LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 10/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn Id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn Id-Dinja
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Iċ-​Ċelibat—Għala?
  • Ir-​Riżorsi taʼ l-​Ilma Qed Jonqsu bil-​Mod il-​Mod
  • Kimiċi fil-​Ġugarelli
  • Jagħmlu Mħatri fuq Armageddon
  • “It-​Torri taʼ Babel”
  • Abbuż Globali fuq it-​Tfal
  • Il-​Moħħ u l-​Irqad taʼ l-​Għasafar
  • Iktar Inkwiet dwar l-​Ilma
  • Ftit Xogħol m’Huwiex Tajjeb għas-​Saħħa
  • Sfog taʼ Rabja
  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja
    Stenbaħ!—1998
  • L-Aqwa Ġugarelli
    Stenbaħ!—2004
  • Hu ċ-​ċelibat ħtieġa għall-​ministri Kristjani?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2017
Stenbaħ!—1999
g99 10/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn Id-​Dinja

Iċ-​Ċelibat—Għala?

“Il-​konflitt dwar iċ-​ċelibat fil-​Knisja Kattolika hu wieħed mill-​akbar sfidi tas-​saċerdozju,” tirrapporta r-​rivista Veja. “Fl-​1970, 10,000 qassis telqu l-​pożizzjoni tagħhom sabiex jiżżewġu. Illum, hemm 120,000​—12-il darba iktar minn dak in-​numru. Fil-​Brażil, in-​numru taʼ qassisin li ħadu din id-​deċiżjoni żdied 20 darba fl-​istess perijodu.” Għalkemm l-​argument tagħhom m’huwiex ibbażat fuq l-​Iskrittura, il-​mexxejja tal-​knisja fil-​Kattoliċiżmu Ruman jiddefendu l-​prattika taċ-​ċelibat billi jgħidu li dan jippermetti lill-​qassis biex “jagħti iktar attenzjoni lil Alla” u biex jikkonċentra fuq xogħlu. “Imma l-​argument kollu li jappoġġa ċ-​ċelibat hu tassew mondan,” tgħid il-​Veja. “L-​idea nibtet fil-​Medju Evu sabiex jiġi preservat il-​patrimonju materjali tal-​knisja, billi jevitaw li xi dixxendenti jiksbu artijiet u ġid ieħor.”

Ir-​Riżorsi taʼ l-​Ilma Qed Jonqsu bil-​Mod il-​Mod

“Issa għandna inqas minn nofs l-​ammont taʼ ilma disponibbli għal kull individwu milli kellna 50 sena ilu,” tistqarr The UNESCO Courier. U r-​riservi globali huma mistennijin li jibqgħu jonqsu. Dan in-​nuqqas drastiku jirrifletti t-​talba li dejjem tiżdied għal ilma frisk minħabba ż-​żjieda fil-​popolazzjoni, il-​bżonnijiet fl-​agrikultura, u l-​industrijalizzazzjoni. Xjenzati li bir-​riċerki tagħhom jagħmlu mappa tal-​globu skond l-​iskarsezza taʼ l-​ilma mmarkaw xi nħawi bħala “katastrofiċi.” Skond il-​Courier, dan ifisser li r-​riservi “mhux se jkunu kapaċi jmantnu lil popolazzjoni f’każ taʼ xi kriżi bħal nixfa.” Din ir-​rivista żżid: “Daqs 50 sena ilu, lanqas pajjiż wieħed fid-​dinja ma ffaċċja livelli katastrofiċi fil-​provvisti taʼ l-​ilma. Illum, madwar 35 fil-​mija tal-​popolazzjoni qed jgħixu taħt dawn il-​kundizzjonijiet.”

Kimiċi fil-​Ġugarelli

“Grupp taʼ kimiċi li normalment jintużaw biex irattbu l-​ġugarelli tat-​tfal huma kważi 20 darba iktar perikolużi milli konna naħsbu qabel,” tirrapporta The Independent, gazzetta taʼ Londra. Riċerka fl-​Olanda turi li l-​phthalates​—sustanzi li jrattbu l-​plastik iebes, bħalma hu l-​polyvinyl chloride—​jinstabu fiċ-​ċrieki tal-​lakstu li t-​tfal iħokku l-​ħanek bihom u f’ġugarelli oħra li t-​tfal żgħar il-​ħin kollu jgiddmu fihom. Dawn il-​kimiċi faċilment jitħalltu mal-​bżieq. It-​testijiet irrivelaw li dożi qawwijin taʼ żewġ phthalates komuni “jistgħu jikkaġunaw kanċer tal-​fwied u tal-​kliewi, u jġagħlu t-​testikoli jiċkienu.” It-​tfal iż-​żgħar huma partikolarment f’riskju minħabba li “jkollhom ftit piż, ikunu fil-​proċess taʼ l-​iżvilupp, u x’aktarx ikunu esposti fit-​tul, u dan jagħmilhom relattivament iktar sensittivi għall-​kimiċi,” jistqarr l-​artiklu. Il-​professur James Bridges, xjenzat Ingliż li qed jirrevedi l-​problema għall-​Kummissjoni Ewropea, esprima tħassib partikulari għal “tfal li jiħduhom f’xi istituzzjoni, bħal per eżempju, dawk li jinżammu f’xi ċentru inferjuri li jieħu ħsiebhom matul il-​ġurnata jew f’xi sptar, minħabba li dawn it-​tfal għandhom it-​tendenza li joqogħdu jgiddmu l-​ġugarelli għax ma jkollhom xejn iktar x’jagħmlu.” Diġà hemm sitt pajjiżi li pprojbew dawn il-​kimiċi mill-​ġugarelli, u erbgħa oħra qed jippreparaw li jagħmlu dan.

Jagħmlu Mħatri fuq Armageddon

Kull ġimgħa partita nies fil-​Britannja qed “jagħmlu mħatri fuq Armageddon,” tirrapporta The Guardian. Stħarriġ fuq elf adult u wieħed irrivela li 33 fil-​mija jaħsbu li tmiem id-​dinja se jiġi bħala riżultat taʼ gwerra dinjija, waqt li 26 fil-​mija jaħsbu li t-​tmiem se jiġi kaġunat minn sħana globali. Oħrajn jispekulaw li l-​kaġun se jkun ħabta maʼ asterojdi. Fil-​fatt, 59 fil-​mija taʼ dawk li fuqhom sar l-​istħarriġ “jaħsbu li għandhom iktar probabbiltà li jesperjenzaw tmiem id-​dinja milli jirbħu l-​Lotterija Nazzjonali,” tgħid The Guardian. Għala qed issir din l-​ispekulazzjoni kollha dwar Armageddon? In-​nies “x’aktarx huma influwenzati mill-​Millennju u mis-​sens taʼ kundanna marbut miegħu,” tikkummenta l-​gazzetta.

“It-​Torri taʼ Babel”

L-​Unjoni Ewropea (UE) għandha 11-il lingwa uffiċjali, u iktar tard jistgħu jiżdiedu 10 oħra, tirrapporta l-​International Herald Tribune, gazzetta taʼ Pariġi. Bħalissa, il-​Kummissjoni Ewropea, l-​eżekuttiv tal-​UE, qed tħaddem iktar minn erbaʼ darbiet in-​numru taʼ tradutturi u interpreti fil-​kwartieri ġenerali tal-​Ġnus Magħquda, li għandha biss ħames lingwi uffiċjali. Waqt li qed isiru sforzi biex jgħaqqdu l-​Ewropa u jissimplifikaw il-​ħidmiet tal-​UE, qed jiġri l-​oppost inkwantu għal-​lingwa. Kull pajjiż membru jiddefendi l-​lingwa tiegħu stess. “Qishom it-​Torri taʼ Babel,” tikkummenta l-​gazzetta. Il-​kummissjoni tiffaċċja wkoll il-​problema tal-​“Eurospeak”​—il-​lingwa li l-​membri jużaw bejniethom mimlija tgeġwiġ u termini tqal biex tifhimhom. Skond wieħed traduttur, li tipprova ġġiegħel lill-​politikanti jesprimu lilhom infushom b’mod ċar hija sfida meta “taʼ spiss il-​mira proprja tkun li ma jkunux ċari fi kliemhom.”

Abbuż Globali fuq it-​Tfal

L-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa (WHO), f’Ġinevra, l-​Isvizzera, tikkalkula li 40 miljun tifel u tifla mad-​dinja kollha jsofru xi abbuż. Kif ġie rapportat f’The New York Times, stħarriġ li sar f’19-il pajjiż fuq tfal sa l-​età taʼ 14-il sena jindika li 29 fil-​mija tas-​subien u 34 fil-​mija tal-​bniet kienu vittmi t’abbuż sesswali. Fl-​Istati Uniti biss, qalet il-​WHO, madwar żewġ miljun tifel u tifla jiġu mweġġgħin kull sena minħabba xi abbuż.

Il-​Moħħ u l-​Irqad taʼ l-​Għasafar

Rapport fit-​Toronto Star jinnota li x-​xjenzati ilhom li fehmu li l-​għasafar jistgħu jagħtu titwila regolarment b’għajn waħda waqt li jkunu reqdin, u dan iservi biex jipproteġu lilhom infushom mill-​predaturi. Issa skoprew li l-​għasafar jistgħu jiddeċiedu jekk iraqqdux moħħhom kollu jew iħalluhx nofsu mqajjem biex jidderieġi l-​għajn li tkun qed tittawwal. Fir-​riċerka li saret intużaw il-​papri kuluverti reqdin f’filliera, u nstab li dawk fit-​tarf tar-​ringiela qattgħu terz mill-​ħin taʼ l-​irqad tagħhom b’nofs moħħhom imqajjem. Dawk fiċ-​ċentru tar-​ringiela baqgħu nofshom imqajmin għal 12 fil-​mija biss tal-​ħin. Jidher li “meta s-​sitwazzjoni tkun perikoluża, imbagħad l-​għasafar jorqdu iktar taʼ spiss b’nofs moħħhom imqajjem,” jgħid il-​Professur Niels Rattenborg mill-​Università taʼ l-​Istat taʼ Indiana.

Iktar Inkwiet dwar l-​Ilma

“L-​ilma li nixorbu mhux talli hu mimli pestiċidi, imma mid-​dehra issa hu mimli wkoll bid-​drogi,” tgħid in-​New Scientist. Id-​drogi jiġu minn diversi sorsi. Xi drabi, il-​mediċini li ma jintużawx jintremew fit-​tojlit. Iktar minn hekk, id-​drogi joħorġu ’l barra mill-​ġisem maʼ l-​urina. “Bejn 30 u 90 fil-​mija tad-​doża tal-​biċċa l-​kbira taʼ l-​antibijotiċi amministrata lill-​bnedmin u lill-​annimali titneħħa maʼ l-​urina,” jgħid Bent Halling-Sorensen, mill-​Iskola Rjali Daniża tal-​Farmaċija. Il-​bdiewa taʼ spiss jużaw l-​urina u d-​demel taʼ l-​annimali fl-​għelieqi tagħhom. Meta d-​drogi jiġu f’kuntatt maʼ l-​ambjent, jistgħu jkunu fil-​forma oriġinali tagħhom jew jkunu ġew mibdulin mill-​ġisem uman. Jistgħu jkunu f’forma iktar reattiva jew tossika mill-​oriġinali u waħda li taʼ spiss tkun tinħall iktar malajr fl-​ilma. “Id-​drogi huma wieħed mill-​ftit gruppi taʼ kimiċi li jinsabu fl-​ilma li ma niċċekkjawx għalihom,” jgħid Steve Killeen, mill-​Aġenzija Britannika taʼ l-​Ambjent.

Ftit Xogħol m’Huwiex Tajjeb għas-​Saħħa

Stħarriġ fuq 50,000 impjegat fil-​Ġermanja rrivela li dawk li xogħolhom jitlob ftit li xejn minnhom jiffaċċjaw riskju akbar għal saħħithom minn dawk li jkollhom ħafna x’jagħmlu. “L-​impjegati li xogħolhom jirrikjedi ripetizzjoni frekwenti u nuqqas taʼ indipendenza jimirdu iktar mid-​doppju taʼ dawk li xogħolhom jitlob ħafna minnhom,” tosserva l-​gazzetta Augsburger Allgemeine. L-​ebda fattur ieħor taʼ stress relatat max-​xogħol m’għandu daqshekk impatt fuq kemm-il darba l-​impjegati jfallu mix-​xogħol, u kemm idumu kull darba, daqs xogħol li ftit li xejn jitlob sforz. Skond ir-​rapport, dawk li xogħolhom m’huwiex daqshekk taʼ sfida taʼ spiss isofru minn “pressjoni għolja tad-​demm, mard taʼ l-​istonku u dak intestinali, u wġigħ fid-​dahar u fil-​ġogi.”

Sfog taʼ Rabja

L-​hekk imsejjaħ katarsi, “l-​isfog taʼ rabja fuq oġġetti bla ħajja​—per eżempju, li wieħed jagħti bil-​ponn fuq xi mħadda jew xi punching bag—​iżid u mhux inaqqas l-​imġiba aggressiva,” tirrapporta n-​National Post tal-​Kanada. It-​Tabib Brad J. Bushman, professur assoċjat tal-​psikoloġija fl-​Università taʼ l-​Istat taʼ Iowa, innota: “Il-​katarsi kellha mewġa kontinwa t’appoġġ fuq il-​mezzi popolari tax-​xandir ħafna iktar milli kellha fil-​letteratura tar-​riċerka.” Ir-​riċerkaturi sabu wkoll, tinnota l-​Post, li “l-​kotba u l-​artikli li jirrikkmandaw il-​‘katarsi’ bħala metodu tajjeb kif tittratta mar-​rabja attwalment jistgħu jkunu qed iħeġġu l-​aggressjoni billi jagħtu l-​permess biex in-​nies jerħu l-​kontroll fuqhom infushom.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja