Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Għala hemm bżonn l-għaqal meta niġu biex nużaw kollegament bit-telefon għal-laqgħat tal-kongregazzjoni?
Ħafna kongregazzjonijiet ikollhom individwi li kultant ma jkunux jistgħu jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni fis-Sala tas-Saltna minħabba mard jew ċirkustanzi oħrajn li ma jistgħux jiġu evitati. Għalhekk, saru arranġamenti biex dawn l-uħud ikunu jistgħu jisimgħu l-laqgħa mid-dar permezz taʼ kollegament bit-telefon. Hemm bżonn l-għaqal u l-organizzar bir-reqqa biex l-aħwa responsabbli jkunu ċerti li dan il-provvediment taʼ mħabba jintuża minn dawk li tassew għandhom bżonnu. Għalhekk, l-anzjani li jieħdu ħsieb arranġament bħal dan għandhom jorganizzaw l-użu tiegħu u jiċċekkjawh ħalli jaraw li “jsir kollox bid-deċenza u bl-ordni.”—1 Kor. 14:40.
L-anzjani se jaraw li tingħata prijorità lil pubblikaturi fil-kongregazzjoni li għandhom mard kroniku jew xi tip ieħor taʼ nuqqas taʼ saħħa jew li minħabba xi raġunijiet oħrajn ma jistgħux joħorġu mid-dar. Pubblikatur li jkun temporanjament marid jew diżabilitat, jew student tal-Bibbja progressiv li ma jistax joħroġ mid-dar, jistaʼ bl-istess mod jibbenefika minn dan il-provvediment u jiġi magħdud mal-attendenza. Meta ma jkunx hemm biżżejjed linji telefoniċi biex jintlaħaq kull min tassew għandu bżonn l-arranġament, forsi jistgħu jsiru arranġamenti oħrajn bħal li jiġi provdut rekording tal-laqgħa.
M’għandniex xi ngħidu, xejn ma jistaʼ jitqabbel mal-ġid li niksbu meta nkunu preżenti fil-laqgħat tagħna. Meta nissieħbu fis-Sala maʼ ħutna, aħna “ninkuraġġixxu lil xulxin” u l-ġodda jiġu megħjunin jifhmu aħjar kemm hu importanti li jattendu. Meta nkunu preżenti fil-laqgħat tagħna, niksbu iktar ġid mit-turijiet li jkun hemm, l-anzjani jkunu jistgħu jgħinuna personalment, u aħna nesperjenzaw personalment l-imħabba li tqawwi l-qalb tal-fratellanza tagħna. Kemm huma minnhom is-sentimenti taʼ waħda oħt anzjana li, wara li xi ħadd għannaqha hi u ħierġa mis-Sala tas-Saltna, qalet: “Din ma tistgħux tagħtuhieli minn fuq it-telefon!”—Rum. 1:11, 12.
Bħal Anna li “qatt ma kienet tonqos mit-tempju,” illum, ħafna wħud imdaħħlin fiż-żmien ikunu preżenti regolarment għal-laqgħat Kristjani sakemm jippermettulhom saħħithom u ċ-ċirkustanzi tagħhom. (Lq. 2:36, 37) Waqt li jużaw il-kollegament bit-telefon meta jkun hemm bżonn, huma ma jħarsux lejn dan l-arranġament bħala alternattiva konvenjenti biex ma jattendux il-laqgħat fis-Sala tas-Saltna. Biex nimitaw l-eżempju mill-aqwa tagħhom, jalla nkomplu nitgħaxxqu f’li nagħmlu sforz biex inkunu preżenti personalment għal-laqgħat tagħna hekk kif inqimu lill-Alla l-kbir tagħna, Ġeħova.—Salm 95:1-3, 6; 122:1.