BIJOGRAFIJA
Ġeħova Għenna Naġġustaw u Nibqgħu Ferħanin
MATS u Ann-Catrin mill-Iżvezja kellhom jaġġustaw għal ħafna inkarigi. Kif irnexxielhom jibqgħu ferħanin?
Ħuna u oħtna Kassholm marru l-Iskola taʼ Gilegħad fl-1979 u matul is-snin kellhom inkarigi differenti fl-Iran, Mauritius, l-Myanmar, it-Tanzanija, l-Uganda, u ż-Zaire. F’Gilegħad wieħed mill-għalliema, Jack Redford, tahom parir li għenhom kull darba li kellhom inkarigu ġdid. Ħa jispjegawlkom huma stess.
Mats, tistaʼ jekk jogħġbok tgħidilna int l-ewwel kif sibt il-verità?
Mats: Waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, missieri kien jgħix il-Polonja u ra ħafna ipokresija mill-Knisja Kattolika. Imma spiss xorta kien jgħid, “Il-verità żgur qiegħda xi mkien!” Maż-żmien, sirt naf li kellu raġun. Kont nixtri ħafna kotba użati. Wieħed minnhom kien ktieb blu jismu Il-Verità li Twassal għal Ħajja Eterna. It-titlu għoġobni ħafna, u l-ktieb qrajtu kollu f’lejl wieħed. Sa filgħodu, kont naf li sibt il-verità!
F’April tal-1972 bdejt naqra ħafna iktar pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova u sibt it-tweġibiet mill-Bibbja għall-mistoqsijiet li kelli. Ħassejtni bħan-negozjant fl-eżempju taʼ Ġesù li meta sab perla taʼ valur kbir, biegħ kulma kellu biex jixtriha. Biex nixtri l-“perla” tal-verità li kont sibt ‘begħt’ il-pjan li kelli biex immur l-università u nistudja għal tabib. (Mat. 13:45, 46) Jien tgħammidt fl-10 taʼ Diċembru 1972.
F’sena, il-ġenituri tiegħi u ħija ż-żgħir ukoll aċċettaw il-verità u tgħammdu. F’Lulju tal-1973 bdejt naqdi bħala pijunier regolari. Fil-kongregazzjoni fejn kont kien hemm pijuniera regolari gustuża, jisimha Ann-Catrin, li kienet tħobb ħafna lil Ġeħova. Aħna sirna nħobbu lil xulxin u fl-1975 iżżewwiġna. Wara, għexna erbaʼ snin f’belt sabiħa fl-Iżvezja jisimha Strömsund, fejn kien hemm ħafna nies li xtaqu jitgħallmu dwar il-Bibbja.
Ann-Catrin: Missieri tgħallem il-verità meta kien qed jistudja l-università fi Stockholm. Dak iż-żmien jien kelli tliet xhur, imma hu xorta kien jiħodni għal-laqgħat u s-service. Ommi ma kinitx tieħu pjaċir u kienet tipprova turih li x-Xhieda taʼ Ġeħova ma kellhomx il-verità. Imma ma setgħetx, u maż-żmien, hi wkoll tgħammdet. Meta kelli 13 tgħammidt, u taʼ 16 bdejt naqdi bħala pijuniera regolari. Wara li qdejt f’Umeå, belt fl-Iżvezja fejn kien hemm bżonn kbir taʼ pubblikaturi biex jippritkaw, jien bdejt naqdi bħala pijuniera speċjali.
Wara li jien u Mats iżżewwiġna, kellna l-opportunità li ngħinu lil ħafna nies jitgħallmu l-verità u dan ġabilna ħafna ferħ. Waħda minnhom kienet Maivor, żagħżugħa li waqfet mill-karriera li kellha fl-isports biex taħdem iktar għal Ġeħova. Hi qdiet bħala pijuniera maʼ oħti ż-żgħira, u flimkien marru l-Iskola taʼ Gilegħad fl-1984. Illum qed jaqdu bħala missjunarji fl-Ekwador.
X’għenkom taddattaw u tibqgħu ferħanin fl-inkarigi li kellkom bħala missjunarji?
Mats: Staqsewna ħafna drabi biex inbiddlu l-inkarigu. Imma xi ħaġa li dejjem għenitna biex naddattaw kienet li nagħmlu l-aħjar biex nimitaw lil Ġesù, speċjalment l-umiltà li kellu. (Kol. 2:6, 7) Pereżempju, minflok konna nistennew li l-aħwa jinbidlu, ipprovajna nifhmu għala kienu jagħmlu l-affarijiet b’ċertu mod. Xtaqna nitgħallmu kif jaħsbuha u l-kultura tagħhom. Iktar ma provajna nimitaw lil Ġesù, iktar sibnieha faċli biex naddattaw fl-inkarigu tagħna u nkunu ferħanin.—Slm. 1:2, 3.
Aħna konna nivvjaġġaw ħafna biex inżuru l-kongregazzjonijiet
Ann-Catrin: Meta siġra taqlagħha u tħawwilha xi mkien ieħor, ikollha bżonn id-dawl tax-xemx biex tikber. Ġeħova dejjem kien “bħal xemx” għalina. (Slm. 84:11) Hu tana ħafna aħwa li kienu jħobbuna. Pereżempju, l-aħwa fil-kongregazzjoni li konna fiha f’Tehran, l-Iran, kienu ġenerużi u ospitabbli ħafna. Kienu jfakkruna ħafna fi wħud fil-Bibbja li kienu ospitabbli. Kieku stajna, xtaqna bqajna l-Iran, imma f’Lulju tal-1980, il-gvern waqqaf b’mod uffiċjali x-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova u kellna 48 siegħa biex nitilqu. Aħna rċivejna inkarigu ġdid fiż-Zaire, l-Afrika (illum magħruf bħala r-Repubblika Demokratika tal-Kongo).
Memorji sbieħ mill-inkarigu li kellna fiż-Zaire, fl-1982
Meta sirt naf li sejrin l-Afrika, bdejt nibki bil-biżaʼ għax kont smajt li hemm is-sriep u l-mard. Imma koppja li kienu ħbieb kbar tagħna li kienu ilhom jaqdu l-Afrika qalulna: “Tibżgħux! Vera li qatt ma ġejtu l-Afrika, imma issa taraw kif togħġobkom.” U kellhom raġun! L-aħwa vera jafu jħobbu. Imma sitt snin wara, kellna nitilqu miż-Zaire għax ix-xogħol tax-Xhieda taʼ Ġeħova ma setax jibqaʼ jsir. Issa ma ridtx nemmen li bdejt nitlob lil Ġeħova, “Jekk jogħġbok, ħallina nibqgħu l-Afrika.”
X’barkiet sbieħ gawdejtu matul is-snin?
“Il-kamra tas-sodda” tagħna meta konna t-Tanzanija, fl-1988
Mats: Minħabba l-inkarigi li kellna, għamilna ħafna ħbieb maʼ missjunarji li huma minn pajjiżi differenti. U f’xi inkarigi konna ferħanin ħafna bl-ammont taʼ studji tal-Bibbja li kellna. Ġieli kellna 20 studju kull wieħed! Qatt mhu se ninsa l-imħabba u l-qalb tajba tal-aħwa fl-Afrika. Meta kont l-indokratur li jżur il-kongregazzjonijiet fit-Tanzanija, kien hemm ħafna aħwa li għamlu magħna “ħafna iktar milli setgħu.” (2 Kor. 8:3) Pereżempju, meta konna nżuruhom, konna norqdu viċin id-dar tagħhom fil-vann tagħna li kien Volkswagen Kombi. U avolja l-aħwa kienu fqar ħafna, dejjem kienu jaraw li jkollna kollox. L-iktar ħin li kien jogħġobna kien filgħaxija, meta jien u marti konna npoġġu bilqiegħda u noqogħdu nitkellmu dwar x’ġara matul il-ġurnata. Imbagħad konna nirringrazzjaw lil Ġeħova talli jkun ħa ħsiebna.
Ann-Catrin: Għalija, l-isbaħ barka kienet li sirna nafu lil aħwa minn madwar id-dinja kollha. Aħna tgħallimna lingwi ġodda inkluż il-Farsi, il-Franċiż, il-Luganda, u s-Swaħili, u tgħallimna dwar ħafna kulturi differenti. Għenna aħwa ġodda jsiru maturi, għamilna ħbieb veri, u ħdimna “spalla maʼ spalla” magħhom fis-servizz tagħna lil Ġeħova.—Sof. 3:9.
Rajna ħafna affarijiet tal-għaġeb li ħalaq Ġeħova. Kull darba li konna naċċettaw inkarigu ġdid, konna nħossu li Ġeħova qisu qed jiħodna fuq avventura ġdida. Hu għallimna affarijiet li qatt ma konna se nitgħallmu weħidna.
Nippritkaw f’postijiet differenti fit-Tanzanija
Xi sfidi kellkom, u kif irnexxielkom tissaportu?
Mats: Matul is-snin, imradna b’mard bħal malarja. U Ann-Catrin kellha tagħmel xi operazzjonijiet li ma konniex qed nistennewhom. Konna ninkwetaw ħafna dwar il-ġenituri tagħna, peress li kienu qed jikbru. Vera napprezzaw li tal-familja ħadu ħsiebhom meta aħna konna fl-inkarigi tagħna. Huma ħadu ħsieb il-ġenituri tagħna bil-paċenzja, ferħ, u mħabba. (1 Tim. 5:4) Imma xi kultant, xorta konna nħossuna mdejqin għax konna ’l bogħod u xtaqna li stajna nagħmlu iktar għalihom.
Ann-Catrin: Fl-1983, meta konna ż-Zaire, imradt serjament bil-kolera. It-tabib qal lil Mats, “Tħallihiex f’dal-pajjiż!” L-għada qbadna l-uniku ajruplan li sibna għall-Iżvezja. Dan l-ajruplan ma kienx tal-passiġġieri imma li jġorr il-merkanzija.
Mats: Konna bkejna ħafna għax konna ħsibna li ma stajniex nibqgħu missjunarji. Imma avolja t-tabib kien ħaseb li Ann-Catrin ma kienx se jgħaddilha, maż-żmien għaddielha. U sena wara, stajna nerġgħu mmorru ż-Zaire, din id-darba f’kongregazzjoni żgħira bis-Swaħili f’Lubumbashi.
Ann-Catrin: Meta konna Lubumbashi, ħriġt tqila u tlift it-tarbija qabel twieldet. Għalkemm ma kellniex f’moħħna li jkollna tfal, xorta kont imdejqa ħafna li kont tlift it-tarbija. Imma f’dak iż-żmien diffiċli, Ġeħova tana rigal li ma konniex qed nistennewh. Aħna bdejna iktar studji tal-Bibbja minn qabel. F’inqas minn sena, il-pubblikaturi minn 35 żdiedu għal 70, u għal-laqgħat minn 40 bdejna nkunu 220. Kellna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol tal-ippritkar u Ġeħova berikna. Dan għenni nħossni aħjar. Aħna għadna naħsbu dwar it-tarbija tagħna u nitkellmu dwarha. Vera nħarsu ’l quddiem biex naraw kif Ġeħova se jneħħilna dan l-uġigħ fil-Ġenna tal-art.
Mats: Wara xi żmien, Ann-Catrin bdiet tħossha għajjiena ħafna. Jien qabadni kanċer stage-four fil-musrana u kelli bżonn operazzjoni kbira. Issa qed inħossni aħjar u Ann-Catrin qed tagħmel kulma tistaʼ biex taqdi lil Ġeħova.
Maż-żmien rajna li mhux aħna biss ngħaddu minn provi. Wara li nqatlu ħafna nies fil-ġenoċidju tal-1994 fir-Rwanda, morna nżuru ħafna aħwa fil-kampijiet tar-refuġjati. Meta rajna l-fidi tagħhom, l-ospitalità, u kemm kienu qed jissaportu, tgħallimna li Ġeħova jistaʼ jgħin lin-nies tiegħu jgħaddu minn xiex jgħaddu.—Slm. 55:22.
Ann-Catrin: Prova oħra kienet meta morna għad-dedikazzjoni tal-uffiċċju tal-fergħa tal-Uganda fl-2007. Wara l-programm, aħna konna maʼ grupp taʼ missjunarji u beteliti. Konna 25 qed nivvjaġġaw flimkien lejn Nairobi, il-Kenja. Qabel ma dħalna l-Kenja, trakk li kien ġej minn faċċata daħal ġo fina. Ix-xufier u ħames aħwa mietu mad-daqqa u oħt mietet ftit wara l-isptar. Kemm inħarsu ’l quddiem biex nerġgħu naraw lill-ħbieb tagħna!—Ġob 14:13-15.
Għalkemm l-effetti fiżiċi fiequ, jiena, Mats, u xi aħwa oħra bqajna nbatu minn ansjetà kbira minħabba t-trawma li konna għaddejna minnha. Jiena kien ikolli attakki taʼ ansjetà billejl. Kont inqum u nħoss li qisu qed itini attakk tal-qalb. Vera kont nibżaʼ. Imma xi ħaġa li għenitna nħossuna kalmi kienet li konna nitolbu lil Ġeħova mill-qalb u naqraw u nimmeditaw fuq ftit mill-iktar skritturi li jogħġbuna. Xi ħaġa li għenitna wkoll kienet li ħadna għajnuna professjonali. Illum m’għadx għandna ansjetà daqs kemm kellna, u nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna nkunu taʼ sapport għal dawk li jbatu minn din it-tip taʼ ansjetà.
Int għedt li stajtu tissaportu żmien diffiċli għax Ġeħova ġarrkom bħalma xi ħadd iġorr bajd nej. X’ridt tfisser?
Mats: Għedt hekk, għax bis-Swaħili jgħidu, “Ġarrna bħalma jġorr bajd nej.” Bħalma xi ħadd joqgħod attent meta jġorr il-bajd nej ħalli ma jinkisirx, Ġeħova bi mħabba għenna f’kull inkarigu li kellna. Dejjem kellna l-bżonnijiet, u anki iktar. Mod kif ħassejna l-għajnuna u l-imħabba taʼ Ġeħova kien b’kemm kienet tifhimna l-Ġemgħa li Tiggverna.
Ann-Catrin: Nixtieq insemmi eżempju taʼ meta Ġeħova wera kemm iħobbna. Darba rċivejt telefonata u qaluli li missieri, li kien l-Iżvezja, kien qiegħed l-isptar fil-kura intensiva. Mats kien għadu qed jirkupra mill-malarja. Ma kellniex biżżejjed flus biex nixtru l-biljetti ħalli mmorru ħdejn missieri, allura ddeċidejna li nbigħu l-karozza tagħna. Imbagħad kellna żewġ telefonati oħra. Waħda minn koppja li semgħet minn xiex konna għaddejjin u xtaqet tħallsilna biljett. U l-oħra kienet mingħand oħt kbira fl-età li faddlet xi flus ġo kaxxa u fuqha kitbet “Għal meta xi ħadd ikollu bżonn.” Fi ftit minuti, Ġeħova rranġalna s-sitwazzjoni kollha!—Lhud 13:6.
X’tgħallimtu f’dawn il-50 sena taʼ servizz full-time?
Fl-inkarigu l-ġdid tagħna fil-Myanmar
Ann-Catrin: Jien tgħallimt li biex inkunu b’saħħitna kellna ‘nibqgħu kalmi u nafdaw’ f’Ġeħova. Meta nafdaw fih, hu se jiġġieled għalina. (Isa. 30:15; 2 Kron. 20:15, 17) Peress li qdejna lil Ġeħova bl-aħjar mod li stajna f’kull inkarigu li kellna, aħna rċivejna ħafna iktar barkiet milli qatt stajna rċivejna kieku għamilna xi ħaġa oħra.
Mats: L-ikbar lezzjoni li tgħallimt kienet li nafda f’Ġeħova f’kull sitwazzjoni u nara kif se jgħinni. (Slm. 37:5) Hu dejjem żamm il-wegħdi tiegħu. Hu għadu qed jgħinna sal-lum fl-inkarigu tagħna f’Betel tal-Myanmar.
Aħna nixtiequ li ħafna żgħażagħ li jridu jaħdmu iktar għal Ġeħova jħossu l-istess imħabba u lealtà li wera magħna. Dan jistgħu jesperjenzawh jekk iħallu lil Ġeħova jgħinhom jaġġustaw u jkunu ferħanin f’kull inkarigu li jkollhom.