Ferħ Globali
“ĦARES! Il-qaddejja tiegħi stess se jgħajtu bil-ferħ minħabba fil-qagħda tajba tal-qalb.” (Isaija 65:14) Hekk qal Jehovah permezz tal-profeta tiegħu Isaija, u xi twettieq tal-għaġeb il-kliem tiegħu qed ikollu fost ix-Xhieda taʼ Jehovah! Minfejn jiġi l-ferħ taʼ qalb tagħhom? Mill-qima magħquda tagħhom lil Alla Jehovah. Hu “Alla l-ferħan,” u dawk li jqimuh huma “ferħanin f’Jehovah.” (1 Timotew 1:11; Żakkarija 10:7) Din id-devozzjoni ferriħija tgħaqqadhom f’ġens wieħed hekk kif flimkien huma jippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u jgħollu għajta globali taʼ tifħir lil Alla tagħhom.—Rivelazzjoni 7:9, 10.
“Ferh Li Ħadd Ma Jistaʼ Jeħoduli”
Tabilħaqq, li jippubblikaw l-isem u s-Saltna t’Alla huwa sors taʼ ferħ kostanti għax-Xhieda taʼ Jehovah. (Mark 13:10) Huma jwieġbu għall-kliem tas-salmista: “Ftaħar fl-isem qaddis tiegħu. Ħalli l-qalb taʼ dawk li qed ifittxu lil Jehovah tifraħ.”—Salm 105:3.
Spiss, huma jegħlbu ostakli biex jagħmlu dan. Fi Spanja, Isidro ddedika lilu nnifsu lil Jehovah, u hu ried li jitkellem maʼ oħrajn Dwaru. Imma hu jsuq trakk u ma tantx għandu ħin liberu, billi jagħmel vjaġġi twal bil-lejl u jorqod matul il-jum. Isidro ried jagħti xiehda lil sewwieqa oħra tat-trakk, imma kif setaʼ jagħmlu dan?
Hu ffittja fit-trakk tiegħu radju CB (citizens band) li setaʼ juża biex jitkellem mas-sewwieqa l-oħra. Hu malajr skopra frekwenza li ma tantx tintuża, 13, u ddeċieda li japprofitta ruħu minnha. Naturalment, meta hu ssuġġerixxa għall-ewwel darba lil sewwieqa oħra biex jitkellmu dwar il-Bibbja minn fuq ir-radju CB, ir-rispons kien negattiv mhux ħażin. Imma xi wħud semgħu. Il-kelma nxterdet, u iktar u iktar minn dawk is-sewwieqa Spanjoli bdew jiftħu r-radju fuq frekwenza 13. Dan l-aħħar, Isidro sar jaf li tal-inqas wieħed mis-sewwieqa qed jieħu l-passi biex ikompli miexi ’l quddiem fl-istudju tiegħu tal-Bibbja.
Fl-Italja wieħed raġel semaʼ dwar ix-Xhieda taʼ Jehovah permezz taʼ konversazzjoni li kellu fuq xarabank. Martu ltaqgħet magħhom permezz taʼ ħabiba. It-tnejn li huma studjaw il-Bibbja u kienu ħerqanin li jaqsmu maʼ oħrajn dak li kienu tgħallmu. Tant kienu ħerqanin li r-raġel irrifjuta promozzjoni fid-ditta tiegħu u l-mara telqet minn impjieg b’salarju tajjeb biex ikunu jistgħu jqattgħu iktar ħin igħidu lil oħrajn l-aħbar tajba tas-Saltna. Sewa xi ħaġa dan? Iva. Ir-raġel igħid: “Mindu sirna nafu l-verità, marti u jien kellna l-ferħ taʼ li ngħinu 20 persuna jaslu għal għarfien eżatt tal-għan t’Alla. Meta jasal fil-għaxija, u jien niġi lura d-dar wara ġurnata fis-servizz taʼ Jehovah, jien inħossni għajjien, huwa veru. Imma nkun ferħan, u niżżi ħajr lil Jehovah talli tani ferħ li ħadd ma jistaʼ jeħoduli.”
“Sal-Iktar Parti ’l Bogħod tal-Art”
Dawk li qegħdin fil-ġens ferrieħi t’Alla juru żelu simili huma fejn huma, saħansitra fl-“iktar parti ’l bogħod tal-art.” (Atti 1:8) Ftit postijiet huma iktar ’il bogħod mit-Tramuntana taʼ Greenland. Iżda, saħansitra hemmhekk, 200 mil ’il fuq miċ-Ċirku Artiku, hemm il-kongregazzjoni żgħira taʼ Ilulissat, magħmula minn 19-il individwu. Huma jippridkaw l-istess aħbar tajba bħal dik il-koppja Taljana, u ħadu gost ħafna s-sena l-oħra meta raw sebaʼ abitanti taʼ Greenland jiġu mgħammdin b’simbolu tad-dedikazzjoni tagħhom lejn Jehovah.
