LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w95 9/1 pp. 19-21
  • Tistaʼ Int Tikkultiva Iktar Dixxerniment?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tistaʼ Int Tikkultiva Iktar Dixxerniment?
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • In-​Nuqqas Taʼ Dixxerniment Taʼ Iżrael
  • Niksbu Dixxerniment Spiritwali
  • Dixxerniment u Dehen
  • Inklina Qalbek Lejn id-Dixxerniment
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • Ħalli d-Dixxerniment Jissalvagwardjak
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1997
  • ‘Jehovah Jagħti l-Għerf’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Imitaw il-kuraġġ u d-dixxerniment ta’ Ġesù
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1995
w95 9/1 pp. 19-21

Tistaʼ Int Tikkultiva Iktar Dixxerniment?

ID-​DIXXERNIMENT huwa “l-​qawwa jew fakultà tal-​moħħ li biha jiddistingwi bejn ħaġa u oħra.” Jistaʼ jkun ukoll “reqqa fl-​iġġudikar” jew il-​“qawwa li tagħraf immedjatament differenzi t’affarijiet jew ideat.” Hekk jgħid Webster’s Universal Dictionary. B’mod ċar, id-​dixxerniment huwa kwalità li għandha tkun mixtieqa. Il-​valur tiegħu jidher fil-​kliem taʼ Salamun: “Għax l-​għerf jidħollok f’moħħok, u t-​tagħrif ikun l-​għaxqa taʼ qalbek, . . . il-​fehma t-​tajba [“dixxerniment,” NW] tħarsek, teħilsek minn triq il-​ħażen.”—Proverbji 2:10-12.

Iva, id-​dixxerniment se jgħinna nirreżistu “triq il-​ħażen,” li llum teżisti f’abbundanza. U jġib ħafna iktar benefiċċji. Per eżempju, il-​ġenituri spiss jisimgħu ’l uliedhom jgħidu, ‘Intom ma tifhmunix!’ Bi ftit mistoqsijiet, ġenituri li għandhom id-​dixxerniment jafu x’għandhom jagħmlu biex isiru jafu wliedhom x’inhuma jħossu u x’inhu dak li qiegħed jinkwetahom. (Proverbji 20:5) Raġel li għandu d-​dixxerniment se jagħti widen lil martu u jikseb dehen dwar dak li taħseb u tħoss hi minflok ma jaqbeż għal konklużjonijiet. Il-​mara tagħmel l-​istess maʼ żewġha. B’hekk, “Id-​dar bil-​għerf tinbena u bid-​dehen [dixxerniment] tissaħħaħ.”—Proverbji 24:3.

Id-dixxerniment jgħin lil persuna biex tittratta s-​sitwazzjonijiet b’suċċess. Proverbji 17:27 jgħid: “Min għandu l-​għerf kliemu meqjus, min għandu l-​għaqal [dixxerniment] moħħu kalm.” Persuna li għandha d-​dixxerniment mhix rasha sħuna, tidħol tiġri f’kull sitwazzjoni mingħajr ma taħsibha. Hi tiżen bir-​reqqa x’jistgħu jkunu r-​riżultati qabel ma tikkommetti ruħha. (Luqa 14:28,29) Tgawdi wkoll relazzjonijiet iktar taʼ paċi m’oħrajn minħabba li “fomm prudenti” jwassalha biex tagħżel kliemha b’attenzjoni. (Proverbji 10:19; 12:8, NW) Imma, l-​iktar importanti, persuna li għandha d-​dixxerniment b’umiltà tagħraf il-​limitazzjonijiet tagħha stess u toqgħod fuq Alla iktar milli fuq il-​bniedem għall-​gwida! Dan jogħġob lil Jehovah u huwa raġuni oħra għala għandek tikkultiva d-​dixxerniment.—Proverbji 2:1-9; Ġakbu 4:6.

In-​Nuqqas Taʼ Dixxerniment Taʼ Iżrael

Il-​periklu f’li tonqos li teżerċita d-​dixxerniment jidher minn ġrajja fl-​istorja bikrija taʼ Iżrael. Waqt li rrifletta fuq dak iż-​żmien, is-​salmista qal: “Missirijietna fl-​Eġittu ma għarfux l-​għeġubijiet tiegħek, ma ftakrux fit-​tjieba kbira tiegħek; u ħaduha kontra Alla l-​Għoli ħdejn il-​Baħar tal-​Qasab.”—Salm 106:7.

Meta Mosè mexxa lil Iżrael ’il barra mill-​Eġittu, Jehovah kien diġà wera l-​qawwa u d-​determinazzjoni tiegħu li jeħles lill-​poplu tiegħu billi laqat lil dik il-​qawwa dinjija b’saħħitha b’għaxar kastigi. Wara li Farawni ħalla lill-​Iżraeliti jitilqu, Mosè mexxihom lejn l-​ixtut tal-​Baħar l-​Aħmar. Madankollu, l-​armati taʼ l-​Eġittu mmarċjaw warajhom biex jaqbduhom. Kien jidher bħal li kieku l-​Iżraeliti kienu maqbudin f’nassa u li l-​ħelsien li kienu għadhom kemm kisbu kien għomru qasir. Mela r-​rakkont tal-​Bibbja jgħid: “Ulied Iżrael qabadhom biżaʼ kbir u sejħu lill-​Mulej.” U daru fuq Mosè, jgħidu: “X’għamiltilna, biex ħriġtna mill-​Eġittu? . . . Aħjar naħdmu fl-​Eġittu milli mmutu fid-​deżert!”—Esodu 14:10-12.

Il-biżaʼ tagħhom jistaʼ jidher ġenwin sakemm niftakru li diġà kienu raw għaxar turijiet li jispikkaw tal-​qawwa taʼ Jehovah. Kienu jafu direttament x’kien se jfakkarhom Mosè xi 40 sena wara: “Ħariġna l-​Mulej mill-​Eġittu, b’id qawwija, bi driegħ merfugħ, b’biżaʼ kbir, b’sinjali u b’għeġubijiet.” (Dewteronomju 26:8) Għalhekk, bħalma kiteb is-​salmista, meta l-​Iżraeliti daru kontra t-​tmexxija taʼ Mosè, “ma wrew ebda dehen.” Minkejja dan, Jehovah, kif wegħidhom, laqat lill-​forzi taʼ l-​Eġittu b’disfatta li tbellhek.—Esodu 14:19-31.

Il-fidi tagħna b’mod simili tistaʼ tmajna li kieku kellna niffaċċjaw il-​provi b’dubju jew indeċiżjoni. Id-​dixxerniment se jgħinna nħarsu lejn l-​affarijiet dejjem b’mod mill-​iktar ċar, billi niftakru kemm Jehovah hu iktar b’saħħtu minn kwalunkwe wieħed li jistaʼ jkun qed jopponina. Id-​dixxerniment se jgħinna wkoll inżommu f’moħħna dak li Jehovah diġà għamel għalina. Dan se jgħinna biex qatt ma nneħħu minn quddiem għajnejna l-​fatt li hu l-​Wieħed li “jħares lil ħbiebu kollha.”—Salm 145:18-20.

Niksbu Dixxerniment Spiritwali

Id-​dixxerniment ma jiġix awtomatikament bl-​età. Irid jiġi kkultivat. Is-​Sultan għaref Salamun, li kiseb fama internazzjonali għad-​dixxerniment tiegħu, qal: “Hieni min isib l-​għerf, u l-​bniedem li jikseb id-​dehen [dixxerniment], għax qliegħ l-​għerf jiswa iktar mill-​fidda, u l-​ġid li jġib hu, aħjar mid-​deheb.” (Proverbji 3:13,14) Minn fejn ġieb id-​dixxerniment tiegħu Salamun? Mingħand Jehovah. Meta Jehovah staqsa lil Salamun x’barka ried, Salamun wieġeb: “Agħti, għalhekk, lill-​qaddej tiegħek moħħ ħafif biex jifhem, biex jistaʼ jmexxi l-​poplu tiegħek, u jagħraf it-​tajjeb mill-​ħażin.” (1 Slaten 3:9) Iva, Salamun serraħ fuq Jehovah bħala l-​ajjutant tiegħu. Talab għad-​dixxerniment, u Jehovah tahulu f’ammont mhux tas-​soltu. Ir-​riżultat? “L-​għerf taʼ Salamun kien akbar mill-​għerf tan-​nies tal-​Lvant u mill-​għerf kollu taʼ l-​Eġittu.”—1 Slaten 5:10.

L-esperjenza taʼ Salamun turina fejn għandna mmorru fit-​tfittxija tagħna għad-​dixxerniment. Bħal Salamun, għandna nserrħu fuq Jehovah. Kif? Sewwa, Jehovah ipprovdielna l-​Kelma tiegħu, il-​Bibbja, li tagħtina d-​dehen dwar ħsibijietu. Meta naqraw il-​Bibbja, inkunu qegħdin inħaffru f’barriera prezzjuża t’għarfien li se tipprovdielna l-​ġebel biex nibnu dixxerniment spiritwali. L-​informazzjoni li nakkumulaw mill-​qari tagħna tal-​Bibbja għandna nimmeditaw fuqha. Imbagħad, tistaʼ tintuża biex nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Maż-​żmien, il-​fakultajiet t’osservar tagħna jiġu żviluppati tant li nsiru ‘rġiel magħmula fi ħsibijietna,’ kapaċi ‘nagħżlu bejn it-​tajjeb u l-​ħażin.’—1 Korintin 14:20; Lhud 5:14; qabbel 1 Korintin 2:10.

B’mod interessanti, għadna nistgħu nibbenefikaw mid-​dixxerniment li Jehovah ta lil Salamun. Kif? Salamun sar jinqalaʼ biex jesprimi l-​għerf fil-​forma taʼ proverbji, li kienu, fil-​fatt, kontenituri t’għerf ispirat b’mod divin impoġġi fil-​qosor. Ħafna minn dawn il-​qwiel huma ppriservati fil-​ktieb Bibliku taʼ Proverbji. Li nistudjaw dak il-​ktieb se jgħinna nibbenefikaw mid-​dixxerniment taʼ Salamun u wkoll biex niżviluppaw id-​dixxerniment aħna nfusna.

Biex jgħinuna fl-​istudju tagħna tal-​Bibbja, nistgħu nużaw għajnuniet għall-​istudju tal-​Bibbja, bħalma huma r-​rivisti Torri Taʼ L-​Għassa u Awake! Għal iktar minn 116-il sena The Watchtower ilu jħabbar is-​Saltna t’Alla lil uħud taʼ qalb onesta. Ir-​rivista Awake! u dawk li kien hemm qabilha ilhom jikkummentaw dwar il-​kundizzjonijiet dinjin mill-​1919. Dawn iż-​żewġ rivisti jeżaminaw veritajiet mill-​Bibbja u jipprovdu tidwil spiritwali progressiv li jgħinna nagħrfu l-​iżbalji, kemm jekk huma mgħallmin mill-​Kristjaneżmu u kemm jekk huma misjubin fil-​mudelli taʼ ħsieb tagħna.—Proverbji 4:18.

Għajnuna oħra biex niżviluppaw id-​dixxerniment hija sħubija tajba. Wieħed mill-​proverbji tas-​Sultan Salamun jgħid: “Min jagħmilha maʼ l-​għaref, isir għaref, min imur mal-​boloh, jaqaʼ fil-​hemm.” (Proverbji 13:20) Hija ħasra li iben Salamun Reħoboam ma ftakarx dan il-​proverbju f’punt importanti f’ħajtu. Wara l-​mewt taʼ missieru, l-​għaxar tribujiet tat-​Tramuntana taʼ Iżrael ġew jitolbuh biex iħaffilhom il-​piżijiet tagħhom. L-​ewwel, Reħoboam ikkonsulta maʼ l-​irġiel ixjeħ, u dawn urew dixxerniment meta inkuraġġewh biex jagħti kas tas-​sudditi tiegħu. Imbagħad, mar għand l-​irġiel iżgħar. Dawn urew inesperjenza u nuqqas taʼ dixxerniment, billi inkuraġġew lil Reħoboam biex iwieġeb lill-​Iżraeliti bit-​theddid. Reħoboam ta kas taʼ l-​irġiel iżgħar. Ir-​riżultat? Iżrael irribella, u Reħoboam tilef parti kbira mis-​saltna tiegħu.—1 Slaten 12:1-17.

Parti vitali biex niżviluppaw id-​dixxerniment hija li nfittxu l-​għajnuna taʼ l-​ispirtu qaddis. Waqt li rrifletta dwar kif Jehovah ittratta maʼ l-​Iżraeliti wara l-​ħelsien tagħhom mill-​jasar fl-​Eġittu, il-​kittieb tal-​Bibbja Neħemija qal: “Biex jgħallimhom [“tagħmilhom prudenti,” NW] tajthom l-​ispirtu tajjeb tiegħek.” (Neħemija 9:20) L-​ispirtu taʼ Jehovah jistaʼ jgħinna wkoll biex jagħmilna prudenti. Waqt li titlob biex l-​ispirtu taʼ Jehovah jagħtik id-​dixxerniment, itlob bil-​fiduċja għax Jehovah “jagħti lil kulħadd b’id miftuħa u bla ma jċanfar ’il ħadd.”—Ġakbu 1:5; Mattew 7:7-11; 21:22.

Dixxerniment u Dehen

L-​appostlu Pawlu wera dixxerniment meta ppriedka l-​verità lill-​popli tal-​ġnus. Darba, per eżempju, waqt li kien f’Ateni, kien ‘għaddej u josserva bir-​reqqa’ (NW) l-​oġġetti taʼ qima tagħhom. Pawlu kien imdawwar bl-​idoli, u l-​ispirtu tiegħu sar irritat ġo fih. Issa kellu deċiżjoni x’jieħu. Kellu hu jfittex korsa mingħajr periklu u jibqaʼ kwiet? Jew kellu jitkellem bla tlaqliq dwar l-​idolatrija kotrana li tant irritatu, għalkemm li jagħmel dan setaʼ jkun perikoluż?

Pawlu aġixxa bid-​dixxerniment. Hu kien lemaħ artal bl-​iskrizzjoni: “Lil Alla Mhux Magħruf.” Bit-​tattika, Pawlu rrikonoxxa d-​devozzjoni tagħhom lejn l-​idoli u mbagħad uża dak l-​artal bħala mezz biex jintroduċi s-​suġġett taʼ dak “Alla, li għamel id-​dinja u kull ma fiha.” Iva, Jehovah kien dak Alla li ma kinux jafu dwaru! Pawlu b’hekk osserva kemm kienu sensittivi fuq dak is-​suġġett u kien kapaċi jagħti xiehda meraviljuża. B’liema riżultat? Numru taʼ nies ħaddnu l-​verità, inkluż “Dijonisju l-​Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom.” (Atti 17:16-34) X’eżempju taʼ dixxerniment kien Pawlu!

Bla dubju, id-​dixxerniment ma jinkisibx faċilment jew b’mod naturali. Imma bil-​paċenzja, bit-​talb, sforz ħerqan, sħubija għaqlija, studju tal-​Bibbja u meditazzjoni dwarha, u billi sserraħ fuq l-​ispirtu qaddis taʼ Jehovah, int ukoll tistaʼ tikkultivah.

(w95 9/1)

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja