Ħames Modi Biex Ittejjeb Il-kwalità Taʼ Ħajtek
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FIR-REPUBBLIKA AFRIKANA ĊENTRALI
INFLAZZJONI, mard, malnutriment, faqar—dawn il-problemi huma mifruxin ħafna f’pajjiżi li qed jiżviluppaw. U ma jidher li hemm ebda soluzzjoni immedjata, għallinqas mill-punto di vista tal-bniedem. Jekk tgħix f’pajjiż li għadu qed jiżviluppa, hemm xi ħaġa li tistaʼ tagħmel biex ittejjeb il-kwalità taʼ ħajtek? Iva, hemm! Dawn huma ħames suġġerimenti li tistaʼ ssibhom t’għajnuna u prattiċi.
L-Ewwel: Ħawwel Ġnien
“Min jaħdem ir-rabaʼ tiegħu jiekol bix-xabaʼ,” tgħid il-Bibbja fi Proverbji 28:19. Tabilħaqq, għandek mnejn tibqaʼ skantat meta tara kemm tistaʼ tipproduċi daqsxejn taʼ biċċa art żgħira. L-awtur Henk Waayenberg, fil-ktieb tiegħu Le jardin potager sous les tropiques (Il-Ġnien tal-Ħaxix fit-Tropiki), jgħid li biċċa art li fiha minn 50 sa 100 metru kwadru tistaʼ tipproduċi ħxejjex biżżejjed biex titmaʼ familja taʼ sitta min-nies!
Għala tonfoq ir-riżorsi tiegħek fuq affarijiet li tistaʼ tkabbarhom int stess? Skond il-ħamrija u l-klima, jistaʼ jkun possibbli li tkabbar ħxejjex bħal okra, bżar aħmar, spinaċi, tursin, lemongrass (Cymbopogon citratus), basal aħdar, kassava, qaraʼ aħmar, patata ħelwa, kannamiela, tadam, ħjar, u qamħirrun eżatt ħdejn id-dar tiegħek. Almenu, ġnien bħal dan jistaʼ jgħin biex ikollok iktar x’titmaʼ lill-familja tiegħek, u saħansitra jistaʼ jibqagħlek xi prodotti żejda li tkun tistaʼ tbigħhom.
Jekk għandek biżżejjed art, għandek mnejn tikkunsidra wkoll li tħawwel varjetà taʼ siġar tal-frott. F’xi każi, siġra tal-frott waħda tistaʼ tipproduċi iktar frott milli tistgħu tieklu int u l-familja tiegħek. Li titgħallem dwar il-kómpost—il-proċess tar-riċiklaġġ taʼ materja organika mejta biex tintuża bħala fertilizzant—se jgħinek ittejjeb il-produzzjoni taʼ l-ikel tiegħek. Is-siġar jistgħu jagħmlu iktar milli sempliċement jipproduċulek ikel u iżjed dħul taʼ flus għall-familja tiegħek. Siġar li jkunu mqassmin tajjeb jistgħu wkoll jagħmlu d-dell, inaddfu l-arja, u jagħmlu l-ambjent tiegħek isbaħ u iktar pjaċevoli.
Iżda, xi ngħidu jekk ma tantx taf dwar il-ġardinaġġ? Għandek xi ħbieb, ġirien, jew xi ħadd li taf li għandu esperjenza f’dan ir-rigward? Mela, għax ma titlobhomx l-għajnuna jew xi parir? Forsi tkun tistaʼ tixtri jew tissellef xi kotba dwar il-ġardinaġġ.—Ara l-artiklu “Why Not Grow A Vegetable Garden?” fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Mejju, 1974.
It-Tieni: Ixtri bi Kwantitajiet Kbar
Tixtri int l-oġġetti bażiċi bħal dqiq, ross, u żejt bi kwantitajiet żgħar? Jekk inhu hekk, għandek mnejn qed taħli parti kbira mill-baġit tiegħek. Minflok, jekk inhu possibbli, ipprova ixtri oġġetti taʼ l-ikel bħal dawn bi kwantitajiet kbar, billi tixtruhom bejn tnejn, tlieta, jew iktar familji. Ukoll, li tixtri bi kwantitajiet kbar jistaʼ jiffrankalek il-flus meta ċertu frott jew ħxejjex ikunu fl-istaġun tagħhom. F’xi każi, saħansitra tkun tistaʼ tixtri affarijiet bl-ingrossa.
It-Tielet: Tgħallem l-Arti taʼ li Tippreserva l-Ikel
Li tixtri bi kwantitajiet kbar iqajjem il-mistoqsija taʼ kif taħżen oġġetti li jistgħu jitħassru. It-tqaddid u t-tnixxif taʼ l-ikel huwa mod wieħed li hu popolari u prattiku. Numru kbir taʼ nisa fl-Afrika jaqilgħu l-għajxien billi jnixxfu frott, okra, fażola, ħxejjex u frott bil-qoxra ħoxna, żerriegħa tal-qargħa ħamra, u ħxejjex aromatiċi. It-tnixxif ma jirrikjedix xi tagħmir speċjali. L-oġġett jistaʼ jitpoġġa fuq xi ħaġa nadifa jew jiġi mdendel, u forsi jiġi mgħotti b’xi biċċa drapp irqiqa minħabba d-dubbien. L-arja u x-xemx jagħmlu l-kumplament.—Ara l-artiklu “Can You Get By for Less?” fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-8 t’Awissu, 1975.
Ir-Rabaʼ: Ipprova Rabbi Ftit Annimali
Huwa possibbli li trabbi xi tiġieġ, mogħoż, ħamiem, jew xi annimali oħrajn għalik stess? F’ħafna postijiet il-laħam sar lussu. Imma bi ftit għajnuna minn oħrajn, tistaʼ titgħallem kif trabbi merħla żgħira t’annimali. Tħobb tieklu l-ħut? Sewwa, tistaʼ tipprova titgħallem kif tagħmel vaska żgħira tal-ħut. Il-laħam, il-bajd, u l-ħut fihom il-ħadid, il-kalċju, il-vitamini, il-minerali, u l-proteini—vitali għas-saħħa tal-familja tiegħek.
Il-Ħames: Żomm Iġjène Xierqa
L-iġjène wkoll hija importanti għas-saħħa tal-familja tiegħek. Kundizzjonijiet fejn hemm il-ħmieġ jattiraw il-ġrieden, id-dubbien, u l-kokroċ—il-kaġun taʼ kull tip taʼ mard. Li żżomm iġjène xierqa se jiswielek żmien u sforz. Imma l-indafa tiswa inqas mill-mediċina u l-kontijiet tat-tabib. Il-livelli taʼ l-indafa jistgħu jvarjaw xi ftit minn persuna għal oħra u minn pajjiż għal ieħor. Madankollu, hemm xi ftit prinċipji ġenerali li japplikaw għal kulħadd.
Per eżempju, ikkunsidra l-faċilitajiet tat-tojlit. Spiss fil-kampanja dawn jitħallew maħmuġin u żdingati u huma sors ewlieni taʼ kull xorta taʼ mard. Ħaddiema fid-dipartiment lokali tas-saħħa għandhom mnejn ikunu jistgħu jipprovdulek istruzzjonijiet taʼ kif tibni latrina jew tojlit li jiswew ftit flus skond l-iġjène barra mid-dar.
Xi ngħidu għad-dar tiegħek stess? Hija pulita u fl-ordni? Għandha riħa taʼ ndafa? Xi ngħidu għall-kċina tiegħek? Hija nadifa u kollox f’postu? L-ikel irid ikun nadif u msajjar sew biex ikun tajjeb għas-saħħa. Fl-ilma mniġġes ikun hemm kwantità kbira taʼ mikrobi u parassiti. Mela l-ilma għaddih mill-filter jew għallih qabel tużah. Laħlaħ l-għodda taʼ l-ikel fil-misħun jagħli, u aħsel idejk sew qabel ma tmiss l-ikel. Aħżen l-ilma f’reċipjenti nodfa u ssiġillati.
Klieb, qtates, tiġieġ, u mogħoż m’għandhomx jitħallew jiġġerrew ġol-kċina—mhux jekk trid iżżomm kundizzjonijiet sanitarji. Lanqas ġrieden kbar u taʼ l-imramma m’għandhom jitħallew jgħaddu minn fuq il-borom u t-taġnijiet u jikkontaminawlek l-ikel. Daqsxejn taʼ nassa tal-ġrieden tistaʼ telimina l-problema.—Ara “Meeting the Challenge of Cleanliness,” fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Settembru, 1988.
Fl-aħħar mill-aħħar, is-Saltna t’Alla biss se ssolvi kompletament il-problemi kollha taʼ l-umanità. (Mattew 6:9, 10) Sadanittant, iżda, dawn is-suġġerimenti sempliċi jistgħu jgħinuk biex ittejjeb il-kwalità taʼ ħajtek.
[Stampi fʼpaġna 18]
Ħawwel ġnien
[Stampi fʼpaġna 19]
Ixtri bi kwantitajiet kbar
[Stampi fʼpaġna 19]
Tgħallem l-arti taʼ li tippreserva l-ikel
[Stampi fʼpaġna 20]
Ipprova rabbi ftit annimali
[Stampi fʼpaġna 20]
Żomm l-iġjène xierqa