Ħafna eluf taʼ mili ’l bogħod minn Greenland, fuq il-gżira sub-tropikali taʼ Mauritius fl-Oċejan Indjan, Anjinee għandha l-istess ferħ. L-affarijiet kienu għall-ewwel diffiċli għal Anjinee. Fil-Mauritius, li tattendi l-laqgħat Kristjani u li tippriedka pubblikament dwar Alla m’humiex meqjusin bħala attivitajiet xierqa għal tfajla mhux miżżewġa taʼ oriġini Indjana Indu. Imma Anjinee pperseverat. Issa, disaʼ snin wara li bdiet il-korsa Kristjana tagħha, xi ftit mill-qraba tagħha qegħdin ukoll jistudjaw il-Bibbja.
F’konnessjoni maʼ Anjinee għandu wkoll jissemma Emilio, fuq in-naħa l-oħra tad-dinja fil-Honduras. Emilio semaʼ lil xi ħaddiema sħabu jiddiskutu l-Bibbja waqt ix-xogħol u talab li jiġi inkluż. Hu ma kienx jaf jaqra imma ħa pjaċir jismaʼ meta nqraw xi skritturi tal-Bibbja. Hekk kif il-verità Kristjana ppenetrat f’qalbu Emilio telaq l-istil taʼ ħajja immorali tiegħu u waqaf mix-xorb żejjed. Ix-Xhieda taʼ Jehovah għallmuh jaqra u jikteb, u issa huwa ministru fil-ġens ferrieħi t’Alla.
Eluf taʼ mili lejn il-Majjistral taʼ Honduras, omm Eskimiża fl-Alaska tgħallmet l-istess verità Kristjana. Din is-sinjura għexet f’raħal iżolat ferm, u l-uniku kuntatt tagħha max-Xhieda taʼ Jehovah kien permezz tal-posta. Mela hi studjat bil-posta, staqsiet il-mistoqsijiet tagħha bil-posta, u qiegħda issa taqsam b’mod żeluż dak li taf mal-ġirien tagħha. Eżempji bħal dawn jistgħu jiġu mmoltiplikati kważi indefinittivament. Madwar il-globu kollu, uħud taʼ qalb ġwejda qed jiġu biex ‘jaqdu lil Jehovah bil-ferħ.’—Salm 100:2.
“Għandkom l-Imħabba Bejnietkom”
Ħaġa waħda li tiġbed lil dawn kollha hija l-imħabba li teżisti fil-ġens ferrieħi t’Alla. Qal Ġesù: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba bejnietkom.” (Ġwann 13:36) L-imħabba Kristjana tidher fil-ħajjiet minn jum għal jum taʼ dawn il-Kristjani ġenwini, u speċjalment fi żminijiet taʼ diżastru.
F’pajjiż wieħed Afrikan fejn l-attività tax-Xhieda taʼ Jehovah hi, sfortunatament, ipprojbita, kien hemm nixfa kbira. Għaxart elef nies mietu, u qtajja sħaħ taʼ baqar għebu. Ix-Xhieda kif baqgħu ħajjin? Billi kielu l-għeruq taʼ xi pjanti u sajru frott qares magħruf bħala avocado! Imma t-tbatija tagħhom ġiet imtaffija b’mod drammatiku meta, bil-għajnuna t’Alla, Xhieda f’pajjiżi oħra bla mistenni kisbu l-permess biex jibagħtu 25 tunnellata taʼ provisti taʼ serħan. Tabilħaqq, minkejja l-projbizzjoni, dawn il-provisti ngħataw skorta militari biex tiġi żgurata l-wasla tagħhom qawwijin u sħaħ!
Verament, dawk ix-Xhieda Afrikani ferħu ħafna meta rċevew din il-prova tal-imħabba taʼ ħuthom għalihom hekk kif ġarrbu t-twettieq tal-kliem taʼ Isaija: “Ħares! Id Jehovah ma saritx qasira wisq li ma tistax issalva, lanqas ma widintu saret tqila wisq li ma tistax tismaʼ.”—Isaija 59:1.
Poplu taʼ Paċi
Uħud taʼ qalb ġwejda jinġibdu wkoll lejn il-ġens ferrieħi t’Alla għaliex il-membri tiegħu abbandunaw il-modi taʼ gwerra taʼ din id-dinja u ‘ħadmu sjufhom f’sikek tal-moħriet.’ (Isaija 2:4) F’El Salvador, id-dar taʼ raġel li qabel kien fil-militar kienet mimlija tfakkiriet tal-karriera militari tiegħu. Imma meta beda jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah, hu żviluppa interessi taʼ paċi. Eventwalment hu naddaf daru minn dak kollu li kellu x’jaqsam mal-gwerra u b’mod żeluż ħa sehem fix-xogħol tal-ippridkar.
Meta forzi taʼ kontra l-gvern ħadu l-kontroll tar-raħal tiegħu, hu ttieħed priġunier—b’mod evidenti xi ħadd kien kixfu bħala li qabel kien raġel militari. Hu spjega, madankollu, li ma kienx għadu suldat imma wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah. Il-gwerilli akkużawh li kellu l-armi fid-dar tiegħu, imma tfitxija rrivelat li ma kienx hemm. Il-wieħed li kien inkarigat mill-gwerilli mbagħad staqsa lill-ġirien dwaru. Kumment tipiku kien: “Hu sempliċement tielaʼ u nieżel fit-triq jippriedka dwar il-Bibbja jum wara jum.” Ir-raġel ġie meħlus. Bla dubju, iż-żelu tiegħu serva biex isalvalu ħajtu.
Rapport minn pajjiż Afrikan jitkellem dwar żewġ suldati li studjaw il-Bibbja max-Xhieda taʼ Jehovah. Wieħed kien jaqdi fl-armata tal-gvern, l-ieħor iġġieled favur ir-ribelli. Eventwalment it-tnejn iddeċidew li ‘jaħdmu sjufhom f’sikek tal-moħriet’ u rriżenjaw mill-militar. Meta huma marru għal-laqgħat Kristjani għall-ewwel darba, is-suldat taʼ kontra l-gvern staqsa lill-ieħor: “Xi trid int hawnhekk?” Hu wieġeb: “U int, xi trid int hawnhekk?” “Imbagħad,” jikkonkludi r-rapport, “billi ħaddnu lil xulxin, qabżilhom id-dmugħ taʼ ferħ għaliex setgħu joqogħdu flimkien fil-paċi.” Dawn iż-żewġ irġiel militari taʼ qabel bla dubju talbu lil Alla: “Eħlisni mill-ħtija tad-demm, O Alla dak Alla tas-salvazzjoni tiegħi, biex ilsieni jistaʼ bil-ferħ igħid dwar it-tjieba tiegħek.”—Salm 51:14.
“Int Rajt it-Tbatija Tiegħi”
“Jien se nkun ferħan u nithenna fil-qalb tajba bl-imħabba tiegħek, għaliex int rajt it-tbatija tiegħi; int kont taf bin-niket taʼ ruħi.” (Salm 31:7) Hekk talab is-salmista, u ħafna llum jifirħu għaliex il-Kelma t’Alla tgħinhom ilaħħqu mat-tbatijiet tagħhom. Fi Franza waħda mix-Xhieda taʼ Jehovah tikkonduċi studju maʼ mara li tbati mill-iskizzofrenja. Din il-mara kienet taħt kura psikjatrika għal xi żmien, imma din ma kinetx għenet. Il-ġimgħa taʼ wara li bdiet l-istudju tagħha, il-psikjatra staqsa: “Tifhem int tassew dak li din il-mara qed tispjegalek mill-Bibbja?” Mela l-ġimgħa taʼ wara, ix-Xhud marret fl-uffiċċju tiegħu u studjat il-Bibbja mas-sinjura fil-preżenza tiegħu.
Wara l-istudju, il-psikjatra qal lix-Xhud: “Matul is-snin jien ħadt interess fir-reliġjonijiet tal-pazjenti tiegħi, imma innotajt li ebda appoġġ veru ma kien offrut minn kwalunkwe reliġjon. Fil-każ tiegħek, iżda, l-affarijiet huma differenti. Sinjura P— tiġi darbtejn fil-ġimgħa għal konsulta, u hi tħallasni għal dan. Iżda, bit-tagħlim u l-parir tajjeb tal-Bibbja tiegħek, int qed tagħmel xogħol aħjar bla ħlas. Hi qed tagħmel progress tajjeb. Ibqaʼ sejra hekk, u jien nassigurak dwar il-kooperazzjoni sħiħa tiegħi jekk qatt tiġi bżonnha.”
Il-Bibbja tgħid: “Henjin huma n-nies li jafu bil-għajjat taʼ ferħ. O Jehovah, fid-dawl taʼ wiċċek huma jibqgħu mexjin. F’ismek huma qegħdin bil-ferħ il-jum kollu.” (Salm 89:15, 16) Kulħadd mix-Xhieda taʼ Jehovah jaf li dan is-salm huwa veru. Minn fommhom għajta globali taʼ ferħ tielaʼ ’l fuq għat-tifħir taʼ Jehovah. Iktar u iktar nies qed jiġru ’l barra minn ġol-ġnus biex ifaħħru lil Alla flimkien magħhom. Għala ma tassoċjax magħhom u ġġarrab dak il-ferħ għalik innifsek?