Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
BILLI nimxu fuq l-eżempju taʼ Ġesù, aħna b’ħerqa nitolbu lil Alla: “Ħa jitqaddes ismek.” Ix-xewqa qawwija li għandna biex ngħixu fi qbil maʼ din it-talba tidher mill-mod kif ngħixu ħajjitna bħala Xhieda taʼ Ġeħova. M’għandniex xi ngħidu, m’huwiex biżżejjed li sempliċement inkunu nafu l-isem t’Alla. Aħna għandna nieħdu vantaġġ minn kull opportunità biex nigglorifikaw dan l-isem. Tabilħaqq, l-akbar unur li nistgħu ngawdu huwa dak li niġu msejħin wieħed jew waħda mix-Xhieda taʼ Ġeħova.—Mt. 6:9; Is. 43:10.
Fi qbil maʼ Salm 110:3 (Saydon), in-nies taʼ Ġeħova minn rajhom qed jieħdu sehem fix-xogħol li Ġeħova kkmanda li jrid isir. Nies taʼ kull età u sfond għala qed jużaw il-ħin tagħhom fix-xogħol taʼ l-ippridkar? Primarjament, minħabba l-imħabba li għandhom għal Alla u d-devozzjoni persunali tagħhom lejh. Dewteronomju 6:5, 6 jagħtina l-kmand biex inħobbu lil Ġeħova ‘b’qalbna kollha, b’ruħna kollha u b’saħħitna kollha.’ Din l-imħabba mill-qalb tqanqalna nużaw il-ħin, l-enerġija, u r-riżorsi tagħna biex nappoġġaw is-Saltna t’Alla, u dan jinkludi s-sehem tagħna bis-sħiħ fil-ministeru, skond kemm jippermettu ċ-ċirkustanzi tagħna.
L-imħabba taʼ Ġeħova għall-umanità timmotivah jagħti ddirezzjoni biex l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu tiġi dikjarata mad-dinja kollha. Hu ma jridx li xi ħadd jinqered iżda jixtieq li kulħadd jindem mit-triq tiegħu u jdur lejn il-Ħallieq tiegħu sabiex jikseb il-ħajja. (2 Pt. 3:9) Ġeħova jgħid: “Ma nitgħaxxaqx b’mewt il-midneb, imma bir-reġgħa lura tiegħu minn triqtu biex jgħix.” (Eżek. 33:11) Meta nieħdu sehem fil-ministeru, aħna nkunu qed nagħtu evidenza taʼ l-imħabba taʼ Ġeħova għal sħabna l-bnedmin. Bla dubju taʼ xejn, dan il-fatt jikkontribwixxi għall-ferħ u s-sodisfazzjon li nesperjenzaw meta nieħdu sehem f’dan ix-xogħol importanti.
L-imħabba kbira tagħna għal Ġeħova tintwera wkoll mill-ħarsa tagħna lejn il-Kelma ispirata tiegħu, l-Iskrittura Mqaddsa. Mingħajr il-Bibbja, ma stajniex insiru nafu lil Alla u nersqu qrib lejh, bħalma jistidinna nagħmlu Ġakbu 4:8. U lanqas ma konna nkunu nafu għala qegħdin hawn u x’se jiġri fil-futur. Ma konniex inkunu nafu li Adam, l-antenat in komuni tagħna, huwa s-sors tal-problemi tagħna. (Rum. 5:12) Lanqas ma konna nkunu nafu dwar l-imħabba kbira t’Alla meta pprovda lill-Iben uniġenitu tiegħu bħala fidwa għalina. Ġeħova qed jaqsam magħna ftit mill-għarfien, l-għerf, u l-fehma tiegħu b’ħafna iktar modi. Kemm ngħożżu l-għotja li tana, il-Kelma tiegħu ispirata mill-ispirtu! L-apprezzament tagħna għal din l-għotja mill-isbaħ iqanqalna ‘nużaw il-ħin’ biex naqraw, nistudjaw, u nimmeditaw fuq il-kliem tiegħu. (Efes. 5:15, 16; Salm 1:1-3) M’għandna qatt niddejqu nqattgħu l-ħin biex naqraw il-Kelma t’Alla kuljum. Minflok, l-imħabba tagħna għal Alla għandha tiġbidna lejn il-Kelma tiegħu, u tagħtina l-possibbiltà li nkabbru l-fehma tagħna dwaru u nżidu l-imħabba tagħna għalih.
Mill-Bibbja aħna tgħallimna li meta Adam dineb kontra Ġeħova, hu ġab lin-nisel futur kollu tiegħu, inkluż kull wieħed u waħda minna, f’sitwazzjoni terribbli u bla tama. Madankollu, Alla setaʼ jipprovdi, kif fil-fatt għamel, soluzzjoni għall-umanità billi ħa passi biex jiżgura li l-iskop tiegħu għall-art jitwettaq.—Ġen. 3:15.
Bla dubju, ilkoll kemm aħna għandna xewqa qawwija biex inqaddsu l-isem meraviljuż taʼ l-Alla tagħna. Hekk kif nitgħallmu iżjed u iżjed dwar kemm Ġeħova hu Alla taʼ lgħaġeb, aħna nitqanqlu biex nikkooperaw miegħu u maʼ l-organizzazzjoni tiegħu ħalli nagħmlu l-isem u l-iskop grandjużi tiegħu magħrufin. Aħna nsiru iktar u iktar fiduċjużi li għandna l-approvazzjoni u lappoġġ tiegħu issa u li se jkollna futur bla tmiem fid-dinja l-ġdida.
Għeżież aħwa, aħna l-membri tal-Ġemgħa li Tiggverna nixtiequ niżgurawkom mill-imħabba tagħna għalikom. Nixtiequ wkoll nesprimu l-apprezzament profond tagħna għall-isforzi ħabrieka tagħkom biex tużaw iż-żmien li fadal qabel “it-tribulazzjoni l-kbira” ħalli tilħqu kemm jistaʼ jkun nies bl-aħbar tajba. (Riv. 7:14) Billi tagħmlu hekk, se tagħtuhom l-istess opportunità li rċivejtu intom, dik li jieħdu għarfien li jwassal għall-ħajja taʼ dejjem dwar Alla u dwar Kristu.—Ġw. 17:3.
Ħutkom,
Il-Ġemgħa li Tiggverna tax-Xhieda taʼ Ġeħova