LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 10/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Abbuż mill-​Kleru fl-​Afrika
  • It-​Trabi Jeħtieġu lil Min Imisshom
  • It-​Tfal Jippreferu Pjaċiri Sempliċi
  • L-​Eżerċizzju u Ħajja Twila
  • Prodotti tal-​Biedja Inqas Sustanzjużi?
  • Kriżi taʼ l-​Ilma
  • Attenti għall-​Kikkra Kafè fl-​Uffiċċju
  • Kumdità għall-​Baqar
  • Fwejjaħ taʼ l-​Iskantament
  • It-​Tfal Spanjoli u t-​TV
  • Ħruq mix-​Xemx fid-​Dell
  • Esplojtazzjoni Sesswali Taʼ Tfal Problema Mad-​Dinja Kollha
    Stenbaħ!—1997
  • It-Tfal Jistħoqqilhom li Jħossuhom Mixtiqin u Maħbubin
    Stenbaħ!—2000
Stenbaħ!—1998
g98 10/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn Id-​Dinja

Abbuż mill-​Kleru fl-​Afrika

“Każi t’abbuż sesswali mill-​kleru bdew jitfaċċaw fl-​Afrika,” tirrapporta r-​rivista Catholic International. Biex jevitaw li jsir dan l-​abbuż, xi isqfijiet Kattoliċi qed jirrikkmandaw li jsiru eżaminar u taħriġ iktar stretti taʼ l-​istudenti potenzjali tas-​seminarju. Kwistjonijiet oħrajn li jinkwetaw lill-​isqfijiet Afrikani u li fihom il-​kleru wera kondotta mhix xierqa jinkludu “l-​użu ħażin taʼ l-​alkoħol, u l-​involviment f’attivitajiet li m’humiex addattati jew li ma jaqblux maʼ l-​istat u l-​vokazzjoni taʼ qassis, bħalma huma n-​negozju jew il-​kummerċ, u l-​politika.” Dawn il-​każi għala nkixfu biss dan l-​aħħar? “Ġurnaliżmu iktar ħieles u tnaqqis fil-​kontroll li kien hemm qabel min-​naħa tal-​Knisja fuq il-​mezzi tax-​xandir,” twieġeb ir-​rivista Catholic International, imbagħad iżżid li “f’xi partijiet taʼ l-​Afrika, l-​attentati inizjali taʼ ċerti awtoritajiet tal-​Knisja biex jevitaw li joħorġu aħbarijiet mhux favorevoli . . . fallew.”

It-​Trabi Jeħtieġu lil Min Imisshom

“Tfal imrobbijin mingħajr tgħanniq, żegħil jew tmellis regulari . . . għandhom livelli għoljin t’ormoni taʼ l-​istress barra min-​normal,” skond studju rrapportat fil-​gazzetta Toronto Star. Ir-​riċerkaturi jemmnu li l-​frid minn m’ommhom jew il-​fatt li jittraskurawhom matul l-​infanzja “jistaʼ jkollhom effetti serji għal tul taʼ żmien fuq il-​kapaċità li jitgħallmu u fuq il-​memorja.” Mary Carlson, xjenzata mill-​Harvard Medical School kompliet tosserva li dawk it-​tfal li l-​familji tagħhom żammewhom f’“ċentri taʼ kwalità baxxa li jintużaw biex jieħdu ħsieb lit-​tfal matul il-​ġurnata fil-​ġranet tax-​xogħol, kellhom livelli mhux normali t’ormoni taʼ l-​istress fost il-​ġimgħa imma mhux fi tmiem il-​ġimgħa meta t-​tfal kienu d-​dar.” Din ir-​riċerka żżid iktar evidenza li huwa importanti li mmissu lil uliedna bit-​tenerezza u li nagħtuhom ħafna mħabba.

It-​Tfal Jippreferu Pjaċiri Sempliċi

Kif tistaʼ tkun omm tajba f’għajnejn uliedek? Skond stħarriġ li għamlet il-​Whirlpool Foundation fuq 1,000 tifel u tifla Amerikani mill-​età taʼ 6 snin sa 17-il sena, il-​biċċa l-​kbira ppreferew jagħmlu m’ommhom affarijiet sempliċi u taʼ kuljum. L-​iktar importanti kien “li sempliċement ikunu flimkien.” L-​attività favorita tat-​tfal mal-​Mamà kienet li “jieklu flimkien.” Fit-​tieni post kien hemm kemm li “joħorġu jieklu flimkien” kif ukoll li “jmorru jixtru flimkien.” Eżatt warajhom fit-​tielet post kien hemm li “joqogħdu bil-​qiegħda u jitkellmu flimkien.” L-​ewwel għażla tat-​tfal taʼ modi biex jirringrazzjaw lil ommijiethom kienet sempliċi wkoll. Sebgħin fil-​mija qalu li ġeneralment huma jagħtu lil ommhom “tgħanniqa u bewsa.” Imbagħad il-​modi favoriti taʼ wara kienu li jgħidu, “Inħobbok” u “Grazzi.”

L-​Eżerċizzju u Ħajja Twila

“Milli jidher, mixja mgħaġġla taʼ nofs siegħa sitt darbiet fix-​xahar tnaqqas ir-​riskju taʼ mewt [qabel iż-​żmien] b’44 fil-​mija,” tirrapporta The New York Times dwar studju reċenti fuq it-​tul tal-​ħajja. Xi riċerkaturi fil-​Finlandja ttraċċaw il-​ħajja taʼ 8,000 par tewmin għal medja taʼ 19-il sena u sabu li saħansitra dawk li għamlu l-​eżerċizzju darba kultant kellhom “30 fil-​mija ċans inqas li jmutu mit-​tewmin inattivi tagħhom.” L-​istudju huwa sinjifikanti peress li kkunsidraw fatturi ġenetiċi biex jiddeterminaw l-​effettività taʼ l-​eżerċizzju. Steve Farrell, riċerkatur taʼ l-​erobika li ma kienx involut f’dan l-​istudju, qal: “Saħansitra jekk ikollok ġeni difettużi, dan l-​istudju jindika bil-​kbir li jekk iżżid l-​attività fiżika dan jistaʼ jgħinek tgħix iktar.”

Prodotti tal-​Biedja Inqas Sustanzjużi?

Huma l-​frott u l-​ħaxix inqas sustanzjużi llum kaġun taʼ ħamrija fjakka? Skond xjenzati tal-​ħamrija, ir-​risposta hija le. Il-​University of California Berke ley Wellness Letter tgħid: “Il-​vitamini fix-​xtieli jinħolqu mix-​xtieli stess.” B’hekk, jekk il-​ħamrija hija nieqsa mill-​minerali meħtieġa, ix-​xtieli ma jikbrux kif suppost. Ix-​xitla għandha mnejn ma twarradx, jew sempliċement titgħaxxex u tmut. Biex ma jħallux dan iseħħ, il-​bdiewa jużaw il-​fertilizzanti ħalli jerġgħu jpoġġu l-​minerali ġewwa l-​ħamrija. Wellness Letter tgħid: “Jekk il-​frott u l-​ħaxix li tixtri jidhru b’saħħithom, tistaʼ tkun ċert li fihom is-​sustanzi li suppost.”

Kriżi taʼ l-​Ilma

“Jekk ma jsir xejn, żewġ terzi taʼ l-​umanità se jsofru mill-​għatx qabel is-​sena 2025,” tiddikjara r-​rivista Franċiża L’Express. Il-​gazzetta Le Figaro tagħmel dan il-​punt: “Kwart tal-​popolazzjoni tad-​dinja issa m’għandha l-​ebda aċċess dirett għall-​ilma tax-​xorb.” Biex tindirizza l-​kriżi taʼ l-​ilma, l-​Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tal-​Ġnus Magħquda [UNESCO] żammet konferenza internazzjonali f’Pariġi, f’Marzu 1998. Iktar minn 200 delegat minn 84 pajjiż, inkluż il-​president taʼ Franza, iddiskutew xi modi biex tiġi protetta l-​provvista taʼ l-​ilma tad-​dinja. Waħda mill-​problemi li enfasizzaw kienet li l-​ilma taʼ spiss jinħela minħabba sistemi taʼ tisqija agrikola mhux effiċjenti u pajpijiet taʼ l-​ilma mtaqqbin. Jacques Chirac, il-​President Franċiż, enfasizza l-​fatt li l-​ilma huwa parti mill-​wirt kollettiv tal-​bniedem, u għalhekk jeħtieġ li nimmaniġġawh fuq bażi dinjija.

Attenti għall-​Kikkra Kafè fl-​Uffiċċju

“Pezzakustjoni ċkejknin​—inkluż batterji tal-​biżaʼ bħal E. coli.​—qed jiżdiedu ħafna għaliex fil-​biċċa l-​kbira taʼ l-​uffiċċji, il-​kikkri ma jinħaslux sew jew is-​sinkijiet u l-​postijiet fejn jippreparaw l-​affarijiet ma jiddiżinfettawhomx,” tirrapporta The Toronto Star. Ir-​riċerkaturi Charles Gerba u Ralph Meer ittestjaw il-​kikkri tal-​kafè u l-​apparat li jagħmel il-​kafè fi 12-il uffiċċju. Xi 40 fil-​mija tal-​kikkri u 20 fil-​mija taʼ l-​isponoż li nstabu fis-​sinkijiet taʼ l-​uffiċċji kien fihom il-​batterja tal-​kolon, u xi drabi, il-​batterja E. coli. tistaʼ tkun perikoluża. “Dan normalment huwa indikazzjoni taʼ kundizzjonijiet mhux sanitarji,” jgħid Gerba. Ir-​rapport jikkonkludi: “Jekk ma jkunx hemm magna tal-​ħasil tal-​platti, il-​maggijiet għandhom jinħaslu fil-​misħun u bis-​sapun, imbagħad jiddiżinfettawhom b’taħlita taʼ bliċ u ilma jew diżinfettant. Iċ-​ċraret u l-​isponoż għandhom jitnaddfu regolarment.”

Kumdità għall-​Baqar

Saqqijiet mimlijin b’lastku mqattaʼ minn tajers irriċiklati qed jitfaċċaw fl-​irziezet tal-​produzzjoni tal-​ħalib, tirrapporta The Globe and Mail tal-​Kanada. Huwa maħsub li permezz tas-​saqqijiet, ħoxnin 5 ċentimetri, jistaʼ jiġri li ż-​żmien meta l-​baqar ikunu tajbin għat-​taħlib jitwal u jsir iktar produttiv. Skond ir-​rapport, “il-​baqar tal-​ħalib iqattgħu l-​biċċa l-​kbira taʼ ħajjithom fuq il-​konkos,” u dan iġagħalhom “jiżviluppaw saqajn misluħin u ħsara fir-​riġlejn.” Is-​saqqijiet mhux biss inaqqsu l-​problemi tas-​saqajn u tar-​riġlejn għall-​annimali imma wkoll iservu taʼ lqugħ meta rkobbtejhom jissabbtu maʼ l-​art hekk kif jintefgħu biex jistrieħu. Manifattur taʼ dawn is-​saqqijiet jgħid li l-​idea hi li l-​baqar iħossuhom l-​istess bħallikieku qed jimteddu fuq il-​mergħat imħaddrin.

Fwejjaħ taʼ l-​Iskantament

Dawk li jagħmlu l-​inbid ilhom żmien twil jafu kemm l-​aroma hi importanti biex jiddistingwu nbid minn ieħor. Issa, bil-​għan li jiżviluppaw inbejjed aħjar, ix-​xjenzati qed jaqsmu f’kategoriji l-​500 kimika jew iktar li jistgħu jikkontribwixxu għall-​fwieħa unika taʼ l-​inbid. Ix-​xjenzati wżaw l-​għajnuna taʼ nies b’imnieħer sensittiv, tirrapporta r-​rivista New Scientist. Gruppi taʼ nies li xammew il-​fwejjaħ individwali taʼ xi ingredjenti taʼ l-​inbid qabbluhom maʼ basal, għasel, asparagus, tabakk, ċikkulata, u tin niexef. Xi ħaġa taʼ l-​iskantament hi li xi wħud assoċjaw dawn l-​irwejjaħ maʼ “kalzetti mmoffati, bajd imħassar u lastku maħruq.” Ċerta ħmira taʼ l-​inbid tipproduċi riħa li tistaʼ tiġi interpretata b’modi differenti. Ir-​riċerkatriċi Jane Robichaud tgħid: “Jiddependi minn kemm l-​individwu jkun sensittiv għaliha, jekk din tkunx qed iżżid mal-​komplessità taʼ l-​inbid jew inkella tkunx qed terħi r-​riħa tinten pesti taʼ kutra taż-​żwiemel.”

It-​Tfal Spanjoli u t-​TV

Huwa stmat li tfal li normalment jaraw it-​TV fi Spanja jistgħu jkunu xhieda taʼ 10,000 qtil u 100,000 att t’aggressjoni sakemm ikunu laħqu l-​għaxar snin, skond Carlos María Bru, mill-​Kumitat Spanjol tal-​Fond tal-​Ġnus Magħquda għat-​Tfal, tirrapporta l-​Europa Press. Iżjed minn hekk, il-​Professur Luis Miguel Martínez semma l-​fatt li iktar minn tliet kwarti tat-​tfal Spanjoli mill-​età t’4 snin sa 12-il sena jdumu jaraw it-​TV minn taʼ l-​inqas sagħtejn u nofs kuljum, u kważi kwart jaraw iktar minn erbaʼ sigħat kuljum. Ir-​rapport jiddikjara li, bejn wieħed u ieħor, “it-​tfal iqattgħu 937 siegħa kull sena quddiem it-​TV, jiġifieri, iktar mid-​900 siegħa li jqattgħu fl-​iskola kull sena.” Skond Ricardo Pérez-Aznar, mid-​Dipartiment tax-​Xjenzi taʼ l-​Informazzjoni tal-​Complutensian University, il-​vjolenza fuq it-​TV hija waħda minn taħlita taʼ fatturi soċjoloġiċi li għandha mnejn tikkontribwixxi għall-​vjolenza fis-​soċjetà.

Ħruq mix-​Xemx fid-​Dell

Skond studju mill-​Istitut tar-​Riċerka Medika taʼ Queensland fl-​Awstralja, jekk tfittex id-​dell taħt xi siġra jew xi umbrella tal-​baħar, x’aktarx li dan mhux se jipprovdilek protezzjoni totali mir-​radjazzjoni ultravjola. Bħalma tirrapporta l-​Canberra Times, xi ħadd li jkun barra fid-​dell xorta huwa espost għar-​radjazzjoni ultravjola mferrxa. Dr. Peter Parsons, biokimiku u wieħed mill-​awturi taʼ l-​istudju, iwissi: “Jekk il-​limitu massimu rrikkmandat għall-​espożizzjoni fix-​xemx diretta tas-​sajf f’nofsinhar fil-​bliet kapitali tal-​kontinent taʼ l-​Awstralja hija minn 10 sa 12-il minuta, mela nies weqfin jew mimdudin fid-​dell se jġarrbu livelli taʼ ħruq minn [radjazzjoni ultravjola B] li jikkaġunaw ħruq tax-​xemx f’inqas minn siegħa.” Saħansitra fix-​xitwa u f’jiem imsaħħbin, ikun hemm kwantità kbira taʼ radjazzjoni ultravjola. Dr. Parsons jinnota li ġeneralment, “iktar ma jkun bnazzi akbar ikun ir-​riskju.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja