Fdati bl-Aħbar Tajba
1 Kemm aħna privileġġati li ġejna fdati bl-evanġelju, jew bl-aħbar tajba, t’Alla! (1 Tess. 2:4) Filwaqt li xi wħud għandhom mnejn jirrifjutaw dan il-messaġġ qawwi, uħud taʼ qalb onesta jinġibdu lejh bħalma jinġibdu lejn fwieħa ħelwa. (2 Kor. 2:14-16) Għal dawk li jaċċettaw u jobdu l-aħbar tajba, din tfisser salvazzjoni. (Rum. 1:16) X’għandna nagħmlu bl-aħbar tajba li ġejna fdati biha?
2 Ġesù u l-Appostli: Ġesù poġġa l-ipproklamar taʼ l-aħbar tajba fl-ewwel post. (Lq. 4:18, 43) Anki meta kien għajjien u bil-ġuħ, l-imħabba lejn in-nies u l-apprezzament għall-messaġġ qanqluh biex jaqsmu maʼ oħrajn. (Mk. 6:30-34) B’dak li qal u għamel, hu daħħal f’moħħ id-dixxipli tiegħu l-importanza tax-xogħol taʼ l-ippridkar tas-Saltna.—Mt. 28:18-20; Mk. 13:10.
3 L-appostli ddikjaraw il-messaġġ tas-Saltna biż-żelu, bħalma għamel Ġesù. Anki meta sawtuhom u ordnawlhom biex ma jibqgħux jippridkaw, baqgħu “jgħallmu u jxandru bla waqfien.” (Atti 5:40-42) L-appostlu Pawlu ħadem bla waqfien f’dan ix-xogħol. (1 Kor. 15:9, 10; Kol. 1:29) Hu qabbel il-privileġġ li jxandar l-evanġelju maʼ obbligu li għandu lejn sħabu l-bnedmin, u kien lest li jiċċaħħad minn dak li kien jaqbel lilu biex b’hekk setaʼ jwettaq dan il-privileġġ.—Atti 20:24; Rum. 1:14-16.
4 Il-Privileġġ Tagħna Llum: Apprezzament għax-xogħol sagru li ġejna fdati bih se jqanqalna biex infittxu modi kif inkabbru s-sehem tagħna fix-xogħol taʼ l-ippridkar. (Rum. 15:16) Edward, li kien jinsab f’siġġu tar-roti, kien ipoġġi fid-daħla taʼ lukanda u kien joqgħod ikellem lin-nies li kienu qed joqogħdu hemm dwar il-fidi tiegħu. Madankollu, minħabba li ried jagħmel iktar minn dan, ra kif ikollu kabina speċjali mibnija fuq trakk miftuħ u bil-ġnub baxxi, u permezz taʼ din il-vettura, setaʼ jkun pijunier għal bosta snin, u vvjaġġa eluf taʼ kilometri biex jagħmel dan. Bħal Edward, ħafna wħud illum aġġustaw iċ-ċirkustanzi tagħhom biex ikollhom sehem iktar sħiħ fix-xandir taʼ l-aħbar tajba.
5 Bħalma għamlu Ġesù u l-appostli, jalla aħna llum dejjem nagħtu prijorità f’ħajjitna lix-xogħol taʼ l-ippridkar. Jekk nagħmlu hekk, se nuru l-imħabba tagħna lejn in-nies kif ukoll l-apprezzament tagħna għall-aħbar tajba fdata lilna.