Ibbenefikajna mill-Konvenzjonijiet “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla”
1 Ix-xahar l-ieħor, konna qed nippjanaw biex nattendu l-Konvenzjoni Distrettwali għall-1998 “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla.” Issa saret memorja pjaċevoli f’pajjiżna. Aħna gawdejnieh bis-sħiħ l-ikel spiritwali għani li rċevejna f’din il-laqgħa taʼ l-għaġeb.
2 L-aspett internazzjonali tal-konvenzjonijiet taʼ din is-sena kien tassew eċċitanti. Sew jekk kien hemm missjunarji u delegati oħrajn minn pajjiżi barranin fejn attendejna aħna u sew jekk le, ilkoll kemm aħna smajna esperjenzi mill-aħjar il-Ġimgħa wara nofsinhar fil-parti intitolata “Is-Servizz fl-Għalqa Missjunarja.” Kuljum kien hemm “Rapporti dwar il-Progress tax-Xogħol tal-Ħsad” minn madwar id-dinja li kienu inkuraġġanti ferm.
3 Ħarġiet Ġodda Meraviljużi: L-aħħar taħdita tal-Ġimgħa kienet dwar mistoqsija li numru bla għadd taʼ nies li ma jafux il-verità ilhom jistaqsu: “Hemm Ħajja wara l-Mewt?” Dik it-taħdita wisq interessanti kkonkludiet bil-ħarġa taʼ browxer ġdid, X’Jiġrilna meta Mmutu? S’issa bla dubju qrajnieh u nistgħu naraw kemm se jkun taʼ siwi biex ngħinu lin-nies jaraw il-verità dwar il-kundizzjoni tal-mejtin u f’li jfarraġ bit-tama taʼ l-irxoxt lil uħud li tilfu lil xi ħadd fil-mewt.
4 Il-programm tas-Sibt wara nofsinhar spiċċa bit-taħdita “Il-Ħallieq—Il-Personalità Tiegħu u Triqatu.” Din wasslitna loġikament għall-konklużjoni li bilfors li jeżisti Ħallieq. Biex jgħinna ngħinu lil ħaddieħor japprezzah dan il-fatt, ħareġ il-ktieb Is There a Creator Who Cares About You? (Hemm Ħallieq li Jimpurtah Minnek?) Għalkemm għad m’għandniex dan il-ktieb bil-Malti, aħna ċerti li taqblu li dan se jżidilna l-fidi tagħna stess f’Jehovah u l-apprezzament tagħna għall-personalità tiegħu u għal triqatu. Il-ktieb huwa ddisinjat speċjalment għal dawk li, għalkemm għandhom edukazzjoni għolja fi kwistjonijiet sekulari, għandu mnejn ma jemmnux f’Alla.
5 Riżoluzzjoni mill-Fond taʼ Qalbna: L-aħħar taħdita tal-konvenzjoni enfasizzat il-bżonn għalina lkoll li “Nibqgħu Mexjin fit-Triq taʼ Jehovah.” Kemm kien xieraq li niddikjaraw bil-miftuħ ir-riżoluzzjoni dwar id-determinazzjoni individwali tagħna li dejjem inżommu maʼ, navanzaw, u nippromwovu s-superjorità tal-mod taʼ ħajja t’Alla! (Is. 30:21) Kemm inbnejna spiritwalment billi attendejna l-Konvenzjoni “Il-Mod taʼ Ħajja t’Alla”!