‘Tkellem il-Kelma t’Alla bla Biżaʼ’
1 Ġieli toqgħod taħsibha biex titkellem dwar il-fidi tiegħek meta tiġik l-opportunità l-iskola jew fuq ix-xogħol? Issib diffikultà biex tagħti xiehda informali lill-qraba u, l-ġirien jew lin-nies li ma tafhomx? X’se jgħinna lkoll biex nieħdu vantaġġ minn okkażjonijiet xierqa ħalli ‘nitkellmu l-kelma t’Alla bla biżaʼ’?—Flp. 1:14.
2 Iżżommx Lura: Iżżomm lura kieku int milli tiddefendi lil xi ħabib tal-qalb jew xi qarib li jkun ġie akkużat b’mod falz? Ġeħova, l-eqreb Ħabib tagħna, ġie rappreżentat ħażin bil-kbir matul is-sekli. Aħna għandna l-privileġġ uniku li nagħtu xiehda f’isem l-Alla l-kbir tagħna! (Is. 43:10-12) L-imħabba kbira għal Ġeħova tistaʼ tgħinna nkampaw mal-mistħija jew il-biżaʼ u tistaʼ tqanqalna biex nitkellmu minflok ma nżommu lura milli nagħtu xiehda bil-qlubija dwar il-verità.—Atti 4:26, 29, 31.
3 Ftakar li l-messaġġ tagħna hu aħbar tajba. Dan se jġib benefiċċji dejjiema għal kulmin jagħti widen. Hekk kif niffokaw fuq il-valur tax-xogħol taʼ l-ippridkar minflok fuqna nfusna jew fuq dawk li jopponuna se niġu megħjunin nippridkaw bil-qlubija.
4 Eżempji t’Oħrajn: Nistgħu nissaħħu meta nikkunsidraw il-ħajja leali t’oħrajn li tkellmu l-kelma t’Alla bla biżaʼ. Per eżempju, Ħenok ipproklama b’kuraġġ il-ġudizzju taʼ Ġeħova kontra l-midinbin li ma kellhomx devozzjoni lejh. (Ġuda 14, 15) Noè ppriedka lealment lin-nies kollhom apatija. (Mt. 24:37-39) Il-Kristjani taʼ l-ewwel seklu li kienu “komuni u taʼ ftit skola” baqgħu jippridkaw minkejja oppożizzjoni ħarxa. (Atti 4:13, 18-20) Minn żmien għal żmien, il-pubblikazzjonijiet tagħna jkun fihom bijografiji taʼ żmienna taʼ dawk li għelbu l-biżaʼ mill-bniedem billi eżerċitaw fidi f’Ġeħova u saru evanġelizzaturi żelużi.
5 Nistgħu ninkuraġġixxu ruħna billi nikkunsidraw il-ħajja tal-qaddejja leali tal-qedem li ffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli. (1 Slat. 19:2, 3; Mk. 14:66-71) Huma ‘għamlu l-qalb permezz t’Alla tagħna’ u tkellmu bla biżaʼ. L-istess nistgħu nagħmlu aħna!—1 Tess. 2:2.