Żomm il-Fidi u s-Saħħa Spiritwali Tiegħek
“Żomm mal-mudell taʼ kliem is-saħħa li int smajt bil-fidi u l-imħabba li huma f’konnessjoni ma Kristu Ġesù.”—2 TIMOTEW 1:13.
1. Għala s-saħħa fiżika tajba hi pussess taʼ valur li trid tiġi miżmuma?
SAĦĦA fiżika tajba hija pussess prezzjuż. Meta nkunu b’saħħitna, nistgħu nagħmlu ħafna affarijiet u ngawdu l-ħajja iżjed. Iżda meta nkunu morda jew debboli kronikament, il-ħajja hija wisq iżjed diffiċli. Naturalment, is-saħha trid tinżamm. Ħafna jitraskuraw saħħithom jew jagħmlu affarijiet li jikkaġunaw il-mard. Dawk li jieħdu ħsieb tagħhom infushom, madankollu, normalment għandhom ammont taʼ saħħa u qawwa matul il-biċċa l-kbira taʼ ħajjithom.
2. (a) Is-saħħa spiritwali għala hi iktar taʼvalur mis-saħħa fiżika? (b) X’inhu meħtieġ biex tibqaʼ f’saħħtek fil-fidi?
2 Is-saħħa spiritwali hija bil-wisq iżjed importanti mis-saħħa fiżika. L-aqwa saħħa fiżika ma tistax iġġib ir-rigal t’Alla taʼ ħajja taʼ dejjem. Saħħa spiritwali tajba tirriżulta minn qima nadifa u fidi bbażata fuq għarfien eżatt. (Ġwann 17:3; Ebrej 11:6; Ġakbu 1:27) L-appostlu Pawlu qal: “Ħalli l-irġiel xjuħ ikunu moderati fid-drawwiet, serji, moħħhom f’loku, f’saħħithom fil-fidi, fl-imħabba, fis-sabar.” (Titus 2:2) Kulmin jixtieq ikun f’saħħtu fil-fidi jrid jagħmel sforz ħabrieki u jżomm għassa kontinwa. Thedhid għal saħħa spiritwali soda jistaʼ jiġi minn ġewwa fina jew minn barra. Irridu nkunu konxji taʼ dan it-thedhid jekk irridu nżommu l-fidi u s-saħħa spiritwali f’din id-dinja marida.
Kemm Hi Marida Din id-Dinja?
3, 4. Il-mard morali kif inhu rifless f’din id-dinja u fl-azzjonijiet tan-nies?
3 M’hemmx dubju li d-dinja hi marida ħafna moralment. Aħna naraw mard tal-mewt fl-“organi” kollha taʼ din id-dinja—ir-reliġjonijiet tagħha, is-sistemi politiċi tagħha, l-istituzzjonijiet kummerċjali tagħha, id-divertiment tagħha. Ftit għandhom rispett għal Alla u għal-liġijiet li hu ta għall-gid tal-umanità. U kif turi l-istorja, taħsir morali dejjem iwassal għal zjieda fil-mard fiżiku u l-inkwiet. Ironikament, il-biċċa l-kbira ma jridu jagħmlu xejn dwar il-fejqan taʼ din il-kundizzjoni morali marida għaliex iħobbu l-affarijiet li jikkaġunawha.
4 Kemm hi marida din id-dinja! Biex ifittxu l-eċitament jew biex jippruvaw jaħarbu r-realtà, ħafna ħassru l-ħajjiet tagħhom bl-abbuż tal-alkoħol jew tad-drogi. Il-vjolenza tinsab kullimkien, il-ħajja mhix ikkalkolata, u l-ħabsijiet mimlijin sa snienhom bil-kriminali. F’ħafna pajjiżi nofs iż-żwigijiet kollha jintemmu f’divorzju. Tfal mingħajr gwida xierqa tal-ġenituri jikbru bħala delinkwenti. Minħabba li l-immoralità sesswali hija kotrana, l-AIDS u mard ieħor trażmess sesswalment qed jinfirxu bil-għaġla.
5. Isaija kif iddeskriva l-kundizzjonijiet f’Ġuda tal-qedem?
5 Alla jistaʼ jgħid dwar din id-dinja marida dak li spira lil Isaija biex jiddikjara dwar Ġuda li kien stinat: “Gwaj għall-ġens midneb, il-poplu mtaqqal bl-iżball, żerriegħa taʼ għemil ħażin, ulied taʼ qattagħni! Huma telqu lil Jehovah, huma trattaw lill-Qaddis taʼ Iżrael b’diżrispett, huma daru lura. Fejn aktar se tintlaqtu iżjed, billi żżidu aktar irvell? Ir-ras kollha hija f’qagħda marida, u l-qalb kollha hi dgħajfa. Minn qiegħ is-sieq saħansitra sar-ras ma hemm ebda tikka tajba fiha.”−Isaija 1:4-6.
6. F’Ġuda tal-qedem u fi żmienna, x’reazzjoni kien hemm għall-appell taʼ Jehovah biex jitgħallmu jagħmlu t-tajjeb?
6 L-appell taʼ Jehovah biex jindmu u ‘jitgħallmu jagħmlu t-tajjeb’ ġeneralment ma kinux jagħtu kasu f’Ġuda. (Isaija 1:16-20) Dan maż-żmien wassal għall-qerda taʼ Ġerusalemm u t-tfigħ fil-jasar tal-Lhud ġol-Babilonja. Ftit uħud lejali biss ġarrbu l-barka u l-protezzjoni t’Alla f’nofs il-ġens marid. L-istess illum, f’din id-dinja li hi marida minn taħt sa fuq, ftit biss jixtiequ jitgħallmu jagħmlu t-tajjeb. Dawn il-qaddejja lejali taʼ Jehovah qed jagħmlu sforzi ħabrieka biex iżommu fidi u saħħa spiritwali issa, bit-tama li jakkwistaw saħħa fiżika perfetta u ħajja eterna fid-dinja ġdida mwiegħda t’Alla.—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:l-4.
Perikli Spiritwali f’Din id-Dinja Marida
7. (a) Liema perikli jagħmlu ħsara l-fidi u s-saħħa spiritwali tagħna? (b) Xi tgħid l-Iskrittura dwar kif niffaċċjaw it-tliet elementi ewlenin li jipperikolaw is-saħħa spiritwali?
7 Li nżommu l-fidi u s-saħħa spiritwali hija sfida għaliex il-mard morali taʼ din id-dinja jittieħed ħafna. Il-Kristjani jridu jiġġieldu wkoll kontra l-imperfezzjoni tagħhom stess li wirtu. (Rumani 7:2l-25) Barra minn dan Satana, “l-ħakkiem tad-dinja,” jaf id-djufijiet tal-laħam u huwa mgħallem tat-tentazzjoni. (Ġwann 14:30; 1 Ġwann 5:19) Dawn it-tliet perikli prinċipali li jipperikolaw il-fidi u s-saħħa spiritwali—il-laħam, id-dinja, u x-Xitan—huma diffiċli ħafna biex tegħlibhom. Iżda huwa possibbli li ma tkun “ebda parti mid-dinja,” għalkemm qed ingħixu fiha. Aħna nistgħu ‘nibqgħu nimxu bl-ispirtu t’Alla u ma nwettqu ebda xewqa tal-laħam.’ U b’għajnuna divina aħna nistgħu ‘nibqgħu sodi kontra l-makakkerija tax-Xitan.’ (Ġwann 17:15, 16; Galatin 5:16; Efesin 6:11; 2 Korintin 2:11) Iżda issa ejjew nikkunsidraw kif nistgħu niffaċċjaw dawn it-tliet elementi ewlenin li jipperikolaw il-fidi u s-saħħa spiritwali.
8. Ġesù kif jiddeskrivi l-forzi ġewwa fina li jaħdmu kontra s-saħħa spiritwali?
8 Fin-natura imperfetta tagħna hemm forzi li jistgħu jwassluna għad-dnub u dan jistaʼ jagħmilna morda spiritwalment. (Ġakbu 1:14, 15) Dan hu veru b’mod partikulari ġewwa l-qalb figurattiva. Ġesù qal: “Għax minn ġewwa, mill-qalb tal-bnedmin, raġunar inġurjuż joħroġ: żina, serq, qtil, adulterji, xenqiet, atti taʼ ħażen, qerq, kondotta laxka, għajn għajjura, dagħa, kburija, nuqqas taʼ raġuni. Dawn l-affarijiet ħżiena kollha joħorġu minn ġewwa u jniġġsu lil bniedem.”−Mark 7:2l-23.
9. (a) Liema xewqat għandhom l-egħruq fil-qalb figurattiva? (b) Skond Proverbji 4:20-23, kif nistgħu nissalvagwardjaw il-qalb?
9 Għalkemm il-qalb hija s-sors taʼ xewqat ħżiena, f’persuni taʼ tjieba hija wkoll il-post taʼ reverenza għal Jehovah u mħabba għal dak li hu sewwa. (Mattew 22:37; Efesin 4:20-24) Jekk jegħlibx it-tajjeb jew il-ħażin fil-każ tagħna jiddependi fuq dak li ndaħħlu f’qalbna. Il-Kelma t’Alla twissi: “Ibni, agħti kas taʼ kliemi. Għall-qwiel tiegħi mejjel widintek. Jalla ma jitbegħdux minn għajnejk. Żommhom f’nofs qalbek. Għax huma ħajja għal dawk li jsibuhom u saħħa għal laħamhom kollu. Iktar minn kull ħaġa oħra li trid tiġi mgħassa, issalvagwardja lil qalbek, għax minnha huma s-sorsi tal-ħajja.”—Proverbji 4:20-23.
10. Id-djufijiet tal-laħam tagħna kif jeffettwaw l-emozzjonijiet u x-xewqat tagħna?
10 Id-djufijiet tal-laħam tagħna jeffettwaw l-emozzjonijiet u x-xewqat tagħna. Min kultant ma jbatix minn skuraġġiment, nuqqas taʼ paċenzja, jew li jħossu offiż? Jekk aħna malajr nikkoreġu dawn it-tendenzi tal-laħam, tistaʼ tinżamm is-saħħa spiritwali. Iżda l-kburija u l-ambizzjoni jistgħu malajr jagħmlu l-egħruq fil-qalb. Ir-regħba u xewqa għal pjaċiri u xalar żejjed tistaʼ taħkimna. U xewqa sesswali, fil-waqt li hi naturali minħabba l-mod kif Alla għamilna, tistaʼ b’mod sottili tiżvijana. Biex nevitaw li mard spiritwali bħal dan jiżviluppa ġewwa fina, aħna għandna bżonn nikkultivaw il-frott tal-ispirtu t’Alla fil-ħajjiet tagħna kuljum, billi nħarrġu lilna nfusna biex ‘nabborrixxu dak li hu ħażin’ u ‘niggranfaw maʼ dak li hu tajjeb.’—Rumani 12:9; Galatin 5:22, 23.
Sorsi Fuq Barra taʼ Mard Spiritwali
11. (a) Liema attitudnijiet u azzjonijiet dinjin jittieħdu ħafna? (b) Skond Ġesù, rigward xiex għandna noqogħdu attenti għal qlubna?
11 Infezzjoni spiritwali tistaʼ tiġi minn sorsi fuq barra. Tistaʼ tinfirex għal għandna mingħand dawk li huma mejtin spiritwalment. (Efesin 2:l-3) Jekk aħna qrib wisq tagħhom, nistgħu inlaqqtu l-attitudnijiet tagħhom u l-istil taʼ ħajja tagħhom. Avvanzar fid-dinja sekulari, imħabba għal flus, tgawdija taʼ l-aqwa affarijiet materjali, u divertiment huma l-iktar affarijiet importanti fil-ħajjiet tan-nies taʼ din id-dinja. Iżda x-xewqa għal affarijiet bħal dawn tittieħed ħafna, u saħansitra ftit kuntatt magħhom jistaʼ jgħażżinna spiritwalment. Ġesù wissa: “Imma oqogħdu attenti għalikom infuskom li qlubkom qatt ma jitqalu b’ikel żejjed u xorb żejjed u anzjetajiet tal-ħajja, u f’daqqa waħda dak il-jum ikun minnufih fuqkom bħal nassa. Għax se jiġi fuq dawk kollha li qed igħammru fuq wiċċ l-art kollha.”−Luqa 21:34, 35.
12. Idejat u tagħlim ħżiena kif jistgħu jkunu perikolużi għas-saħħa spiritwali?
12 L-idejat u t-tagħlim żbaljati taʼ din id-dinja wkoll jistgħu jinfettawna. Pawlu wissa: “Se jkun hemm perijodu taʼ żmien meta mhux se jifilħu t-tagħlim mimli saħħa, iżda, skond ix-xewqat tagħhom infushom, se jiġimgħu għalliema għalihom infushom biex ikollhom widnejhom imgħarrxin; u se jdawru widnejhom lil hinn mill-verità, waqt li se jiġu mwarrbin lejn stejjer foloz.” (2 Timotew 4:3, 4) Tagħlim falz huwa bħal kankru. (2 Timotew 2:16, 17) Meta jidħol, parti mil-laħam tiegħek tmut għaliex demm li jagħti l-ħajja ġie maqtugħ minn dik il-parti tal-ġisem.
13. Jekk mard spiritwali jkun daħal bħal kankru, x’għandu jsir?
13 Kemm jinfirex malajr il-kankru! Biex tiġi evitata l-mewt, it-tabib forsi jkollu jaqtaʼ parti mill-ġisem. Għalhekk, jekk xi dubji, ilmenti, jew apostasija jhedhdu li jikkontaminawk spiritwalment, aqtagħhom barra malajr! (Qabbel Mattew 5:29, 30.) Ġib għajnuna mill-anzjani tal-kongregazzjoni. Issirx bħal dawk li Pawlu ddeskriva bħala ‘morda mentalment fuq iddomandar u dibattiti dwar kliem’ għaliex ‘ma żammewx maʼ kliem mimli saħħa.’—1 Timotew 6:3, 4.
14. X’jistgħu jsibuh neċessarju li jagħmlu l-anzjani biex jipproteġu s-saħħa spiritwali tal-kongregazzjoni?
14 Biex jipproteġu s-saħħa spiritwali tal-kongregazzjoni, l-anzjani għandhom bżonn ‘iħeġġu bit-tagħlim mimli saħħa u jwiddbu lil dawk li jikkontradixxu.’ (Titus 1:9, 13, 16; 2:1) Forsi persuni bħal dawn jistgħu jiġu restawrati għal stat spiritwali b’saħħtu. (2 Timotew 2:23-26) Iżda x’jiġri jekk mingħajr ma jiddispjaċihom huma javvanzaw tagħlim falz? Għalhekk, fil-fatt, huma jridu jitqiegħdu fil-kwarantina. Jiġu maqtugħin mis-sħubija, u aħna nżommu ’l bogħod minnhom sabiex l-infezzjoni spiritwali tagħhom ma tinfirixx għal fuqna.—Rumani 16:17, 18; 1 Korintin 5:9-13; Titus 3:9-11.
15. F’li jipprova jdgħajjef is-saħha spiritwali tal-poplu t’Alla, liema żewġ linji prinċipali uża x-Xitan?
15 It-tielet sors taʼ periklu għall-fidi u għas-saħħa spiritwali huwa x-Xitan. (Efesin 6:11, 12) Saħansitra sa żmienna, hu prova jdgħajjef il-fidi tal-poplu taʼ Jehovah bil-persekuzzjoni, inklużi attakki minn folol taʼ nies, swat, tfigħ il-ħabs, u thedhid taʼ mewt. (Rivelazzjoni 2:10) Peress li b’dawn it-tattiċi Satana rarissimu li jirnexxilu li jkisser l-integrità taʼ wieħed mill-qaddejja t’Alla, hu juża l-attrazzjonijiet taʼ din id-dinja, li tagħha hu l-alla, bi sforz biex iġagħal lil xi wħud biex jaqgħu.—2 Korintin 4:4; 11:3, 14.
16. X’difiżi għandna f’li nirreżistu l-attakki tax-Xitan fuq il-fidi u s-saħħa spiritwali tagħna?
16 Kif nistgħu nirreżistu attakki mix-Xitan? Billi nilbsu l-armar spiritwali kollu minn Alla. B’mod speċjali rridu ‘nieħdu t-tarka kbira tal-fidi, li biha nkunu nistgħu nitfu l-missili tan-nar kollha’ li Satana jitfgħalna. Irridu wkoll nitolbu fi qbil mal-kliem taʼ Ġesù: “U ġġibniex fit-tentazzjoni, iżda eħlisna minn dak il-ħażin.” (Efesin 6:11-18; Mattew 6:13) Jekk nitolbu b’dak il-mod u naġixxu fi qbil mat-talb tagħna, nistgħu nistennew il-għajnuna taʼ Missierna tas-sema biex nitfu l-missili tan-nar kollha taʼ Satana.
Nibqgħu B’Saħħitna fil-Fidi
17. F’li nżommu s-saħħa spiritwali, kemm hu mportanti li nieħdu “ikel fiż-żmien xieraq” u li nieħdu sehem regolarment f’attivitajiet Kristjani?
17 Attenzjoni minn qabel hija fattur kbir f’li nżommu saħħa fiżika tajba. Ikel bnin, eżerċizzju xieraq, u attenzjoni ġenerali għall-moħħ u l-ġisem huma vitali. Difiżi naturali kontra l-mard huma iżjed qawwija f’ġisem f’saħħtu. B’mod simili, biex iżżomm saħħa spiritwali, huwa vitali li ssegwi l-kwalità taʼ ikel suġġerit minn Alla u li tapprezza l-“ikel [bnin spiritwali] fiż-żmien xieraq” provdut permezz tal-“irsir fidil u għaqli.” Billi nirrifjutaw l-ikel spiritwali taʼ ħsara taʼ din id-dinja, aħna rridu nistudjaw il-Bibbja u pubblikazzjonijiet Kristjani u niltaqgħu mal-poplu t’Alla b’mod regulari. (Mattew 24:45-47; Ebrej 10:24, 25) Għandna bżonn ukoll l-eżerċizzju li jirriżulta milli ‘dejjem għandna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-Mulej’ fil-ministeru u attivitajiet Kristjani oħra.—1 Korintin 15:58.
18. X’inhu “l-mudell taʼ kliem is-saħħa,” u għala għandna nżommuh f’qalbna u f’moħħna?
18 Biex iżżomm f’saħħtek fil-fidi, agħmel użu sħiħ mill-provvedimenti spiritwali t’Alla. Bħalma qal Pawlu lil Timotew: “Ibqaʼ żomm mal-mudell taʼ kliem is-saħħa li int smajt mingħandi bil-fidi u l-imħabba li huma f’konnessjoni maʼ Kristu Ġesù. Din il-prokura mill-aħjar għassisha permezz tal-ispirtu qaddis li qed igħammar fina.” (2 Timotew 1:13, 14) Lingwa għandha mudell taʼ kliem. B’mod simili, il-“lingwa pura” taʼ verità tal-Bibbja għandha mudell ibbażat prinċipalment fuq it-tema taʼ ivvindikar taʼ Jehovah permezz tas-Saltna. (Sofonija 3:9) Aħna rridu nżommu dan il-mudell taʼ kliem is-saħħa f’qalbna u f’moħħna jekk irridu nżommu l-fidi u s-saħħa spiritwali tagħna. Inkella, ma jibqax taʼ sinjifikat għalina. Dan milli jidher ġara fil-kongregazzjoni f’Korintu, fejn xi wħud kienu “dgħajfin u marrada” għaliex kienu neqsin minn fehma spiritwali.—1 Korintin 11:29-32.
19. (a) Jekk żviluppa mard spiritwali, x’għandu jsir? (b) X’jistgħu jagħmlu l-anzjani jekk persuna hija marida spiritwalment?
19 X’għandu jsir jekk int żviluppajt mard spiritwali? Għajnuna taʼ mħabba hi ċertament meħtieġa u tistaʼ tinkiseb, għax Ġakbu jgħid: “Hemm xi ħadd marid fostkom? Ħa jsejjaħ lill-irġiel ixjeħ tal-kongregazzjoni għandu, u ħa jitolbu fuqu, waqt li jidilkuh biż-żejt f’isem Jehovah.” (Ġakbu 5:14) Iva, sejjaħ lill-anzjani. Bħala tobba spiritwali, huma jistgħu jgħinuk issib it-tarf tal-mard spiritwali. Bil-ħlewwa imma b’mod effettiv huma se jidilkulek iż-żejt li jfejjaq tal-Kelma t’Alla. Jekk tkun għamilt xi dnubiet iżda jiddispjaċik, kun ċert li Jehovah verament jaħfer. (Salm lO3:8-14) Hekk kif l-anzjani jitolbu miegħek u għan-nom tiegħek, x’se jkun ir-riżultat? Ġakbu jwieġeb: “U t-talba tal-fidi se tfejjaq lill-marid, u Jehovah se jqajmu. Ukoll, jekk ikun ikkommetta d-dnubiet, se jinħafrulu.”−Ġakbu 5:15.
Saħħa Spiritwali Twassal għal Ħajja Eterna
20. (a) X’parir tat il-ġemgħa li tiggverna tal-ewwel seklu dwar iż-żamma taʼ saħħa spiritwali? (b) X’se jgħinna hekk kif nistennew il-barkiet tad-dinja ġdida?
20 “Saħħa tajba għalikom!” B’dak il-kliem, il-ġemgħa li tiggverna tal-poplu taʼ Jehovah tal-ewwel seklu għalqet l-ittra tagħha fejn semmiet “affarijiet neċessarji” meħtieġa mill-Kristjani. Huma kellhom ‘jibqgħu jastjenu minn affarijiet issagrifikati lil idoli u mid-demm u minn affarijiet imgħallqin u miż-żina.’ (Atti 15:28, 29) Dik ir-riċetta għal saħħa spiritwali tajba għadha tgħodd. U hekk kif nistennew il-barkiet tad-dinja l-ġdida, aħna nistgħu nżommu l-fidi u s-saħħa spiritwali tagħna jekk b’mod żeluż nibqgħu nippridkaw l-aħbar tajba tas-Saltna u nappoġġaw l-isem taʼ Jehovah f’din id-dinja marida. Billi nibqgħu attivi b’dan il-mod se jħarisna milli nsiru bla paċenzja għall-barkiet tad-dinja ġdida li huma tant fil-qrib. Veru, “stennija mħollija għal iktar tard qed tagħmel lill-qalb marida, iżda l-ħaġa mixtieqa hi siġra tal-ħajja meta tasal.”−Proverbji 13:12.
21. X’barkiet huma maħżunin għal dawk li b’suċċess iżommu l-fidi u s-saħħa spiritwali tagħhom f’din id-dinja marida?
21 Titlifx il-barkiet grandjużi li Jehovah għandu maħżunin għal dawk li jħobbuh. L-isforzi kollha f’li tirreżisti l-influwenzi tad-dinja, f’li tissara mad-djufijiet tal-laħam tiegħek, u f’li twarrab il-missili jaqbdu tax-Xitan mhux se jkunu għal xejn. Fid-dinja ġdida taʼ Jehovah, int se tara b’għajnejk stess iż-żmien meta “ebda wieħed li joqgħod hemm ma se jgħid: “Jien marid.’” (Isaija 33:24) Dan se jseħħ minħabba l-provvediment t’Alla permezz tas-sagrifiċċju taʼ fidwa taʼ Ġesù Kristu, dak il-wieħed li “ħa l-mard tagħna u rafaʼ l-mardiet tagħna.” (Mattew 8:17; Isaija 53:4 ) Se tkun tistaʼ tixrob mix-“xmara [simbolika] taʼ ilma tal-ħajja” u tiekol mis-“siġar tal-ħajja” li għandhom il-weraq “għall-fejqan tal-ġnus.” (Rivelazzjoni 22:1, 2 ) Ħajja bla tmiem fil-perfezzjoni u l-hena se tkun il-premju tiegħek talli żammejt il-fidi u s-saħħa spiritwali tiegħek f’din id-dinja marida.
Tiftakar?
◻ Li tkun f’saħħtek fil-fidi għala huwa iżjed importanti milli jkollok saħħa fiżika tajba?
◻ Liema huma t-tliet perikli ewlenin li jipperikolaw il-fidi u s-saħħa spiritwali?
◻ X’relazzjoni għandha s-saħħa spiritwali tajba mal-qalb figurattiva?
◻ Jekk wieħed huwa marid spiritwalment, x’għandu jsir?
[Stampi f’paġna 12]
Saħansitra f’dinja marida, huwa possibbli li jkollok fidi qawwija u saħħa spiritwali tajba
[Stampi f’paġna 14]
Saħħa spiritwali tajba tiddependi fuq attività Kristjana żeluża u li b’mod regulari tieħu ikel spiritwali fiż-żmien xieraq