LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • km 3/03 p. 7
  • Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ittra Mingħand il-Ġemgħa li Tiggverna
  • Il-Ministeru tas-Saltna—2003
Il-Ministeru tas-Saltna—2003
km 3/03 p. 7

Ittra Mingħand il-​Ġemgħa li Tiggverna

Għeżież Ħutna:

KEMM nieħdu gost niktbulkom! Infaħħrukom għas-​sagrifiċċju persunali u għall-​imħabba li qed tkomplu turu. Se taraw mill-​paġni tal-​Yearbook taʼ din is-​sena li sar ħafna ġid matul l-​aħħar sena taʼ servizz. Għal darb’oħra, qattajna iktar minn biljun siegħa fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar u t-​tagħlim, inħeġġu lin-​nies direttament biex jersqu qrib taʼ Jehovah. M’aħniex onorati li qed naħdmu bi sħab maʼ dak Alla glorjuż, Missierna tas-​sema?—1 Kor. 3:9.

Hekk kif inħarsu lejn ix-​xogħol li hemm quddiemna, ninsabu fiduċjużi li intom se tkomplu timitaw iż-​żelu u l-​fidi tal-​qaddejja t’Alla, bħalma hu spjegat fil-​Bibbja. Per eżempju, l-​appostlu Pawlu kien ħerqan li jkun effettiv kemm jistaʼ jkun ħalli javanza l-​interessi tas-​Saltna. Jidher ċar li kien waqt l-​aħħar sena tiegħu f’Efesu li kiteb l-​ewwel ittra lill-​kongregazzjoni Kristjana f’Korintu. Hu kiteb dwar il-​pjanijiet immedjati tiegħu: “Nieqaf Efesu sa Għid il-​Ħamsin. Hemm bieb kbir miftuħ għalija, fejn nistaʼ naħdem sewwa, għad li hemm ħafna kontra tiegħi.”—1 Kor. 16:​8, 9.

Pawlu kien ippjana li jivvjaġġa lejn il-​Maċedonja u Korintu. Madankollu, hu għaraf li kellu opportunità biex jagħmel xogħol siewi billi jibqaʼ f’Efesu għal xi żmien. Pawlu kien flessibbli; ra sitwazzjoni favorevoli li fiha setaʼ javanza l-​interessi tas-​Saltna preċiż minfejn kien, u allura rranġa l-​iskeda tiegħu sabiex ikun jistaʼ jagħmel dan. Infetaħlu bieb kbir li jwassal għall-​attività, u Pawlu kien ħerqan biex jieħu vantaġġ mill-​opportunità li jidħol minnu.

Dan kien jirrikjedi ħafna xogħol—kemm li jippriedka l-​aħbar tajba kif ukoll li jinkuraġġixxi lill-​kongregazzjoni t’Efesu. Iktar tard, lill-​irġiel ixjeħ tal-​kongregazzjoni f’dik il-​belt, Pawlu qalilhom: “Qatt ma bżajt nurikom dak li hu taʼ fejda għalikom u ngħallimkom kemm fil-​beraħ u kemm fid-​djar, u nwissi lil-​Lhud u lill-​Griegi li għandhom jindmu u jduru lejn Alla u jemmnu fil-​Mulej tagħna Ġesù.”—Atti 20:​20, 21.

Bl-istess mod, ħafna minnkom l-​aħwa tant għeżież ħadtu vantaġġ mill-​opportunitajiet li nfetħu quddiemkom. Bħala medja, matul l-​aħħar sena taʼ servizz, 798,938 minn ħutna rnexxielhom jirranġaw iċ-​ċirkustanzi tagħhom sabiex jieħdu sehem f’xi forma taʼ ministeru bħala pijunieri. Xi wħud minnkom ivvjaġġajtu sa truf l-​art sabiex taqdu bħala missjunarji. Qed ixxerrdu l-​aħbar tajba u tibnu l-​kongregazzjonijiet b’mod żeluż. Oħrajn minnkom tgħallimtu lingwa oħra sabiex tkunu tistgħu tgħinu lin-​nies taʼ lingwa barranija li jgħixu fil-​qrib. U jerġaʼ oħrajn irranġaw iċ-​ċirkustanzi tagħhom biex jaħdmu f’territorju li m’huwiex assenjat jew biex jaqdu fejn il-​bżonn huwa akbar. Xi wħud saħansitra sabu li nfetħilhom bieb kbir t’attività fl-​iskola, fuq ix-​xogħol, jew f’sitwazzjonijiet oħrajn fejn setgħet tingħata xiehda effettiva, bħal per eżempju bit-​telefon. Esperjenzi madwar id-​dinja jixhdu li n-​nies t’Alla, kbar u żgħar, qed ifittxu bil-​ħerqa u jsibu opportunitajiet biex jagħtu l-​għarfien tal-​verità lin-​nies taʼ kullimkien.

Kunu żguri li Jehovah jara l-​isforzi tagħkom u verament japprezzahom. Il-​Bibbja tgħid: “Għax Alla m’hux se jkun hekk inġust li jinsa dak li intom għamiltu u l-​imħabba li wrejtu lejn ismu.” (Lhud 6:10) Ibqgħu attenti għal opportunitajiet li jħallukom tavanzaw il-​qima pura. Xi wħud minnkom għandkom mnejn tistgħu żżidu fil-​ministeru tagħkom. Ilkoll kemm aħna nistgħu nistinkaw biex nagħmlu l-​ministeru tagħna iktar effettiv.

L-inkarigu tagħna taʼ l-​ippridkar ma nwettquhx mingħajr oppożizzjoni. Ftakru li wara li Pawlu tkellem dwar bieb kbir t’attività li kien infetaħlu, hu kiteb: “Hemm ħafna kontra tiegħi.” Għal Pawlu, dawk li kienu kontrih kienu kemm Lhud kif ukoll Ġentili, uħud li attakkawh fil-​beraħ u oħrajn li kkonfoffaw kontrih minn taħt.—Atti 19:​24-28; 20:​18, 19.

Aħna niffaċċjaw sitwazzjoni simili llum. Hekk kif qegħdin noqorbu lejn il-​qerda taʼ din is-​sistema ħażina, nistennew li l-​oppożizzjoni tiżdied. Satana huwa mimli “b’korla kbira,” u din il-​korla hija mmirata b’mod speċjali kontra dawk li jaqdu ’l Alla. (Apk. 12:12) Tinsew qatt li Satana huwa “l-​Prinċep tad-​dinja.” Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Kieku intom kontu tad-​dinja, id-​dinja kienet tħobbkom bħalma tħobb dak li hu tagħha; iżda billi m’intomx tad-​dinja, għax jien ħriġtkom mid-​dinja, id-​dinja tobgħodkom.”—Ġw. 14:30; 15:19.

Aħna determinati li ma nħallu lil ħadd idgħajjef il-​fidi tagħna f’Alla jew jagħmilna inqas attivi fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar. Nafu li se jibqaʼ jkun hemm min jattakkana jew jippjana xi ħaġa kontrina. Madankollu, aħna nibqgħu għaddejjin bl-​aħbar tajba tas-​Saltna minkejja d-​diffikultajiet, fiduċjużi li Ġesù se jeqred lil Satana u lill-​ġemgħat tiegħu meta Jehovah jgħid li wasal il-​waqt. Dawk li jopponu ma sikktuhx lil Pawlu u lanqas m’huma se jsikktu lill-​qaddejja taʼ Jehovah illum. Minkejja l-​korla tax-​Xitan u l-​mibegħda tad-​dinja, l-​ispirtu taʼ Jehovah qed jaħdem b’qawwa fost il-​poplu Tiegħu. Kemm fraħna meta sirna nafu li l-​ammont taʼ dawk li qed jipproklamaw l-​aħbar tajba laħaq il-​quċċata ġdida taʼ 6,304,645!

Fit-talb tagħna nitolbu li tkomplu tieħdu vantaġġ mill-​opportunitajiet biex tavanzaw l-​interessi tas-​Saltna meraviljuża taʼ Jehovah. Ibqgħu ċerti li bl-​imħabba kollha naħsbu fikom individwalment hekk kif ninsabu weqfin “spalla maʼ spalla” fis-​servizz taʼ dak Alla l-​Iktar Għoli, Jehovah.—Sof. 3:​9, NW.

Ħutkom,

Il-​Ġemgħa li Tiggverna tax-​Xhieda taʼ Jehovah

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1988-2026)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2026 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja