LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w94 9/1 pp. 5-7
  • Il-Ftuħ taʼ l-Għajnejn għall-Aħbar Tajba

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ftuħ taʼ l-Għajnejn għall-Aħbar Tajba
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Negħlbu L-​Għama Spiritwali
  • L-​Uniku Fejqan Permanenti—Is-​Saltna t’Alla
  • Hena Fid-​Dinja Ġdida T’Alla
  • Għin lil dawk għomja jitgħallmu dwar Ġeħova
    Il-Ministeru tas-Saltna—2015
  • Liema Tama għall-Għomja?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
  • Il-ħajja mingħajr il-vista
    Stenbaħ!—2015
  • Il-Fariżej jiffaċċjaw lir-raġel li kien agħma
    Ġesù—It-triq, il-verità, u l-ħajja
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1994
w94 9/1 pp. 5-7

Il-Ftuħ taʼ l-Għajnejn għall-Aħbar Tajba

“IS-​SEMA mhux inqas kaħli minħabba li l-​agħma ma jarahx,” jgħid proverbju Daniż. Imma fil-​ħajjiet taʼ kuljum tagħna fejn ikollna tant x’nagħmlu, nagħtu kas aħna jekk is-​sema hux kaħli jew le? Inħarsu lejn il-​futur b’fiduċja? Nemmnu tassew l-​aħbar tajba li l-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja, tippreżenta?

Fl-artiklu taʼ qabel, ikkunsidrajna aspetti taʼ għama litterali. Ħalli issa neżaminaw tip taʼ viżjoni li hi ħafna iktar importanti. Din tinvolvi l-​hena dejjiema tagħna kif ukoll il-​prospetti għall-​maħbubin tagħna.

Bla dubju, aħna niffaċċjaw “żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom.” (2 Timotew 3:1) X’jiġri waqt li n-​nies jitħabtu biex jaqilgħu l-​għixien, iġarrbu diffikultajiet f’saħħithom u problemi fil-​familja, u jkampaw maʼ inġustizzji soċjali u nuqqas taʼ mħabba? B’dispjaċir, ħafna jsibu li l-​fiduċja tagħhom fi bnedmin sħabhom, fir-​reliġjon, u fil-​gvernijiet tonqos. Billi jħossu li m’hemm ebda soluzzjoni, xi wħud jikkonkludu li l-​problemi tagħhom qatt ma se jiġu solvuti b’mod normali. Fil-​gazzetta Brażiljana Jornal da Tarde, Jacob Pinheiro Goldberg josserva: “In-​nies, quddiem realtà brutali, iħossuhom tant urtati minn żbalji li huma ma jirraġunawx loġikament, u jserrħu fuq mistiċiżmu li ma jissodisfax.” Madankollu, saħansitra meta l-​affarijiet imorru ħażin, irridu naħsbu b’mod tajjeb, hux hekk?

Immaġina għal mument li għandek bżonn dar għall-​familja tiegħek, u li l-​flus m’humiex problema. Forsi tfittex u żżur diversi djar f’lokalitajiet differenti. Għalkemm sensara mill-​aġenziji jipprovaw jaqtgħulek xewqtek, id-​dar li għandek f’moħħok ma tinstabx. Madankollu, ladarba l-​kuntentizza u saħħet il-​familja tiegħek huma involuti, ma taqtax qalbek, veru? Issa immaġina l-​hena meta sa fl-​aħħar issib id-​dar tal-​ħolm tiegħek.

Sewwa sew bħalma tqattaʼ ħinek tfittex dar ġdida, għax ma teżaminax il-​Bibbja biex issib soluzzjoni għall-​problemi tiegħek? Sewwa sew bħalma rridu niżnu l-​fatti meta nieħdu deċiżjonijiet dwar xi dar, hekk ukoll jeħtieġ nirraġunaw bis-​serjetà dwar dak li naqraw fil-​Kelma t’Alla. U saħansitra iktar taʼ benefiċċju milli nsibu dar huwa li naraw u li naċċettaw il-​verità dwar Alla Jehovah u Ġesù Kristu. Ġesù qal: “Dan ifisser il-​ħajja taʼ dejjem, li jieħdu għarfien dwarek, l-​uniku Alla veru, u dwar il-​wieħed li inti bgħatt, Ġesù Kristu.”—Ġwann 17:3.

Imma jekk il-​messaġġ tal-​Bibbja huwa tant prezzjuż, għala tant nies jibqgħu għomja għall-​aħbar tajba tagħha? Raġuni minnhom hi, u din tistaʼ tissorprendi lil ħafna, “[i]d-dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​wieħed mill-​agħar.” (1 Ġwann 5:19) Bħala riżultat, Satana x-​Xitan “għema l-​imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux, biex id-​dawl taʼ l-​aħbar tajba glorjuża dwar il-​Kristu, li hu x-​xbiha t’Alla, jistaʼ ma jiddix.” (2 Korintin 4:4) Għalkemm aħna naraw b’għajnejna, huwa l-​moħħ li jinterpreta d-​dawl li dieħel mill-​għajn. Għalhekk, li tkun agħma huwa ddefinit ukoll bħala li tkun “mhux kapaċi jew ma tridx tifhem jew tiġġudika.” Dan ifakkarna f’qawl popolari: “Ħadd m’hu agħma daqs dawk li ma jridux jaraw.”

Wieħed agħma ma jistax jara x’hemm quddiemu, u għalhekk jistaʼ jkun f’periklu li jweġġaʼ. L-​għama litterali taʼ ħafna ma jistax jiġi rranġat issa, iżda ħadd m’hu obbligat li jibqaʼ agħma spiritwalment.

Negħlbu L-​Għama Spiritwali

Bħalma kundizzjonijiet sanitarji batuti jistgħu jdgħajfu l-​vista, ambjent degradanti jistaʼ jikkontribwixxi għal għama morali. Iktar minn hekk, Ġesù Kristu wissa kontra duttrini u tradizzjonijiet magħmulin mill-​bnedmin. Hu għamilha ċara li mexxejja reliġjużi dak iż-​żmien kienu qegħdin jiżżvijaw lill-​merħla tagħhom: “Gwidi għomja huwa dak li huma. Jekk, allura, raġel agħma jiggwida lil raġel agħma, it-​tnejn se jaqgħu ġo ħofra.”—Mattew 15:14.

Minflok ma jiġu mqarrqin minn mexxejja għomja, kemm huma henjin dawk li jiftħu għajnejhom għall-​aħbar tajba dwar is-​Saltna t’Alla! Iddikjara Ġesù: “Għal dan il-​ġudizzju jien ġejt f’din id-​dinja: biex dawk li m’humiex qegħdin jaraw jistgħu jaraw.” (Ġwann 9:39) Kif, iżda, jistgħu wħud għomja spiritwalment isiru jaraw? Sewwa, ħalli nkomplu nagħtu daqqa t’għajn lejn l-​għama litterali.

Provvedimenti varji issa huma għad-​dispożizzjoni taʼ dawk b’vista batuta. Dan mhux minn dejjem kien il-​każ. L-​ebda attentati serji ma kienu magħmulin biex jgħinu lill-​għomja qabel ma Valentin Haüy kien waqqaf skola speċjali għall-​għomja fl-​1784. Iktar tard, Louis Braille ivvinta s-​sistema li ġġib ismu; għamel hekk biex jgħin lil uħud b’vista batuta jaqraw.

Xi ngħidu dwar dawk għomja spiritwalment? Fi snin riċenti sforzi speċjali ġew magħmulin biex tiġi ddikjarata l-​aħbar tajba saħansitra fl-​ibgħad inħawi tad-​dinja. (Mattew 24:14) Ix-​Xhieda taʼ Jehovah huma ferħanin li jwasslu tama kemm għall-​għomja figurattivi kif ukoll fiżiċi.

Mara Brażiljana kitbet: “Irrid ngħid li minkejja d-​defiċjenza fiżika tiegħi, jien nistaʼ nara​—spiritwalment. X’Alla taʼ l-​għaġeb! Aħna henjin li nafu li ‘Jehovah se jiftaħ idu u jissodisfa x-​xewqa taʼ kull ħaġa ħajja.’” (Salm 145:16) U Jorge, li hu agħma fiżikament, jiftakar: “Ħajti tistaʼ sewwa sew tiġi maqsuma f’żewġ partijiet: qabel u wara x-​Xhieda. . . . Permezz tagħhom, bdejt nara d-​dinja b’mod ċar u mdawwal. Ingawdi relazzjoni eċċellenti maʼ kulħadd fil-​kongregazzjoni.” Taʼ għaxqa liema bħala, il-​Bibbja tassigurana li dalwaqt ħadd fid-​dinja ma jkun agħma​—litteralment jew spiritwalment. Dak kif ħa jkun? Kif se jagħti prova li huwa veru mad-​dinja kollha li “Jehovah qiegħed jiftaħ l-​għajnejn taʼ l-​għomja”?—Salm 146:8.

L-​Uniku Fejqan Permanenti—Is-​Saltna t’Alla

Minkejja żjieda fl-​għarfien mediku, għadd taʼ mardiet ikomplu jikkaġunaw l-​għama, l-​uġigħ, u l-​mewt. X’inhu meħtieġ, allura, biex jiġu eliminati l-​malnutriment, il-​kundizzjonijiet sanitarji batuti, u d-​dieqa li jieħdu kemm il-​vista kif ukoll il-​ferħ tal-​ħajja? Il-​fejqan taʼ l-​għomja u oħrajn minn Ġesù kien eżempju fuq skala żgħira għall-​futur. B’hena, it-​tagħlim u x-​xogħol taʼ fejqan tiegħu ffiguraw bil-​quddiem barkiet li għandhom jiġu estiżi għad-​dinja taħt il-​gvern tas-​Saltna t’Alla.

Fejqan fuq skala dinjija huwa qrib.a Dan il-​programm taʼ fejqan divin huwa muri b’mod mill-​isbaħ mill-​appostlu Ġwanni: “[U]rieni xmara taʼ ilma tal-​ħajja, ċar daqs il-​kristall, igelgel ’il barra mit-​tron t’Alla u tal-​Ħaruf ’l isfel f’nofs il-​mogħdija l-​wiesgħa tagħha. U fuq din in-​naħa tax-​xmara u fuq dik in-​naħa kien hemm siġar tal-​ħajja li jipproduċu tnax-il qatgħa taʼ frott, billi jagħtu l-​frott tagħhom kull xahar. U l-​weraq tas-​siġar kienu għall-​fejqan tal-​ġnus.”—Rivelazzjoni 22:1, 2.

Espressjonijiet bħal “ilma tal-​ħajja” u “siġar tal-​ħajja” juru li wara li s-​sistema mill-​agħar preżenti tkun spiċċat, provvedimenti taʼ fejqan tas-​Saltna t’Alla jwasslu bil-​mod il-​mod biex jgħollu l-​bniedem għall-​perfezzjoni. Fil-​fatt, il-​benefiċċji tas-​sagrifiċċju tar-​rahan taʼ Ġesù (li jinkludu l-​maħfra kompleta tad-​dnubiet), flimkien maʼ għarfien dwar Ġesù Kristu u Missieru, se jġibu saħħa perfetta u ħajja taʼ dejjem.—Ġwann 3:16.

Hena Fid-​Dinja Ġdida T’Alla

Ġib quddiem għajnejk, allura, id-​dinja mingħajr kriminalità, tniġġis, jew faqar. Immaġina l-​familja tiegħek qiegħda tgħix fil-​paċi fil-​Ġenna restawrata. (Isaija 32:17, 18) X’għaxqa tkun li tosserva l-​varjetà taʼ kuluri b’moħħ u sensi perfetti!

“Il-​kundizzjoni naturali tal-​bniedem uman hi li jgħix f’ambjent li jinbidel il-​ħin kollu​—taʼ dawl, kulur, forom. Ma jeżistix ambjent monotonu fin-​natura,” jgħid Faber Birren. “Il-​kulur huwa wieħed mill-​pjaċiri naturali taʼ din id-​dinja. Huwa r-​regola tan-​natura, mhux l-​eċċezzjoni, u ħafna mit-​tgawdija tal-​ħajja tiddependi fuqu.”

Kemm hija prezzjuża l-​għotja tal-​vista! X’ferħ ikun hemm meta l-​għajnejn li darba kienu għomja​—litteralment jew spiritwalment—​isiru jaraw!

Iva, fil-​Ġenna restawrata li ġejja, l-​għama u diżabbiltajiet oħrajn qatt iktar m’huma se jikkaġunaw nuqqas taʼ hena! Ħadd m’hu sejjer jiġi żvijat iktar. Ladarba l-​imħabba ġenwina se tirbaħ, kollha se jiddawlu spiritwalment. Dak, u ħafna iktar, jinstab eżatt quddiemna, imma issa stess huwa l-​waqt li ssir approvat mill-​Wieħed li se jwettaq il-​wegħda profetika tiegħu: “F’dak iż-​żmien għajnejn l-​għomja se jinfetħu”!—Isaija 35:5. (w94 8/15)

[Nota taʼ taħt]

a Jekk jogħġbok eżamina l-​evidenza ppreżentata fil-​ktieb Int Tistaʼ Tgħix Għal Dejjem Fil-​Ġenna Fuq L-​Art, kapitlu 18, ippubblikat mill-​Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.

[Stampa f’paġna 7]

F’dak iż-​żmien għajnejn l-​għomja se jinfetħu!

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja