hu qabel kien għalliem fi skola pubblika u mbagħad kien waqaf biex isir pijunier. Morna fi bliet oħra u fl-​aħħar wasalna f’Lake Lanao. Waqt li konna hemm jien erġajt staqsejt jekk stajtx nitgħammed. Sa fl-​aħħar, fit-​28 taʼ Diċembru, 1938, wara xi sitt xhur li kien ili pijunier, Ħuna Cruz għammidni fl-​ilmijiet taʼ Lake Lanao fil-​belt taʼ Lumbatan.

Premjati Talli Fdajna f’Alla

Iktar tard ngħaqadt maʼ tliet pijunieri f’Negros Occidental. Dawn kienu Fulgencio de Jesus, Esperanza de Jesus, u Natividad Santos, li konna ngħajtulha Naty. Ippridkajna flimkien f’ħafna mill-​bliet taʼ dik il-​provinċja. Verament kellna nafdaw kompletament f’Jehovah, peress li xi drabi konna nkunu mqaxqxin mill-​finanzi. Darba waħda ridna nsibu ftit ħut biex nikluh mar-​ross li kellna. Iltqajt maʼ raġel fil-​bajja u staqsejtu jekk stajtx nixtri ftit, imma l-​ħut kollu li kellu kien ħadu s-​suq. Madankollu, hu offrieli l-​ħuta li kien warrabha għalih. Staqsejtu kemm ried tagħha. “Ma jimpurtax,” qalli. “Tistaʼ tiħodha.”

Jien irringrazzjajtu. Imma kif kont sejjer intbaħt li ħuta waħda ma kinitx biżżejjed għal erbgħa min-​nies. Jien u għaddej minn naħa waħda tax-​xatt, bqajt skantat meta rajt ħuta fuq blata, u kienet għadha mxarrba bl-​ilma. Ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Forsi mejta.’ Mort niġborha u tbellaht x’ħin indunajt li kienet għadha ħajja. Malli qbadtha, żammejtha sod, u mill-​ewwel ftakart fil-​wegħda taʼ Ġesù: “Mela fittxu l-​ewwel is-​Saltna u l-​ġustizzja taʼ Alla, u dan kollu jingħatalkom ukoll.”—Mattew 6:33.

Nippridkaw Matul il-​Gwerra

Meta l-​grupp tagħna taʼ pijunieri żdied għal disgħa min-​nies, ġew ifformati żewġ gruppi. Il-​grupp tagħna ġie assenjat lejn Cebu. Issa kien Diċembru taʼ l-​1941, u fil-​Filippini kienet għaddejja t-​Tieni Gwerra Dinjija. Waqt li konna fil-​belt taʼ Tuburan, f’nofsillejl ġie uffiċjal militari Filippin fil-​kamra tagħna. “Uliedi, qumu,” qalilna. “Is-​suldati qed ifittxukom.” Ġejna suspettati li konna spiji Ġappuniżi, u għalhekk interrogawna matul il-​bqija tal-​lejl.

Imbagħad, qegħduna fil-​ħabs muniċipali. Il-​forzi armati Amerikani fil-​Belt taʼ Cebu ordnawlna nagħtuhom kopji taʼ kull ktieb li kellna biex jiddeterminaw jekk konniex spiji Ġappuniżi. Ħafna min-​nies tal-​post ġew jarawna l-​ħabs għax kellhom kurżità biex jaraw min kienu dawk li ġew akkużati bħala spiji Ġappuniżi. Xi wħud minnhom staqsew mistoqsijiet, u aħna tajniehom xiehda dwar is-​Saltna t’Alla.

Wara li qattajna ħamest ijiem il-​ħabs, il-​kap tal-​pulizija rċieva telegramma mill-​kwartieri ġenerali taʼ l-Armata Amerikana. Fiha ntqallu li kellu jeħles lix-​Xhieda taʼ Jehovah. Madankollu, hu ordnalna biex ma nibqgħux nippridkaw għax issa kien żmien il-​gwerra. Aħna spjegajnielu li ma stajniex nieqfu nippridkaw għax kellna inkarigu mingħand Alla biex nagħmlu dan ix-​xogħol. (Atti 5:​28, 29) Il-​kap telgħulu u qalilna: “Jekk tkomplu tippridkaw, inħalli lin-​nies joqtlukom.”

Fil-ġranet taʼ wara, il-​kap tal-​pulizija beda jfittixna biex jerġaʼ jarrestana. Maż-​żmien, grupp taʼ suldati taʼ l-​Armata Amerikana waqqafna, u uffiċjal militari jismu Soriano staqsa lil Oħtna Santos: “Se tieqfu tippridkaw?”

“Le,” wieġbet hi.

“U jekk inqegħdukom quddiem is-​suldati biex jisparawlkom?” staqsieha.

“Mhux se jibdlilna d-​deċiżjoni tagħna,” spjegat hi.

Malli qalet dan, għabbewna fuq trakk tal-​merkanzija u ħaduna lejn il-​Belt taʼ Cebu, fejn deherna quddiem il-​Kurunell Edmund. L-​uffiċjal militari Soriano introduċiena miegħu billi qallu: “Dawn huma Xhieda taʼ Jehovah. Huma spiji Ġappuniżi!”

“Xhieda taʼ Jehovah?” staqsa l-​kurunell. “Kont nafhom sew lix-​Xhieda taʼ Jehovah fl-​Amerika. M’humiex spiji! Huma newtrali.” Imbagħad dar lejna u qalilna: “Minħabba li intom newtrali, m’intomx se tinħelsu.” Iktar tard, wara li żammewna f’maħżen għal xi żmien, il-​Kurunell Edmund reġaʼ kellimna u staqsiena: “Intom għadkom newtrali?”

“Iva, Sinjur, għadna,” weġibna aħna.

“Mela m’intomx se tinħelsu,” qal hu, “għax jekk neħilsukom, tkomplu tippridkaw, u dawk li tikkonvertuhom isiru newtrali. U jekk kulħadd jagħmel hekk, imbagħad ħadd ma jiġġieled.”

Ħelsin biex Nerġgħu Nippridkaw

Iktar tard ittrasferewna lejn il-​ħabs fil-​Belt taʼ Cebu. Fl-​10 t’April, 1942, il-​Ġappuniżi invadew il-​belt. Il-​bombi bdew neżlin kullimkien, u qabad nar kbir! Il-​gwardjan ra lil Oħtna Santos, li kellha ċ-​ċella tagħha fuq in-​naħa taʼ quddiem tal-​ħabs. “Illaħwa tiegħi! Ix-​Xhieda taʼ Jehovah għadhom ġewwa!” għajjat hu. “Iftħu l-​bieb, u ħalluhom joħorġu!” Aħna rringrazzjajna lil Jehovah tal-​protezzjoni Tiegħu.

Mill-ewwel irħejnielha lejn il-​muntanji biex insibu lil Xhieda sħabna. Sibna wieħed fil-​belt taʼ Compostela. Iktar kmieni hu kien minn taʼ quddiem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar, imma issa kien iddeċieda li jieqaf jippriedka u telaq lejn il-​Belt taʼ Cebu biex jibda negozju fil-​bejgħ taʼ prodotti differenti. Madankollu, id-​deċiżjoni tagħna kienet li nkomplu nippridkaw dwar is-​Saltna t’Alla, jiġri x’jiġri.

Kellna ħafna kopji tal-​ktejjeb Comfort All That Mourn (Faraġ għal Dawk Kollha Mnikktin), u ħdimna iebes biex inqassmuhom lin-​nies. Madankollu, kien hemm ħafna li pprovaw ibeżżgħuna billi jgħidulna li jekk il-​Ġappuniżi jarawna, kienu se jaqtgħulna rasna. Ftit wara, ġie organizzat moviment tal-​gwerilli anti-Ġappuniż, u dak li kien waqaf jippriedka u mar jiftaħ negozju fil-​Belt taʼ Cebu ġie arrestat. Iddispjaċiena ħafna meta sirna nafu li ġie akkużat li kien spija Ġappuniż u li nqatel.

Akkużati li Konna Spiji

Sadattant aħna komplejna nippridkaw fil-​muntanji. Jum wieħed sirna nafu dwar mara interessata, imma biex nilħquha kellna ngħaddu minn ħdejn diversi stakkamenti tal-​gwerilli. Wasalna fir-​raħal taʼ Mangabon, fejn kienet toqgħod din il-​mara, imma sabuna grupp taʼ suldati u għajtu: “Għalfejn ġejtu hawn?”

“Aħna Xhieda taʼ Jehovah,” weġibt jien. “Tridu tisimgħu l-​messaġġ li ġibna permezz tal-​fonografu?” Meta aċċettaw, jien qabbadt id-​diska li kien jisimha The Value of Knowledge (Il-Valur taʼ l-​Għarfien). Wara, fittxewlna u interrogawna u mbagħad ħaduna lejn il-​kwartieri ġenerali tal-​gwerilli fir-​raħal taʼ Tabonan. Aħna tlabna għall-​protezzjoni taʼ Jehovah għax taʼ spiss kien rapportat li kważi kulmin kien jispiċċa hemm kien jinqatel.

Żammewna arrestati u ttrattawna ħażin. Issa hawn niġu għas-​sitwazzjoni li ddeskrivejtilkom fil-​bidu, meta sawtuni u l-​uffiċjal militari pponta lejja u qal: “Int spija!” Damu jittrattawna ħażin, imma minflok ma qatluna, ġejna sentenzjati għal xogħol forzat.

Ħija Bernabe kien wieħed mill-​pijunieri fil-​ħabs taʼ Tabonan. Kull fil-​għodu aħna l-​priġunieri konna kmandati li nkantaw l-​innijiet “God Bless America” u “God Bless the Philippines.” Minflok, ix-​Xhieda kienu jkantaw l-​għanja “Min Hu fuq in-​Naħa tal-​Mulej?” Darba minnhom, l-​uffiċjal inkarigat għajjat: “Min ma jkantax ‘God Bless America’ se jiġi mgħallaq fuq dik is-​siġra taʼ l-​akaċja!” Imma minkejja dan it-​theddid, ħadd minna ma nqatel. Maż-​żmien, ġejna trasferiti lejn kampijiet oħrajn. Fl-​aħħar, ġew il-​karti tiegħi biex ninħeles, bid-​data taʼ Lulju 1943. Sa dak iż-​żmien, jien kont ili l-​ħabs tmien xhur u għaxart ijiem.

Għomor Sħiħ taʼ Ppridkar

Ix-​xewqa tagħna li naraw lil individwi interessati li konna ppridkajnielhom qabel qanqlitna biex nivvjaġġaw 60 kilometru lejn il-​belt taʼ Toledo. Ġew stabbiliti laqgħat regulari hemmhekk, u ħafna nies tgħammdu maż-​żmien. Finalment, il-​gwerra spiċċat fl-​1945. Sentejn wara, kważi disaʼ snin mill-​magħmudija tiegħi, stajt nattendi l-​ewwel konvenzjoni tiegħi, li nżammet fil-​Korsa tal-​Ġiri taʼ Santa Ana f’Manila. Madwar 4,200 ruħ inġabru għat-​taħdita pubblika “Il-​Ferħ tan-​Nies Kollha.”

Qabel ma bdiet il-​gwerra, kellna madwar 380 Xhud fil-​Filippini, imma sa l-​1947, kien hemm xi 2,700! Minn dak in-​nhar ’il quddiem gawdejt ħafna privileġġi fis-​servizz taʼ Jehovah. Mill-​1948 sa l-​1950 qdejt bħala indokratur li jivvjaġġa fir-​reġjun taʼ Surigao. Fl-​1951 iżżewwiġt lil Natividad Santos, li kienet ippridkat b’kuraġġ mal-​grupp tagħna matul il-​gwerra. Wara li żżewwiġna komplejna naqdu fix-​xogħol taʼ l-​ivvjaġġar f’Mindanao, mill-​1954 sa l-​1972.

Sabiex stajna nkunu ħdejn il-​ġenituri tagħna li kienu qed jixjieħu u ngħinuhom, sirna pijunieri speċjali fl-​1972. Avolja t-​tnejn li aħna għandna fuq it-​80 sena, aħna għadna pijunieri, u bejnietna s’issa qattajna iktar minn 120 sena fil-​ministeru full-time. Kemm kien taʼ ferħ għalina li naraw in-​numru taʼ dawk li jipproklamaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla fil-​Filippini jikber għal iktar minn 130,000! Ix-​xewqa tagħna hi li ngħinu lil iktar uħud isiru japprezzaw is-​Saltna t’Alla bħala l-​unika tama biex igawdu paċi u hena veri fuq l-​art.

[Kumment f’paġna 22]

Ġejna suspettati li konna spiji Ġappuniżi, u għalhekk interrogawna matul il-​bqija tal-​lejl

[Stampa f’paġna 23]

Fl-​1963, mal-​ħbieb tagħna fuq il-​Gżira taʼ Bohol. Marti u jien qegħdin ir-​rabaʼ u l-​ħames mil-​lemin

[Stampa f’paġna 24]

Maʼ marti llum

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 20]

Ritratt fl-​isfond: U.S. Signal Corps photo

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja