LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 2/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tfal u l-​Okkult
  • Attakk tal-​Qalb bla Wġigħ
  • M’Hemmx Għalfejn Tistenna biex l-​Ikel Sħun Tpoġġih fil-​Friġġ
  • “Bolli Vanitużi”
  • Skart fil-​Baħar
  • Il-​Gwerra Kontra l-​Batterji Mhix Ġustifikata
  • Swabaʼ tas-​Saqajn li “Jwaħħlu”
  • Il-​Ġlieda taċ-​Ċina Kontra l-​Maltempati tat-​Trab
  • Li Tinvolvi Ftit Ruħek fl-Okkult—X’Hemm Ħażin f’Dan?
    Stenbaħ!—2002
  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja
    Stenbaħ!—1999
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2003
  • In-Nies Għala Jinġibdu Lejn l-Okkult?
    Stenbaħ!—2011
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 2/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

It-​Tfal u l-​Okkult

“It-​tfal jinsabu f’riskju minħabba materjal Sataniku u taʼ l-​okkult li jinsab fuq l-​Internet,” tistqarr għaqda taʼ l-​għalliema, skond ma rrapportat il-​gazzetta The Independent taʼ Londra. Stħarriġ li sar fil-​Britannja għall-​Għaqda taʼ l-​Għalliema u l-​Lecturers (Association of Teachers and Lecturers [ATL]) wera li iktar minn nofs it-​tfal taʼ bejn il-​11 u s-​16-il sena “kienu interessati fl-​okkult u fis-​soprannaturali,” kważi terz minnhom kienu “interessati ħafna,” u wieħed minn kull sitta sostna li “beżaʼ” meta investiga fl-​okkult. Peter Smith, is-​segretarju ġenerali taʼ l-​ATL, iwissi: “Iż-​żgħażagħ jistgħu faċilment jaraw varjetà taʼ mijiet taʼ websites fuq is-​seħer, kif jagħmlu l-​magħmul u metodi kif jiġbdu d-​demm mill-​vini, mingħajr ma l-​adulti jkollhom kontroll fuq x’qegħdin jaqraw. . . . Dan inissel tendenza inkwetanti ħafna fost iż-​żgħażagħ. Il-​ġenituri u l-​għalliema għandhom jedukaw lit-​tfal u liż-​żgħażagħ dwar il-​perikli involuti fit-​tbagħbis taʼ l-​okkult qabel ma jinvolvu ruħhom fil-​fond wisq.”

Attakk tal-​Qalb bla Wġigħ

Ħafna nies joqogħdu għassa għall-​iktar sinjal fiżiku komuni t’attakk tal-​qalb—għafsa qisha taʼ morsa fis-​sider. Madankollu, ħafna inqas nies jafu li “terz tal-​pazjenti kollha ma jħossu l-​ebda wġigħ f’sidirhom matul attakk tal-​qalb,” tirrapporta r-​rivista Time. Dan jispjega għala “l-​vittmi t’attakk tal-​qalb li ma jħossux uġigħ f’sidirhom ġeneralment iħalluha għal iktar tard biex imorru l-​isptar—b’medja taʼ sagħtejn,” jgħid studju pubblikat f’The Journal of the American Medical Association. Madankollu, kwalunkwe ħin mitluf, li jistaʼ jintuża biex wieħed jieħu kura li ssalvalu ħajtu, huwa perikoluż. Għalxiex għandek toqgħod għassa? “Probabbilment it-​tieni l-​akbar sinjal taʼ twissija huwa l-​qtugħ taʼ nifs qawwi,” tgħid ir-​rivista Time. Sinjali oħra li jistaʼ jkun hemm jinkludu d-​dardir, jibda jxoqq l-​għaraq għalik, u “kwalunkwe ‘ħruq taʼ stonku’ li jiggrava jekk timxi ’l hemm u ’l hawn jew tagħmel kwalunkwe sforz fiżiku ieħor,” jgħid l-​artiklu.

M’Hemmx Għalfejn Tistenna biex l-​Ikel Sħun Tpoġġih fil-​Friġġ

Huwa żball li l-​ikel sħun tħallih fuq il-​bank biex jilħaq jiksaħ qabel ma tpoġġih fil-​friġġ, tgħid Bessie Berry, maniġer tal-​Hotline tad-​Dipartiment taʼ l-​Istati Uniti għal-​Laħam Agrikolu u t-​Tajr. “Anki ikel li għadek kif ħriġtu mill-​forn jew tfejtu minn fuq in-​nar” għandu jitpoġġa fil-​friġġ minnufih jekk ma jkunx se jittiekel. Kif tispjega t-​Tufts University Health & Nutrition Letter, “iktar ma l-​ikel misjur tpoġġih malajr fi friġġ kiesħa, kwalunkwe mikrobu li jistaʼ jkun hemm iktar se jieqaf jimmoltiplika malajr.” Imma dan ma jagħmilx ħsara lill-​friġġ jew iġiegħel lill-​mutur jaħdem iżżejjed? Is-​Sinjorina Berry tgħid li dan m’huwiex minnu. Il-​friġġijiet moderni huma disinjati biex jifilħu l-​ikel sħun. L-​idea li l-​friġġijiet m’humiex tajbin għalhekk tistaʼ tkun ġejja minn meta fl-​antik kienu jintużaw il-​kaxxi bis-​silġ. F’dak il-​każ kien ovvju li s-​sħana kienet iddewweb is-​silġ. Madankollu, hemm żewġ affarijiet li trid toqgħod attent għalihom: Jekk se tpoġġi fil-​friġġ xi ħaġa kbira—bħal tiġieġa sħiħa, borma minestra, jew xi dixx fond—tagħmel tajjeb jekk l-​ewwel l-​ikel tqassmu f’kontenituri iktar baxxi. Jekk ma tagħmilx hekk, l-​ikel ma jiksaħx malajr biżżejjed biex il-​mikrobi jieqfu jiżdiedu. Ħaġa oħra hi li tħalli l-​ispazju bejn l-​ikel sħun u l-​ikel l-​ieħor taʼ ġol-​friġġ, ħalli l-​arja tkun tistaʼ tiċċirkola u tkessaħ l-​ikel malajr.

“Bolli Vanitużi”

“Il-​bolli vanitużi, l-​aħħar prodott li ħareġ f’din l-​era egoċentrika, għamlu d-​debutt tagħhom fil-​Kanada,” tirrapporta The New York Times. Issa n-​nies jistgħu jibdew jużaw bolli personalizzati “b’ritratt tat-​tarbija l-​ġdida, tal-​lawrjat il-​ġdid, tal-​koppja ferħana jew tal-​kelb leali.” L-​applikanti jridu jibagħtu formola flimkien maʼ ritratt u l-​ħlas. Imbagħad huma jirċievu folja taʼ 25 bolla li jeħlu waħedhom, f’għamla taʼ gwarniċi żgħar tad-​deheb, bil-​kelma “Kanada” u l-​prezz tal-​bolla fuqhom. Maʼ din jirċievu wkoll folja oħra bil-​kopji tar-​ritratti, u mbagħad kull ritratt jistaʼ jitwaħħal fuq il-​bolla l-​oħra forma taʼ gwarniċ tad-​deheb. Madankollu, il-​prezz taʼ dawn il-​bolli jiġi jiswa d-​doppju tal-​bolli normali. Flimkien maʼ dan qed jiġu offruti bolli b’tislima fuqhom. B’hekk “il-​konsumaturi jkunu jistgħu jqabblu l-​korrispondenza tagħhom skond il-​burdata jew skond il-​messaġġ,” tgħid Micheline Montreuil, direttriċi tal-​prodotti tal-​bolli għall-​Posta tal-​Kanada. L-​Awstralja, il-​Britannja, Singapor u l-​Isvizzera ma xtaqux jitħallew barra u għaldaqstant huma wkoll ħarġu l-​verżjoni tagħhom taʼ bolli vanitużi. Min iġemmaʼ l-​bolli se jkollu biċċa xogħol iebsa minħabba l-​varjetà li ma tispiċċa qatt taʼ bolli li ħarġu.

Skart fil-​Baħar

Flixkun tal-​ħġieġ mitfugħ il-​baħar jieħu elf sena biex jitmermer u jispiċċa. Il-​karti jdumu tliet xhur biex jitmermru, u s-​sulfarini sitt xhur. Il-​fdalijiet tas-​sigaretti jdumu jħammġu l-​baħar minn sena sa 5 snin; il-​basktijiet tal-​plastik minn 10 sa 20 sena; oġġetti tan-​nylon minn 30 sa 40 sena; il-​bottijiet 500 sena; u l-​ġablow 1,000 sena. Dawn il-​kalkoli huma xi ftit mit-​tagħrif provdut mil-​Legambiente, għaqda taʼ l-​ambjent fl-​Italja, biex iħeġġu lil min imur il-​baħar ikun konxju taʼ l-​indafa fl-​ambjent. Il-​gazzetta Corriere della Sera tistaqsi: “M’humiex dawn pariri kemxejn esaġerati?” Il-​gazzetta twieġeb: “Is-​605 tunnellati taʼ skart li ġabru l-​volontiera tal-​Bajjiet Nodfa mix-​xtut taʼ l-​Italja mill-​1990 sal-​lum juru li t-​tweġiba hija le.”

Il-​Gwerra Kontra l-​Batterji Mhix Ġustifikata

Il-​USA Today tirrapporta li l-​konsumaturi Amerikani għaddejjin minn gwerra kontra l-​mikrobi fid-​dar, liema gwerra hija żbaljata. Skond il-​gazzetta, il-​fiżiku u mikrobijologu Stuart Levy mill-​Università taʼ Tufts jgħid li minħabba ż-​żjieda taʼ prodotti kontra l-​batterji, jeżisti r-​riskju li jiġu inkuraġġiti jiżviluppaw batterji li mhux biss jifilħu għas-​sapun taʼ kontrihom, imma wkoll li jkunu jifilħu għall-​antibijotiċi. Levy jgħid li meta wieħed juża prodotti kontra l-​batterji biex jisterilizza l-​ambjent fid-​dar ikun qisu qed joqtol dubbiena b’martell. Mill-​banda l-​oħra prodotti għat-​tindif tad-​dar bħalma huma l-​bliċ, il-​hydrogen peroxide, u l-​misħun bis-​sapun ineħħu l-​ħmieġ, imma ma jqanqlux lill-​batterji biex jiżviluppaw f’għamliet oħrajn li jkunu jifilħu għal dawn il-​prodotti. “Il-​batterji huma l-​alleati tagħna,” jgħid Levy. “Irridu nagħmlu paċi magħhom.”

Swabaʼ tas-​Saqajn li “Jwaħħlu”

Il-​wiżgħa tistaʼ tiġri faċilment maʼ saqaf li jkun lixx daqs irħama. Din kif jirnexxilha? Ix-​xjenzati, li ilhom snin sħaħ jipprovaw isibu t-​tweġiba, issa jħossu li forsi għandhom spjegazzjoni. Tim taʼ xjenzati u inġinieri ddetermina li “forza kbira li twaħħal b’mod taʼ l-​għaġeb tiżviluppa meta xagħar żgħir, jew setae, maʼ saqajn il-​wiżgħa jħokk mal-​wiċċ taʼ xi ħaġa,” tirrapporta r-​rivista Science News. Minn kull xagħra jqum suf jerġaʼ iżgħar, imsejjaħ spatulae. Meta l-​wiżgħa titfaʼ sieqha fuq il-​wiċċ taʼ xi ħaġa, il-​bejn wieħed u ieħor biljun sufa li jiksulha l-​qiegħ taʼ sieqha jersqu tant viċin il-​wiċċ taʼ l-​oġġett li jistaʼ jkun li hawnhekk jibdew jaħdmu xi forzi taʼ bejn il-​molekuli, tkompli tgħid ir-​rivista. Dawk li jagħmlu r-​riċerki jinnotaw ukoll li l-​mod kif din il-​wiżgħa tniżżel sieqha, milli jidher mhux biss jippressa x-​xagħar żgħir mal-​wiċċ taʼ l-​oġġett imma wkoll jiġbdu parallel miegħu. Ir-​rivista tgħid li permezz taʼ din l-​azzjoni, il-​qabda taʼ kull xagħra ssir 10 darbiet iktar b’saħħitha milli kieku x-​xagħar kellu jiġi pressat biss.

Il-​Ġlieda taċ-​Ċina Kontra l-​Maltempati tat-​Trab

Il-​maltempati tat-​trab li jibdew f’żoni deżerti fil-​Mongolja taʼ Ġewwa laqtu lit-​tramuntana taċ-​Ċina f’dawn l-​aħħar snin, u qerdu wċuħ tar-​rabaʼ u annimali li jiswew miljuni taʼ liri, tirrapporta China Today. Fis-​sena 2000, diversi maltempati tat-​trab laħqu sal-​belt kapitali, Beijing. Maltempata tar-​ramel fl-​1998 għamlet ħsara lil iktar minn 331.854 kilometru kwadru taʼ wċuħ tal-​qamħ u qatlet 110,000 annimal domestiku. Il-​mod ħażin kif il-​bniedem juża l-​art issemma bħala l-​kaġun prinċipali għal dan. Żoni vasti spiċċaw bla ħdura u ġew mibdulin f’deżert. Per eżempju, fl-​1984 in-​nies tar-​Reġjun Awtonomu taʼ Ningsia Hui, li jinsab fit-​tramuntana taċ-​Ċina, bdew iħaffru għall-​ligurizja biex jużawha f’mediċina Ċiniża magħmula mill-​ħxejjex. “F’inqas minn 10 snin,” tgħid ir-​rivista China Today, “600,000 ettaru [6,070.5 kilometru kwadru] taʼ art miksija ħaxix inqerdu u 13,333 ettaru [133.308 kilometru kwadru] art tajba għall-​biedja ġew mibdulin fi nħawi deżerti.” Inħawi oħra saru deżert minħabba li l-​annimali tħallew jirgħu żżejjed hemmhekk u minħabba li r-​riżorsi taʼ l-​ilma li kien hemm intużaw iktar milli suppost. Biex jiġġildulha din il-​problema u jikkontrollaw iż-​żjieda taʼ nħawi li jsiru deżert, saru sforzi kbar biex jitħawlu xi siġar u ħaxix mill-​ġdid.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja