LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 10/8 pp. 8-11
  • X’qed Jagħmel Ġesù Issa

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’qed Jagħmel Ġesù Issa
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Dak li Tgħid il-​Bibbja
  • Ħakkiem Mimli Mogħdrija
  • Ġesù Huwa Issa Sultan “Sabiħ”
  • “Jaħsdu r-​Rwiefen”
  • Nies taʼ Qalb Onesta Jitgħallmu l-​Verità
  • Il-​Għan t’Alla Jimxi Lejn it-​Twettieq
    Veru li Alla Jimpurtah Minna?
  • Is-Saltna t’Alla—Il-Ħakma l-Ġdida fuq id-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
  • Min Hu Ġesù Kristu?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
    “Ħares! Qed Nagħmel l-Affarijiet Kollha Ġodda”
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1998
g98 10/8 pp. 8-11

X’qed Jagħmel Ġesù Issa

FIL-​WAQT li l-​bixra li kellu Ġesù hija taʼ interess, huwa ferm iktar vitali li niddeterminaw x’qed jagħmel issa u fejn qiegħed. Liema rwol jaqdi fl-​iskop t’Alla f’konnessjoni mal-​familja umana?

L-istorja sekulari ma tistax tagħtina t-​tweġibiet. Dawn jistgħu jinstabu biss fid-​dokument li Alla kiteb għall-​benefiċċju taʼ dawk li jfittxu l-​verità. U dan huwa l-​Bibbja, jew l-​Iskrittura Mqaddsa, l-​iktar volum li qatt ġie ddistribwit fl-​istorja tad-​dinja.

Il-Bibbja m’hijiex sempliċement ktieb ieħor miktub mill-​bnedmin. Minkejja li ntużaw il-​bnedmin bħala l-​kittieba tiegħu, Alla kien l-​awtur veru: “L-​Iskrittura kollha hija mnebbħa minn Alla, u tiswa biex wieħed jgħallem, iċanfar, iwiddeb u jrawwem fis-​sewwa, biex hekk il-​bniedem taʼ Alla jkun perfett, mħejji għal kull ħidma tajba.”​—2 Timotju 3:​16, 17.

L-appostlu Pawlu rrikonoxxa x’kienet l-​Iskrittura, għaliex hu kiteb: “[I]l-kelma taʼ Alla, li intom smajtu mingħandna, lqajtuha mhux bħala kelma taʼ bniedem, iżda bħala kelma taʼ Alla kif tassew hi.”​—1 Tessalonikin 2:13.

Alla hu l-​Ħallieq li jistaʼ kollox taʼ l-​univers, bil-​biljuni taʼ galassji li fih u l-​biljuni taʼ stilel li hemm f’kull galassja. X’qawwa straordinarja għandu biex kien kapaċi joħloq dan kollu! Żgur li Dak li Jistaʼ Kollox, il-​wieħed li għamel l-​univers tant taʼ l-​għaġeb, setaʼ jkun l-​awtur taʼ ktieb li kellu jkun gwida taʼ min joqgħod fuqha għal kulmin ifittex il-​verità.

Dak li Tgħid il-​Bibbja

Il-​Kelma t’Alla tikxef il-​verità dwar it-​teoriji u l-​ispekulazzjonijiet li ma jispiċċaw qatt dwar Ġesù. Innota xi ftit mid-​dettalji li tagħti dwaru:

• Ġesù kien l-​ewwel u l-​uniku ħolqien dirett t’Alla fis-​sema żmien twil ilu, qabel ma bdew jeżistu l-​anġli u l-​univers fiżiku. Huwa għalhekk li jissejjaħ l-​‘Iben waħdieni’ t’Alla. Il-​bqija tal-​ħolqien sar permezz taʼ dan l-​Iben, l-​“imgħallem ħaddiem” t’Alla, fl-​eżistenza preumana tiegħu.​—Ġwann 3:​16; 6:​38; 8:​58; Proverbji 8:​30, NW; Kolossin 1:​16, 17a [1:​16, NW].

• Madwar 2,000 sena ilu, Alla ttrasferixxa l-​ħajja taʼ Ġesù għal ġol-​ġuf taʼ verġni Lhudija, biex jitwieled bħala bniedem. Saħansitra fi żmienna, bil-​proċess taʼ l-​inseminazzjoni artifiċjali, il-​bnedmin jistgħu jagħmlu xi ħaġa li sa ċertu punt tistaʼ titqabbel maʼ dan.​—Mattew 1:18; Ġwann 1:14.

• Ġesù kien ħafna iktar minn sempliċi raġel tajjeb. Meta kien adult kien jirrifletti perfettament il-​personalità taʼ mħabba, mogħdrija, u tjieba taʼ Missieru tas-​sema, Alla Jehovah.​—Ġwann 14:​9, 10; Lhud 1:3; 1 Ġwann 4:​7-​11, 20, 21.

• Bħala r-​rappreżentant t’Alla fuq l-​art, Ġesù kien jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​fqar u tal-​magħkusin, fil-​waqt li ma kienx juri diskriminazzjoni kontra l-​għonja. Bl-​appoġġ taʼ l-​ispirtu qaddis tant qawwi t’Alla, Ġesù fejjaq mirakolożament lill-​morda u saħansitra qajjem lill-​mejtin. Billi wettaq xogħlijiet meraviljużi bħal dawn, hu wera fuq skala żgħira dak li kellu jagħmel fuq skala dinjija wara li jkun ġie rxoxtat mill-​imwiet għall-​ħajja fis-​sema u jkun sar Sultan tas-​Saltna tas-​sema t’Alla.​—Mattew 11:​4-6; Luqa 7:​11-​17; Ġwann 11:​5-​45.

• Din is-​Saltna tas-​sema t’Alla hija dik li Ġesù għallem lis-​segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha u jpoġġuha l-​ewwel fil-​ħajja tagħhom. Meta tkun stabbilita għalkollox, din se “tfarrak u ttemm is-​saltniet l-​oħra kollha [li jeżistu llum], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.” Imbagħad, is-​Saltna se tkun l-​uniku gvern fid-​dinja. Hija l-​unika tama għall-​umanità mnikkta.​—Danjel 2:44; Mattew 6:9, 10.

• Alla kien Missier Ġesù, u Ġesù kien leali lejn Alla. Għalhekk, meta Ġesù nqatel, kien raġel perfett. Hu kien lest li joffri ħajtu perfetta lil Alla bħala sagrifiċċju taʼ rahan sabiex jerġaʼ jġib lura dak li tilef Adam meta rribella kontra Alla. Billi għamel hekk, Ġesù fetaħ it-​triq biex dawk kollha li jeżerċitaw fidi fih ikollhom il-​ħajja eterna.​—Ġwann 3:​16; Rumani 3:​23, 24; 1 Ġwann 2:2.

• Bħala s-​Sultan tas-​sema maħtur minn Alla, Ġesù se jwettaq l-​iskop t’Alla biex ineħħi l-​ħażen minn fuq wiċċ l-​art u jgħolli ’l-umanità ubbidjenti lejn il-​perfezzjoni tal-​moħħ u tal-​ġisem. L-​umanità mbagħad se tgħix fil-​paċi u fl-​hena fuq art magħmula ġenna, bi djar diċenti u ikel abbundanti għal kulħadd. Il-​mard, in-​niket, u l-​mewt se jkunu telqu darba għal dejjem. Saħansitra l-​mejtin se jiġu rxoxtati u se jkollhom l-​opportunità li jgħixu għal dejjem fuq l-​art.​—Ġenesi 1:​26-​28; 2:8; Salm 37:​10, 11, 29; Proverbji 2:​21, 22; Isaija 25:6; 65:​21-​23; Luqa 23:43; Atti 24:15; Apokalissi 21:​3, 4.

B’hekk, il-​Bibbja tgħidilna b’mod ċar li Ġesù huwa l-​figura ċentrali fl-​iskop t’Alla biex jistabbilixxi dinja ġdida taʼ tjieba hawn fuq l-​art. Minħabba l-​irwol vitali li għandu, Ġesù setaʼ b’mod xieraq jgħid: “Jiena hu t-​Triq, il-​Verità u l-​Ħajja. Ħadd ma jmur għand il-​Missier jekk mhux permezz tiegħi.”​—Ġwann 14:6; 2 Pietru 3:13.

Ħakkiem Mimli Mogħdrija

Nies umlin jixtiequ li Ġesù jkun il-​ħakkiem tagħhom fid-​dinja l-​ġdida, u x’ħakkiem differenti u li kulħadd jieħu gost bih se jkun! Mod wieħed kif hu wera dan kien permezz tax-​xogħlijiet taʼ l-​għaġeb taʼ fejqan li wettaq waqt li kien fuq l-​art. (Mattew 15:​30, 31) Imma innota, wkoll, x’tip taʼ ħakkiem se jkun.

Ikkunsidra l-​ewwelnett ir-​rekord li ħallew il-​ħakkiema taʼ din id-​dinja. L-​istorja turi li matul iż-​żminijiet, dawn taʼ spiss kienu ħorox u bla qalb, u mexxew il-​popli tagħhom fi gwerer, atroċitajiet, inkwiżizzjonijiet, u massakri bla għadd. F’dan is-​seklu 20 biss, inqatlu ’l fuq minn 100 miljun ruħ fil-​gwerer.

Innota l-​kuntrast bejn l-​attitudni u r-​rekord tal-​ħakkiema taʼ din id-​dinja u l-​attitudni u r-​rekord taʼ Ġesù fl-​ittrattar tiegħu mal-​foqra, il-​magħkusin, u dawk li m’għandhom ebda poter: “Ra n-​nies u tħassarhom, għax kienu mdejjqa u mitluqa bħal nagħaġ bla ragħaj.” Għalhekk qalilhom: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom. Ħudu fuqkom il-​madmad tiegħi u tgħallmu minni, għaliex jiena taʼ qalb ħelwa u umli, u intom issibu l-​mistrieħ għal ruħkom. Għax il-​madmad tiegħi ħelu u t-​toqol tiegħi ħafif.”​—Mattew 9:36; 11:​28-30.

Kemm kien juri mogħdrija Ġesù lejn in-​nies! F’dan hu imita lil Missieru tas-​sema. Ġesù kien il-​personifikazzjoni taʼ l-​imħabba, u għallem lid-​dixxipli tiegħu biex juru mħabba vera, u bi prinċipju, lejn xulxin. B’hekk, m’humiex se jħallu r-​razza, in-​nazzjonalità, il-​livell ekonomiku, ir-​reliġjon li kellhom qabel, jew kwalunkwe ħaġa oħra ttellfilhom l-​unità internazzjonali tagħhom. (Ġwann 13:34, 35; Atti 10:​34, 35) Tabilħaqq, Ġesù tant kien iħobb lin-​nies li ta ħajtu għalihom. (Efesin 5:25) Hu t-​tip taʼ ħakkiem li għandha bżonn u li se jkollha din id-​dinja.

Ġesù Huwa Issa Sultan “Sabiħ”

Il-​Kelma profetika t’Alla tgħinna nifhmu li Ġesù issa huwa Sultan potenti fis-​sema. Dwaru s-​salmista pprofetizza: “Int sabiħ, isbaħ minn ulied il-​bnedmin kollha . . . fil-​maestà tiegħek, irkeb għall-​kawża tas-​sewwa, taʼ l-​umiltà, u l-​ħaqq . . . Int tħobb il-​ħaqq, u tobgħod il-​ħażen: għalhekk Alla, Alla tiegħek, dilkek biż-​żejt tal-​hena.”​—Salm 45:​2, 4, 7, Karm Żammit.

Bħala Sultan tas-​sema midluk minn Alla, Ġesù ngħata l-​awtorità ħalli jieħu azzjoni biex jesprimi l-​imħabba tiegħu għat-​tjieba u l-​mibegħda tiegħu għall-​ħażen. B’hekk, fil-​Bibbja huwa deskritt bħala konkwistatur immortali, is-​“Sultan tas-​slaten,” li dalwaqt se jeqred lill-​għedewwa kollha t’Alla. Iktar minn hekk, se jirrestawra l-​art għal kundizzjoni taʼ ġenna u jgħolli għall-​perfezzjoni lill-​umanità li tistaʼ tiġi mifdija.​—Apokalissi 19:​11-16.

L-irwol ġdid taʼ Ġesù mhux se jkun dak taʼ ‘Messija li jsofri’ u li jiġi insultat, imsawwat u maqtul mill-​opponenti tiegħu. Minflok, l-​irwol ġdid tiegħu hu dak taʼ “Alla setgħan,” il-​ħakkiem taʼ l-​art. (Isaija 9:6) Din m’hijiex aħbar li l-​biċċa l-​kbira tal-​ħakkiema umani jieħdu gost jisimgħu, għaliex is-​saltniet tagħhom f’qasir żmien se jitfarrku sakemm ma jibqgħux jeżistu iktar, bħalma jbassar Danjel 2:44. Billi juża lil Kristu bħala l-​esekutur tiegħu, Alla se ‘jidrob is-​slaten f’jum qilltu, u jagħmel ħaqq mill-​ġnus.’​—Salm 110:​5, 6.

Isaija bassar li meta Kristu jagħmel dan, “għad jistagħġbu ħafna ġnus minħabba fih. Quddiemu s-​slaten jagħlqu ħalqhom.” Għala? “Għax għad jaraw ġrajja li qatt ma ssemmiet [mill-mexxejja reliġjużi li jafdaw fihom], u jifhmu dak li qatt ma semgħu bih.”​—Isaija 52:15.

“Jaħsdu r-​Rwiefen”

Isaija kien qed ibassar li l-​mexxejja reliġjużi kellhom jabbandunaw il-​qadi taʼ dmirijiethom. Per eżempju, huma ma jgħallmux il-​verità tal-​Bibbja imma lill-​merħliet tagħhom jgħallmuhom duttrini li m’humiex skritturali rigward turment etern f’infern bin-​nar, trinità taʼ tliet allat f’wieħed, u l-​immortalità tar-​ruħ​—ilkoll taʼ oriġini pagana. U l-​membri tal-​kleru appoġġaw il-​gwerer kollha tal-​pajjiżi tagħhom, saħansitra meta dan kien ifisser li jinqatlu nies taʼ l-​istess reliġjon tagħhom. Dan hu ksur dirett tal-​kmandamenti t’Alla.​—1 Ġwann 2:​3, 4; 3:​10-​12; 4:​8, 20, 21.

Ukoll, il-​membri tal-​kleru joffru lill-​merħliet tagħhom xbihat reliġjużi, ilbies klerikali, katidrali lussużi, u pitturi mżejnin b’konċetti pagani, inkluż ir-​raġġiera taʼ l-​alla-xemx, li jidhru sbieħ, imma f’għajnejn Alla ma jfissru xejn. Dan minkejja l-​kmand t’Alla lill-​qaddejja tiegħu: “Itilqu, itilqu, oħorġu minn hemm, tmissu xejn imniġġes . . . intom li ġġorru tagħmir il-​Mulej.”​—Isaija 52:11; 2 Korintin 6:​14-18.

Dawk li jsostnu li jirrappreżentaw lil Alla imma jiksru l-​kmandamenti tiegħu u jgħallmu lil oħrajn biex jagħmlu bħalhom se jaħsdu dak li żergħu. Il-​ġudizzju tagħhom se jkun wieħed avvers u se jħallsu qares għal dak li għamlu meta din is-​sistema t’affarijiet tiġi meqruda. Bħalma qal il-​profeta Hosegħa, “jiżirgħu r-​riħ, u jaħsdu r-​rwiefen.”​—Hosegħa 8:7, KŻ; ara wkoll Apokalissi 17:​1-3, 15, 16.

Nies taʼ Qalb Onesta Jitgħallmu l-​Verità

Il-​fatt li l-​kleru rrappreżenta ħażin lil Alla u lil Ġesù m’huwiex se jżomm lura lil nies taʼ qalb onesta milli jitgħallmu l-​verità dwar Ġesù. Fl-​ewwel seklu, ma żammhomx lura, għaliex bħalma jikteb Paul Barnett fil-​ktieb The Two Faces of Jesus, “Kristu m’huwiex xi paraxutista li waqaʼ mis-​sema għal ġo l-​istorja mingħajr ma ħabbar il-​wasla tiegħu lil ħadd.” Iva, lura f’dak iż-​żmien, il-​profezija tal-​Bibbja b’mod eżatt ‘ħabbret il-​wasla’ tal-​Messija, billi tat lid-​dixxipli leali tiegħu konferma tal-​miġja tiegħu. Illum hemm ħafna iktar evidenza li tħabbar il-​fatt li Ġesù ngħata s-​setgħa minn Alla biex isaltan bħala s-​“Sultan tas-​slaten” glorjuż tas-​sema.​—Mattew 24:​3-​13; 2 Timotju 3:​1-5, 13.

Tabilħaqq, “Dan l-​Evanġelju tas-​Saltna [t’Alla b’Ġesù bħala sultan] jixxandar fid-​dinja kollha, biex il-​ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-​tmiem.” (Mattew 24:14) Dan qed isir mix-​Xhieda taʼ Jehovah, li jgħoddu iktar minn ħames miljuni mad-​dinja kollha. Għalhekk, dawk li jridu jsiru jafu lil Ġesù, il-​wieħed veru, żgur li jistgħu jagħmluh dan. (Ġwann 10:​14; 1 Ġwann 5:20) U kemm li nsiru nafuh kif ukoll li nobduh huwa vitali biex insalvaw minn ġot-​“taħbit il-​kbir” li dalwaqt se jaħkem lid-​dinja​—Apokalissi 7:​9-14; Ġwann 17:3; 2 Tessalonikin 1:​6-​10.

Għalhekk, ix-​Xhieda taʼ Jehovah se jieħdu gost ħafna jgħinuk teżamina d-​deskrizzjoni attraenti taʼ Bin Alla li tagħti l-​Bibbja.

[Stampa f’paġna 9]

Kristu fil-​qawwa tas-​Saltna se jneħħi l-​ħażen għalkollox

[Stampa f’paġna 10]

Taħt il-​ħakma kollha mħabba taʼ Kristu, din l-​art se ssir ġenna

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja