Bijografija
Jehovah Għallimna s-Sabar u l-Perseveranza
KIF RAKKONTATA MINN ARISTOTELIS APOSTOLIDIS
Fl-għoljiet tat-tramuntana tal-Muntanji Kawkasu tinsab Pyatigorsk, belt Russa magħrufa għan-nixxigħat minerali u t-temp sabiħ li għandha. Hawn jien twelidt lil koppja refuġjati Griegi fl-1929. Għaxar snin wara, meta għaddejna mill-esperjenza kerha taʼ terrur u tindif etniku minħabba li Stalin ried jeħles mill-barranin, erġajna sirna refuġjati, peress li ġejna sforzati biex immorru l-Greċja.
WARA li morna f’Piraiévs, il-Greċja, il-kelma “refuġjati” ħadet tifsira kompletament ġdida għalina. Konna nħossuna qisna stranġieri għalkollox. Għalkemm jien u ħija kellna ismijiet taʼ żewġ filosfi Griegi famużi, Sokrate u Aristotele, rari konna nisimgħu lil ħaddieħor juża dawk l-ismijiet. Kulħadd kien isejħilna r-Russi ż-żgħar.
Ftit wara li faqqgħet it-Tieni Gwerra Dinjija, l-għażiża ommi mietet. Kienet iċ-ċentru tal-familja, u t-telfa tagħha kissritna. Peress li għamlet xi żmien ma tiflaħx, kienet għallmitni kif nagħmel ħafna mill-faċendi tad-dar. Dan it-taħriġ swieli ħafna iktar tard f’ħajti.
Il-Gwerra u l-Ħelsien
Il-gwerra, il-ħakma tan-Nazi, u l-bumbardamenti bla waqfien tal-forzi Alleati għamlu kull jum qisu l-aħħar wieħed. Kien hemm wisq faqar, ġuħ, u mwiet. Minn meta kelli 11-il sena, kelli naħdem iebes flimkien maʼ missieri għall-għajxien tagħna t-tlieta. L-edukazzjoni sekulari tiegħi kienet mimlija b’ostakli minħabba l-għarfien limitat li kelli dwar il-lingwa Griega, kif ukoll minħabba l-gwerra u l-effetti li ħalliet warajha.
Il-Ġermanja damet tokkupa l-Greċja s’Ottubru taʼ l-1944. Ftit wara dan, ġejt f’kuntatt max-Xhieda taʼ Jehovah. F’nofs in-niket u l-miżerja taʼ dak iż-żmien, it-tama tal-Bibbja taʼ futur mill-isbaħ taħt is-Saltna t’Alla messitli qalbi. (Salm 37:29) Il-wegħda t’Alla taʼ ħajja bla tmiem f’kundizzjonijiet taʼ paċi hawn fuq l-art kienet ingwent effettiv għall-feriti tiegħi. (Isaija 9:6 [9:7, NW]) Fl-1946, jien u missieri tgħammidna, bħala simbolu tad-dedikazzjoni tagħna lil Jehovah.
Is-sena taʼ wara, b’ferħ irċivejt l-ewwel inkarigu tiegħi taʼ li nieħu ħsieb ix-xandir (iktar tard imsejjaħ dak inkarigat mir-rivisti) fit-tieni kongregazzjoni li ġiet ifformata f’Piraiévs. It-territorju tagħna kien mifrux minn Piraiévs sa Eleusis, distanza taʼ xi 50 kilometru. Dak iż-żmien, kien hemm ħafna Kristjani midlukin bl-ispirtu li kienu jaqdu fil-kongregazzjoni. Kelli l-privileġġ li naħdem magħhom u nitgħallem minnhom. Ħadt pjaċir bis-sħubija tagħhom għax kellhom ammont li ma jispiċċa qatt t’esperjenzi x’jirrakkontaw dwar l-isforz iebes meħtieġ sabiex jitwettaq l-ippridkar. Mill-mod taʼ ħajja tagħhom, stajt nara biċ-ċar li biex naqdi lil Jehovah lealment, hemm bżonn taʼ ħafna paċenzja u perseveranza. (Atti 14:22) Kemm jien ferħan li llum hawn iktar minn 50 kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah f’dawn l-inħawi!
Sfida Mhux Mistennija
Xi ftit taż-żmien wara, sirt naf lil Eleni, Kristjana żagħżugħa, ħelwa, u żeluża, mill-belt taʼ Patras. Tgħarrasna sa l-aħħar taʼ l-1952. Madankollu, wara ftit xhur, Eleni mardet serjament. It-tobba sabu li kellha tumur f’moħħha, u l-qagħda tagħha kienet kritika. Kellha tiġi operata mill-iktar fis possibbli. Wara ħafna sforzi, irnexxielna nsibu tabib f’Ateni li—minkejja li l-mezzi disponibbli f’dak iż-żmien ma kinux tajbin biżżejjed—kien lest li jimxi mat-twemmin reliġjuż tagħna u jagħmel l-operazzjoni mingħajr l-użu tad-demm. (Levitiku 17:10-14; Atti 15:28, 29) Wara l-operazzjoni, it-tobba, għalkemm kienu ottimisti dwar il-futur taʼ l-għarusa tiegħi, qatt ma warrbu l-possibbiltà li tistaʼ terġaʼ tmur għall-agħar.
X’kelli nagħmel f’sitwazzjoni bħal din? Minħabba li nbidlu ċ-ċirkustanzi, kelli jien intemm l-għerusija u neħles lili nnifsi? Le! Meta tgħarrasna, jien għamilt wegħda, u ridt li l-iva tiegħi tfisser iva. (Mattew 5:37) Lanqas għal mument wieħed ma ħallejt lili nnifsi naħseb mod ieħor. Bl-għajnuna t’oħtha l-kbira, Eleni fieqet ftit, u żżewwiġna f’Diċembru taʼ l-1954.
Tliet snin wara, Eleni reġgħet qalbet għall-agħar, u l-istess tabib kellu jerġaʼ joperaha. Din id-darba kellu jidħol iktar fil-fond tal-moħħ sabiex ineħħi t-tumur għalkollox. Bħala riżultat, dan ħalla lil marti b’parti minnha paralizzata, u l-parti tal-moħħ li tikkontrolla l-kliem ġiet effettwata ħażin. Issa kien hemm numru taʼ sfidi ġodda u komplikati li żdiedu għat-tnejn li aħna. Anki l-eħfef biċċa xogħol saret taʼ ostaklu kbir għall-għażiża marti. Minħabba l-qagħda tagħha li kienet sejra dejjem għall-agħar, kellna bżonn nagħmlu bidliet drastiċi fir-rutina tagħna taʼ kuljum. Fuq kollox, kien hemm bżonn taʼ ħafna sabar u perseveranza.
Issa kien iż-żmien li t-taħriġ li ħadt mingħand ommi swieli ħafna. Kmieni kull fil-għodu, kont nipprepara l-ingredjenti kollha taʼ l-ikliet, u Eleni kienet issajjar. Spiss kien ikollna l-mistidnin, inkluż xi ministri full-time, nies maʼ min konna nistudjaw il-Bibbja, u Kristjani sħabna mill-istess kongregazzjoni li kienu fil-bżonn. Ilkoll kienu jaqblu dwar kemm dawn l-ikliet kienu verament tajbin! Jien u Eleni konna wkoll ngħinu lil xulxin fil-faċendi tad-dar, u b’hekk id-dar tagħna kienet tkun nadifa u pulita. Din is-sitwazzjoni li kienet titlob ħafna attenzjoni u enerġija damet sejra 30 sena.
Żelu Minkejja l-Mard
Il-fatt li xejn ma setaʼ jnaqqas l-imħabba taʼ marti għal Jehovah u ż-żelu tagħha għas-servizz tiegħu kien iqanqal kemm lili kif ukoll lil oħrajn li kienu jinnotawha. Maż-żmien, u bi sforz persistenti, Eleni rnexxielha tesprimi ruħha permezz taʼ vokabolarju limitat ħafna. Kienet l-għaxqa tagħha tmur fuq in-nies fit-triq bl-aħbar tajba mill-Bibbja. Meta kont nagħmel xi vjaġġi tax-xogħol, kont niħodha miegħi u nipparkja l-karozza ħdejn xi bankina minfejn kienu jgħaddu ħafna nies. Kienet tiftaħ it-tieqa tal-karozza u tistieden lil dawk li jgħaddu biex jieħdu kopji tat-Torri taʼ l-Għassa u Stenbaħ! Darba minnhom ħalliet 80 kopja f’sagħtejn. Spiss kienet tuża r-rivisti l-qodma kollha li kienu jkunu disponibbli fil-kongregazzjoni. Eleni kienet regulari wkoll f’forom oħra taʼ l-ippridkar.
Matul is-snin kollha li marti kienet invalida, dejjem ġiet miegħi l-laqgħat. Qatt ma tilfet konvenzjoni jew assemblea waħda, anki meta kien ikollna nivvjaġġaw barra l-pajjiż minħabba l-persekuzzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Greċja. Minkejja l-limitazzjonijiet tagħha, attendiet bil-ferħ konvenzjonijiet fl-Awstrija, fil-Ġermanja, f’Ċipru, u f’pajjiżi oħrajn. Eleni qatt ma gergret jew talbet iktar attenzjoni, anki meta minħabba r-responsabbiltajiet miżjuda tiegħi fis-servizz taʼ Jehovah xi kultant l-affarijiet saru inqas konvenjenti għaliha.
Għalija, din is-sitwazzjoni pprovdiet taħriġ fit-tul dwar kif nistabar u nippersevera. Kemm-il darba esperjenzajt l-għajnuna taʼ Jehovah. Aħwa rġiel u nisa għamlu sagrifiċċji kbar sabiex jgħinuna bi kwalunkwe mod possibbli, u t-tobba tawna appoġġ b’qalb tajba. Matul dawn is-snin diffiċli kollha, qatt ma konna neqsin mill-bżonnijiet tal-ħajja, għalkemm din is-sitwazzjoni, li kienet titlob ħafna minna, għamlitha impossibbli għalija li naħdem xogħol sekulari full-time. L-interessi u s-servizz taʼ Jehovah dejjem tajniehom l-ewwel prijorità.—Mattew 6:33.
Ħafna staqsewna x’kien li għenna matul dawk iż-żminijiet taʼ prova. Hekk kif issa nħares lura, nirrealizza li l-istudju persunali tal-Bibbja, it-talb mill-qalb lil Alla, l-attendenza regulari għal-laqgħat Kristjani, u l-parteċipazzjoni żeluża fix-xogħol taʼ l-ippridkar, saħħewlna s-sabar u l-perseveranza. Konna dejjem niġu mfakkrin fil-kliem inkuraġġanti taʼ Salm 37:3-5: “Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb; . . . qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek . . . Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek, afda fih, u jagħmel hu.” Vers ieħor li kien imprezzabbli għalina kien Salm 55:22 (Karm Żammit): “Qiegħed it-tagħbija tiegħek fuq il-Mulej, u hu jgħinek.” Bħal tifel żgħir b’fiduċja sħiħa f’missieru, aħna mhux biss tfajna t-tagħbija tagħna f’idejn Jehovah iżda wkoll ħallejnihielu f’idejh.—Ġakbu 1:6.
Fit-12 t’April taʼ l-1987, waqt li marti kienet qed tippriedka quddiem id-dar tagħna, bieb tqil tal-ħadid ngħalaq b’sabta warajha, tefagħha fuq il-bankina u spiċċat biex weġġgħet gravi. B’riżultat taʼ dan, damet f’koma għat-tliet snin taʼ wara. Mietet fil-bidu taʼ l-1990.
Naqdi ’l Jehovah bl-Aħjar Mod li Nistaʼ
Lura fl-1960, inħtart bħala qaddej tal-kongregazzjoni f’Nikaia, Piraiévs. Minn dakinhar, kelli l-privileġġ li naqdi f’għadd taʼ kongregazzjonijiet oħra f’Piraiévs. Għalkemm qatt ma kelli tfal tiegħi, kelli l-ferħ li ngħin lil ħafna wlied spiritwali jsiru sodi fil-verità. Xi wħud minnhom issa jaqdu bħala anzjani fil-kongregazzjoni, qaddejja ministerjali, pijunieri, u membri tal-familja taʼ Betel.
Wara li d-demokrazija ġiet stabbilita mill-ġdid fil-Greċja fl-1975, ix-Xhieda taʼ Jehovah setgħu jagħmlu l-konvenzjonijiet fil-libertà, u għalhekk ma kellhomx iktar għalfejn jinħbew fil-foresti. L-esperjenza li xi wħud minna konna ksibna meta organizzajna l-konvenzjonijiet barra l-pajjiż issa saret imprezzabbli. Għalhekk, kelli l-ferħ u l-privileġġ li naqdi f’diversi kumitati tal-konvenzjoni għal bosta snin.
Imbagħad, fl-1979, saru pjanijiet biex tinbena l-ewwel Sala taʼ l-Assembleat fil-Greċja, fit-truf t’Ateni. Ġejt inkarigat biex norganizza u ntemm dan il-proġett enormi taʼ kostruzzjoni. Dan l-inkarigu wkoll kien jeħtieġ ħafna sabar u perseveranza. Il-ħidma għal tliet snin maʼ mijiet taʼ aħwa rġiel u nisa li kienu lesti jissagrifikaw lilhom infushom ħolqot għaqda qawwija taʼ mħabba u unità bejnietna. Il-memorji taʼ dan il-proġett jinsabu minquxin sew f’qalbi u żgur li ma ninsiehom qatt.
Nissodisfaw il-Bżonnijiet Spiritwali tal-Ħabsin
Ftit tas-snin wara, infetaħ bieb għal opportunità ġdida. Ħdejn it-territorju tal-kongregazzjoni tiegħi, f’Korydallos, hemm wieħed mill-akbar ħabsijiet fil-Greċja. Minn April taʼ l-1991, inħtart biex inżur dan il-ħabs kull ġimgħa bħala ministru tax-Xhieda taʼ Jehovah. Hemmhekk għandi l-permess li nikkonduċi studji tal-Bibbja u laqgħat Kristjani mal-ħabsin li huma interessati. Ħafna minnhom għamlu bidliet kbar, u b’hekk taw prova tal-qawwa immensa li għandha l-Kelma t’Alla. (Lhud 4:12) Dan impressjona kemm lil dawk li jaħdmu fil-ħabs kif ukoll lil xi ħabsin oħra. Xi wħud mill-ħabsin li studjajt il-Bibbja magħhom inħelsu u issa huma pubblikaturi taʼ l-aħbar tajba.
Għal xi żmien studjajt maʼ tliet traffikanti tad-droga magħrufin. Hekk kif għamlu progress spiritwali, ġew għall-istudju tal-Bibbja bil-leħja mqaxxra, b’xagħarhom mimxut pulit, lebsin qmis u ingravata f’nofs Awissu—xahar li fih is-sħana tkun fl-eqqel tagħha fil-Greċja! Id-direttur tal-ħabs, il-kap gwardjan, u xi impjegati ħarġu jiġru mill-uffiċċji tagħhom biex jaraw dan il-fenomenu. Ma setgħux jemmnu dak li bdew jaraw b’għajnejhom!
Esperjenza inkuraġġanti oħra seħħet fin-naħa tal-ħabs fejn hemm il-blokk tan-nisa. Inbeda studju tal-Bibbja maʼ mara li kienet qed tqattaʼ sentenza taʼ ħabs għal għomorha minħabba qtil. Kienet magħrufa għall-aġir ribelluż tagħha. Madankollu, il-verità tal-Bibbja li bdiet titgħallem tant ġabet fiha bidliet notevoli li ħafna kkummentaw dwarha li kienet qisha ljun li sar ħaruf! (Isaija 11:6, 7) Malajr kisbet ir-rispett u l-fiduċja tad-direttur tal-ħabs. Ħadt pjaċir naraha tagħmel progress spiritwali mill-aħjar u tasal sal-punt li tiddedika ħajjitha lil Jehovah.
Ngħinu lill-Morda u lix-Xjuħ
Il-fatt li rajt lil marti tissielet fit-tul kontra l-mard għamilni iktar konxju tal-bżonnijiet tal-morda u l-anzjani fostna. Kulmeta l-pubblikazzjonijiet tagħna jkun fihom artikli li jħeġġuna biex nirsistu u nagħtu għajnuna b’imħabba lil individwi bħal dawn, l-interess tiegħi kien jitqanqal. Artikli bħal dawn kont ngħożżhom u nġemmagħhom. Wara li għaddew xi ftit tas-snin, kont ġemmajt folder taʼ iktar minn mitt paġna li kien jibda bl-artiklu “Consideration for Older Persons and Afflicted Ones” (Konsiderazzjoni Lejn Persuni Anzjani u Wħud Morda), fil-ħarġa taʼ The Watchtower tal-15 taʼ Lulju, 1962. Ħafna minn dawn l-artikli wrew li kien taʼ vantaġġ għal kull kongregazzjoni li tipprovdi għajnuna organizzata għall-morda u l-anzjani.—1 Ġwann 3:17, 18.
L-anzjani organizzaw grupp t’aħwa rġiel u nisa li għamlu lilhom infushom disponibbli biex jieħdu ħsieb il-bżonnijiet tal-morda u x-xjuħ fil-kongregazzjoni tagħna. Qassamna l-volontieri fi gruppi differenti—bħal per eżempju dawk li setgħu jgħinu matul il-jum, oħrajn li setgħu jgħinu bil-lejl, dawk li setgħu jipprovdu t-trasport, u dawk li kienu disponibbli fuq bażi t’24 siegħa. Dawn taʼ l-aħħar kienu jifformaw speċi taʼ skwadra għall-emerġenza.
Ir-riżultati li ġew minn sforzi bħal dawn kienu inkuraġġanti. Per eżempju, oħt marida li kienet tgħix waħedha nstabet mitlufa minn sensiha maʼ l-art waqt waħda miż-żjajjar taʼ kuljum li kienu jsirulha. Avżajna lil waħda oħt li kienet toqgħod viċin u li kellha karozza. Din ħadet lill-oħt sa l-eqreb sptar f’ħin inkredibbli—għaxar minuti biss! It-tobba qalu li dan salvalha ħajjitha.
Il-gratitudni li tintwera lill-membri tal-grupp mill-morda u l-anzjani hija taʼ sodisfazzjon kbir. It-tama tagħna li ngħixu maʼ dawn l-aħwa rġiel u nisa fis-sistema l-ġdida t’Alla f’ċirkustanzi differenti tqawwilna qalbna. U li tkun taf li ġew megħjunin biex jissaportu minħabba l-appoġġ li ngħatalhom matul it-tbatijiet tagħhom huwa premjanti wkoll.
Il-Perseveranza Kienet Premjanti
Issa jien naqdi bħala anzjan f’waħda mill-kongregazzjonijiet taʼ Piraiévs. Minkejja l-età avanzata u l-problemi taʼ saħħa li għandi, ninsab ferħan li għadni nistaʼ nieħu sehem regulari fl-attivitajiet tal-kongregazzjoni.
Tul is-snin, kelli bżonn ammont iktar min-normal taʼ determinazzjoni u perseveranza biex niffaċċja ċirkustanzi taʼ prova, sfidi diffiċli, u ġrajjiet li seħħew bla mistenni. Madankollu, Jehovah dejjem tani s-saħħa li kelli bżonn sabiex negħleb dawn il-problemi. Ħafna drabi, esperjenzajt kemm hu veru l-kliem tas-salmista: “Biżżejjed ngħid: ‘Qiegħed jiżloq riġli,’ biex tjubitek, Mulej, tweżinni. Meta joktor l-hemm ġo qalbi, il-faraġ tiegħek hennieli ruħi.”—Salm 94:18, 19.
[Stampa f’paġna 25]
Maʼ marti, Eleni, wara t-tieni operazzjoni tagħha, fl-1957
[Stampa f’paġna 26]
Waqt konvenzjoni f’Nuremberg, il-Ġermanja, fl-1969
[Stampa f’paġna 28]
Il-grupp t’aħwa li għenu lill-morda u lix-xjuħ