Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għala Għandek Tevita l-Ispiritiżmu
F’PAJJIŻ taʼ l-Asja, folla qed tiċċelebra festa li tonora lill-ispirti. Il-festa tilħaq il-quċċata tagħha meta żewġ nisa jintgħażlu għal ċerimonja li fiha jiġu maħkumin mill-ispirti. Għajnejhom jibdew jinqalbu, u mbagħad in-nisa jibdew jirtogħdu minn fuq s’isfel bħallikieku ħadu xokk bl-elettriku.
Fi Puerto Rico, wieħed li jikkomunika maʼ l-ispirti (santero) jipprova jikkuntattja spirtu li jissejjaħ Changó, l-alla tar-ragħad. Dak li jikkomunika maʼ l-ispirti jiddeskrivi xi viżjonijiet, u kulmin ikun fil-kamra jibda jirtogħod bħallikieku kien maħkum mid-demonji.
Huwa komuni f’ħafna pajjiżi li n-nies jinvolvu ruħhom fl-okkult. It-twemmin fl-affarijiet sopranaturali qed isir iktar popolari, u n-nies qed jinġibdu dejjem iktar lejh. Il-kotba, il-logħob, il-programmi televiżivi, u l-films li fihom id-demonji, is-sħarijiet, u l-fenomeni sopranaturali saru iktar komuni minn qatt qabel.
Madankollu, il-Bibbja tgħallem li l-involviment fi kwalunkwe ħaġa konnessa maʼ l-okkult fil-fatt huwa spiritiżmu. L-ispiritiżmu m’huwiex divertiment innoċenti jew bla ħsara. Ma tkunx sempliċement qed tesplora dak li ma tafx. Dan hu kuntatt mad-demonji, anġli mill-agħar li rribellaw kontra Alla.—Rivelazzjoni 12:9, 12.
Fir-realtà, l-ispiritiżmu jagħmel għad-demonji dak li l-lixka tagħmel għas-sajjieda. Is-sajjied juża diversi lixki biex jaqbad tipi differenti taʼ ħut. B’mod simili, l-ispirti mill-agħar jużaw forom differenti taʼ spiritiżmu biex jinfluwenzaw lil kull tip taʼ nies. Il-mexxej tad-demonji jissemma bħala “l-alla taʼ din is-sistema” mill-agħar. Hu jirnexxilu jagħmi l-imħuħ taʼ dawk li ma jemmnux biex ma jarawx il-verità tal-Kelma t’Alla u l-iskop tiegħu.—2 Korintin 4:4.
Għal Xiex Iwassal l-Ispiritiżmu
Il-mira tal-ħlejjaq spirti mill-agħar hi sempliċement din: Huma jridu jaljenawna u jqarrqu bina ħalli ma niżviluppawx relazzjoni persunali mal-Ħallieq tagħna. Huma jinfluwenzaw lin-nies, kemm jekk ikunu jafu u kemm jekk le, biex ma jobdux il-ħtiġijiet sewwa t’Alla. Għalhekk, l-ispiritiżmu jwassal għad-diżapprovazzjoni divina, in-nuqqas taʼ tama, u maż-żmien għall-qerda.—Rivelazzjoni 21:8.
Luis, minn Puerto Rico, jgħid: “Il-familja tiegħi kienet involuta fl-ispiritiżmu minn meta kont tifel. Dan kien parti mir-reliġjon tal-familja tagħna u minn ħajjitna. Jien kont naħseb li l-abbiltà tiegħi biex inbassar il-futur u naqra l-karti tat-tarot kienet naturali. Spiss kont naqtaʼ n-numri tal-lotterija u ngħin lill-oħrajn jirbħu l-flus. Dawn l-hekk imsejħin doni ma kienu xejn iktar ħlief aljenazzjonijiet li żammewni milli nikseb għarfien Bibliku u milli nibni relazzjoni m’Alla.”—Ġwanni 17:3.
Ħafna jħossu li min jinvolvi ruħu fid-dinja taʼ l-ispiritiżmu ma jiġrilux ħsara, anzi jibbenefika. Xi nies iħossu li ċerti spirti huma dħulin jew isostnu li l-prattiċi spiritistiċi jistgħu jagħtuhom fehma, għana, jew ferħ akbar. Imma l-verità hi eżatt bil-kontra. “Dejjem ikun hemm il-konsegwenzi,” jgħid Luis.
Raġel żagħżugħ jismu Chad beda jesperjenza dehriet tal-biżaʼ u t-turment taʼ li jiġi mqajjem kulmeta jorqod. “Id-demonji bdew ikidduni u jittorturawni kull lejl,” jgħid hu. Kif nistgħu niġu protetti kontra attakki bħal dawn?
Kif Niksbu Protezzjoni
Għandna bżonn nevitaw kull ħaġa konnessa maʼ l-ispiritiżmu biex nipproteġu lilna nfusna. (Galatin 5:19-21) Għalhekk, Alla Ġeħova jidderieġi lill-qaddejja tiegħu biex jevitaw il-prattiċi li ġejjin: “M’għandux jinstab fik xi ħadd li . . . jeħber, min jipprattika l-maġija jew xi ħadd li jfittex sinjali li bihom jaqra l-futur jew saħħâr, jew min jagħmel xi magħmul fuq ħaddieħor jew xi ħadd li jikkonsulta maʼ medjum taʼ l-ispirti jew min xogħlu hu li jbassar il-ġrajjiet jew xi ħadd li jistħarreġ dwar il-mejtin. Għax kulmin jagħmel dawn l-affarijiet ikun xi ħaġa mistkerrha għal Ġeħova.”—Dewteronomju 18:10-12.
Fi qbil maʼ dan il-kliem, ħafna ħadu passi biex jipproteġu lilhom infushom billi rmew kwalunkwe ktieb jew oġġett ieħor konness maʼ l-ispiritiżmu. Ken, li ħeles mill-ispiritiżmu, jgħid, “Iċċekkjajt l-affarijiet kollha tiegħi u qridt kulma ħassejt li kien ħażin.”—Ara Atti 19:19, 20.
L-akbar protezzjoni hi li tiżviluppa relazzjoni persunali maʼ l-Alla l-veru, Ġeħova. Innota x’għandna nagħmlu skond Ġakbu 4:7, 8: “Għalhekk, issottomettu ruħkom lejn Alla; imma opponu lix-Xitan, u hu jaħrab minnkom. Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom. Naddfu idejkom, midinbin, u saffu qlubkom, intom l-indeċiżi.”
Alla Ġeħova jgħallem u jipproteġi lil dawk li huma qrib tiegħu. Huma ‘jafuhom il-pjanijiet taʼ Satana’ u ma jiġux imqarrqin minn dehriet foloz. (2 Korintin 2:11; 11:14) Ukoll, Ġeħova jistaʼ kollox. Meta dak li jkun isejjaħ lil Ġeħova bil-fidi, hu jeħilsu mill-attakki taʼ l-ispirti mill-agħar. Chad, li ġie kwotat qabel, qal, “Dawn waqfu minħabba li kont naf minn liema sors kienu ġejjin l-attakki u għax sejjaħt lil Alla Ġeħova biex jipproteġini mill-influwenza tagħhom.”—Salm 91:1, 2.
Jidher ċar li wħud taʼ qalb onestà jistgħu jithennew minħabba l-protezzjoni t’Alla issa u minħabba li jirrealizzaw li dalwaqt id-demonji u kulmin hu influwenzat minnhom se jinqered. Immaġina l-ferħ u l-paċi li se jkunu mifruxin fuq l-art meta l-umanità tkun meħlusa mill-effetti taʼ l-ispiritiżmu!—Isaija 11:9; Rivelazzjoni 22:15.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
◼ Liema prattiċi spiritistiċi għandhom jevitaw il-Kristjani? —Dewteronomju 18:10-12; Rivelazzjoni 21:8.
◼ Min jinkuraġġixxi l-ispiritiżmu?—2 Korintin 2:11; 11:14; Rivelazzjoni 12:9, 12.
◼ Kif nistgħu nipproteġu lilna nfusna mill-ispirti mill-agħar?—Ġakbu 4:7, 8.
[Stampa f’paġna 14]
Fir-realtà, l-ispiritiżmu jagħmel għad-demonji dak li l-lixka tagħmel għas-sajjieda