Ittra mill-Uffiċċju
Għeżież Pubblikaturi tas-Saltna:
Matul is-sena taʼ servizz 2004 tassew kellna ħafna x’nagħmlu fix-xogħol taʼ Jehovah. (1 Kor. 15:58) Jekk nirriflettu fuq ftit mill-istatistiċi, se niġu megħjunin biex napprezzaw dak li twettaq. Ħafna minnkom ħadtu sehem fix-xogħol taʼ pijunier awżiljarju flimkien mal-pijunieri regulari u speċjali u missjunarji. Kif ukoll ma rridux ninsew lil dawk li jaħdmu f’Betel. Ix-xogħol tagħhom jikkontribwixxi direttament għall-produzzjoni u t-tqassim taʼ l-ikel spiritwali li għandna bżonn. (Sof. 3:9, New World Translation) Aħna lkoll napprezzaw is-sagrifiċċji li dawn l-aħwa jagħmlu. Minħabba li jħobbu lil Jehovah u lill-ġirien tagħhom, dawn l-uħud warrbu ambizzjonijiet u karrieri fid-dinja. Napprezzaw ukoll il-kontribut tal-familji tagħhom li wkoll jappoġġawhom fl-inkarigu li għandhom.—Mħ. 11:35-40, NW.
Rajna wkoll tkabbir kontinwu fl-għalqa barranija fejn qed jiġu kondotti iktar minn 50 studju tal-Bibbja u għandhom attendenza regulari taʼ iktar minn 70 ruħ għat-taħdita pubblika. Kellna wkoll quċċata ġdida għall-attendenza tat-Tifkira taʼ 983 ruħ. Fl-istaġun tat-Tifkira kien hemm 132 li qdew bħala pijunieri awżiljarji—xi wħud għal iktar minn xahar. Filwaqt li nħarsu ’l quddiem għal din is-sena taʼ servizz, ejjew nitolbu lil Jehovah biex minkejja kemm għandna żmien jew hi x’inhi s-sitwazzjoni tagħna, infittxu modi kif nistgħu nżidu s-sehem tagħna fix-xogħol tant importanti taʼ l-ippridkar. (Mt. 7:7; 10:11) Aħna nistennew b’ħerqa li jkollna ħafna x’nagħmlu għaliex dan iġib ferħ u barkiet.
Ħutkom,
L-Uffiċċju taʼ Malta