Il-Biżaʼ mill-Mejtin Huwa Mifrux maʼ Kullimkien
Ix-xemx ilha mhux ħażin li niżlet. Int qiegħed tirritorna d-dar xi ftit iktar tard milli tixtieq. Hekk kif tibda miexi minn quddiem iċ-ċimiterju lokali, qalbek tibda tħabbat iktar bl-għaġla. Il-kwiet tal-lejl mudlam jġiegħlek tkun konxju taʼ l-iċken ħoss. F’daqqa waħda tismaʼ fil-bogħod ħoss li jaħsdek taʼ twerżieqa. Tħaffef il-pass—il-polz tiegħek jibda jgħaġġel ukoll—hekk kif terħilha għall-protezzjoni taʼ darek.
INT qatt esperjenzajt sentimenti taʼ anzjetà meta kont f’xi ċimiterju jew qrib tiegħu? Jekk inhu hekk, stajt kont influwenzat minn kunċett reliġjuż li huwa komuni mad-dinja kollha—dak li l-ispirti tal-mejtin jistgħu jgħinu jew jagħmlu ħsara lill-ħajjin.
Ħafna drawwiet superstizzjużi żviluppaw bħala riżultat tat-twemmin li l-mejtin jinħtieġu l-għajnuna tal-ħajjin jew li huma jistgħu jagħmlu ħsara lill-ħajjin jekk ma jiġux imberrdin. F’xi pajjiżi taʼ l-Amerka Latina, per eżempju, ħafna għandhom id-drawwa li jibnu niċċa żgħira b’salib fuqha fejn tkun mietet xi persuna f’inċident. In-nies jixegħlu xemgħat u jpoġġu l-fjuri hemmhekk fi sforz biex juru interess fi jew jgħinu lir-ruħ jew l-ispirtu tal-persuna mejta. F’xi każi, rapporti dwar talb mismugħ “b’mod mirakoluż” jiġu ċċirkolati, sabiex in-nies jibdew jiffrekwentaw il-post taʼ l-animita, in-niċċa żgħira għar-ruħ jew l-ispirtu taʼ l-individwu mejjet. Hemmhekk jagħmlu l-mandas, jew wegħdi, li jekk il-persuna mejta tgħinhom iwettqu jew jirċievu xi ħaġa—forsi fejqan mirakoluż—huma se juru l-gratitudni tagħhom b’mod speċjali. Mill-banda l-oħra, jistaʼ jiġi rrapportat li r-ruħ taʼ persuna qiegħda tidher fid-dlam tal-lejl, billi twerwer lil dawk preżenti. Taʼ spiss jingħad li erwieħ bħal dawn jinsabu penando, qegħdin idejqu lill-ħajjin minħabba ġrajjiet tal-passat.
F’ħafna pajjiżi n-nies jagħmlu sforz kbir biex iberrdu l-“ispirti” tal-mejtin. Jinżammu festi elaborati, jiġu offruti sagrifiċċji, jingħad kliem li jaħji—kollox f’attentat biex jiskansaw ir-retribuzzjoni mingħand l-ispirtu tal-persuna mejta. Illi jikkwitaw lill-ispirtu, huwa maħsub, se jirriżulta fi premjijiet u barkiet għal dawk li fadal ħajjin.
“Ħafna jemmnu li l-ebda ġrajja ma sseħħ ‘b’mod ordinarju jew naturali,’” jgħid rapport wieħed mill-Afrika. “Kull ġrajja—kemm jekk huwa mard, diżastru, infertilità, diffikultà ekonomika, għarar jew nixfa, inċidenti, nuqqas taʼ unità fil-familja, mewt—hija maħsuba li hija kkaġunata minn spirti li ma jidhrux, u li għandhom poteri sovrumani.” Rapport ieħor jgħid: “Xi nies jemmnu li l-ispirti taʼ l-antenati tagħhom jokkupaw post fis-sema u qegħdin il-ħin kollu jgħassu fuq qrabathom ħajjin fuq l-art. Jemmnu li l-antenati għandhom poteri soprannaturali, li jistgħu jużaw biex ibierku u jipproteġu lil qrabathom fuq l-art jew biex jikkastigawhom, jiddependi fuq kemm il-qraba jonoraw jew jittraskuraw lill-mejtin.”
Imma affarijiet bħal dawn huma f’armonija mal-Kelma t’Alla? X’inhija l-opinjoni tiegħek? (w94 10/15)