Kont Taf?
Il-qassisin fit-tempju taʼ Ġerusalemm x’kienu jagħmlu bid-demm tal-annimali wara li joqtluhom fuq l-artal?
FI ŻMIEN l-Iżraelin, kull sena l-qassisin kienu joffru eluf taʼ annimali bħala sagrifiċċju fuq l-artal tat-tempju. Studjuż Lhudi jismu Ġużeppi Flavju kiteb li fil-Qbiż kienu jinqatlu iktar minn 250,000 ħaruf għas-sagrifiċċji. Allura kien hemm ħafna demm li jrid jintrema. (Lev. 1:10, 11; Num. 28:16, 19) X’kienu jagħmlu bih id-demm?
L-arkeoloġi fittxew madwar it-tempju taʼ Erodi li nqered fis-sena 70 wara Kristu (WK). Hemm sabu sistema tad-dranaġġ li minnha kien jgħaddi d-demm u joħroġ barra mit-tempju.
Ara żewġ affarijiet li kienu jgħinu biex l-artal jinżamm nadif:
Toqob fl-art tal-artal: Il-Mixnaa tiddeskrivi kif kienet is-sistema tad-dranaġġ taħt l-art. Din tgħid li f’kantuniera minnhom tal-artal kien hemm żewġ toqob. Id-demm tas-sagrifiċċji u l-ilma li kienu jużaw biex inaddfu l-artal kien imur fit-toqob u jibqaʼ sejjer fil-Wied taʼ Kidron.
L-arkeoloġi fi żminijiet iktar riċenti jaqblu maʼ dak li qalet il-Mixna. Il-ktieb The Cambridge History of Judaism jikkonferma li sabu sistema tad-dranaġġ viċin it-tempju li probabbilment kienet tintuża biex ineħħu d-demm tas-sagrifiċċji u l-ilma mill-artal.
Ħafna ilma: Il-qassisin kellhom bżonn ħafna ilma biex inaddfu l-artal u biex is-sistema tad-dranaġġ tibqaʼ nadifa. Dan l-ilma kien jiġi mill-belt taʼ Ġerusalemm permezz taʼ kanali, akwidotti, bjar, u għadajjar tal-ilma. L-arkeologu Joseph Patrich jgħid li f’dak iż-żmien, jidher li ma kienx hemm tempju ieħor li kellu sistema daqshekk tajba li tipprovdi ilma nadif u tneħħi l-ilma maħmuġ.
[Nota taʼ taħt]
a Il-Mixna hi ktieb dwar il-liġijiet u t-tradizzjonijiet tal-Lhud, u nkitbet wara s-sena 200.