Tgħallem mill-Kelma t’Alla
Għala Għandna Nużaw l-Isem t’Alla?
Dan l-artiklu jqajjem mistoqsijiet li forsi ġieli ħsibt dwarhom u juri fejn tistaʼ ssib it-tweġibiet fil-Bibbja tiegħek. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jieħdu pjaċir jiddiskutu dawn it-tweġibiet miegħek.
1. Alla għaliex ta isem lilu nnifsu?
Bla dubju, int tieħu pjaċir li jsejħulek bl-isem persunali tiegħek minflok b’titlu, bħal pereżempju “raġel,” “sur,” “sinjura,” jew “mara.” Isem jgħin biex jiddistingwik bħala individwu. Alla jissejjaħ b’titli bħal “Mulej Sovran,” “Alla li Jistaʼ Kollox,” u “Ħallieq Grandjuż.” (Ġenesi 15:2; 17:1; Ekkleżjasti 12:1) Barra minn hekk, hu ta isem lilu nnifsu biex jgħinna nibnu relazzjoni personali miegħu. Bil-Malti, l-isem persunali t’Alla hu Ġeħova.—Aqra Isaija 42:8.
Għalkemm ħafna tradutturi tal-Bibbja neħħew isem Alla u floku daħħlu termini bħal “Alla” u “Mulej,” dan l-isem jinsab kważi 7,000 darba fil-manuskritti Ebrajċi tal-qedem tal-Bibbja. B’mod ċar, Alla jrid li ismu jkun magħruf.—Aqra Isaija 12:4.
2. Għala huwa vitali li tkun taf l-isem t’Alla?
Li tkun taf l-isem t’Alla jfisser iktar milli sempliċement tkun taf kif tgħidu. Li tkun taf lil Alla b’ismu jfisser li jkollok relazzjoni mill-qrib miegħu. L-isem Ġeħova jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.” Din hija ċertezza li Alla se jsir dak li jkun hemm bżonn sabiex iwettaq l-iskop tiegħu. Għalhekk, li tkun taf isem Alla jimplika li temmen li Alla jżomm il-wegħdi tiegħu. (Salm 9:10) Il-fidi tan-nies li jafu u li jużaw l-isem t’Alla tqanqalhom jafdaw fih u jpoġġu lilu l-ewwel f’ħajjithom. Alla Ġeħova se jipproteġi lil nies bħal dawn.—Aqra Salm 91:14.
3. Alla għala jrid li ismu jkun magħruf?
Alla jrid li n-nies ikunu jafuh b’ismu għax huwa taʼ ġid għalihom. Dan jippermettilhom isiru l-ħbieb t’Alla, bit-tama li jgħixu għal dejjem. Mhux taʼ b’xejn li Ġeħova jridna nagħmlu ismu magħruf!—Aqra Ġwanni 17:3; Rumani 10:13, 14.
Ġesù għamel isem Alla magħruf billi għallem lin-nies dwar il-modi, il-liġijiet, u l-wegħdi t’Alla. Illum, is-segwaċi taʼ Ġesù jkomplu x-xogħol taʼ li jagħmlu isem Alla magħruf mal-ġnus kollha. Huma jagħmlu dan f’unità bħala “poplu għal ismu [isem Alla].”—Aqra Atti 15:14; Ġwanni 17:26.
4. Alla kif se jigglorifika lil ismu?
Alla Ġeħova jrid jigglorifika lil ismu għax dan ġie mżeblaħ. Pereżempju, xi nies jgħidu li l-ħajja ma ġietx maħluqa minnu u li aħna m’għandniex bżonn nobduh. Oħrajn jgħidu li ma jimpurtahx minna u li hu responsabbli għat-tbatija. Nies bħal dawn jitfgħu dawl ikrah fuq isem Alla. Imma mhux se jagħmlu hekk għal dejjem. Alla se jieħu azzjoni kontra dawk li jġibu diżunur fuq ismu.—Aqra Salm 83:17, 18.
Ġeħova se jigglorifika lil ismu meta Saltnatu ġġib fi tmiemhom il-ħakmiet umani kollha u terġaʼ ġġib il-paċi u s-sigurtà fuq l-umanità. (Danjel 2:44) Dalwaqt, kulħadd se jkollu jkun jaf li Ġeħova huwa l-Alla l-veru.—Aqra Eżekjel 36:23; Mattew 6:9.
X’għandek tagħmel? Ersaq qrib lejn Alla billi tistudja l-Kelma tiegħu u tassoċja maʼ nies li jħobbuh. Meta Ġeħova jigglorifika lil ismu, hu se jiftakar fil-qaddejja leali tiegħu.—Malakija 3:16.
Għal iktar informazzjoni, ara kapitlu 1 taʼ dan il-ktieb, Il-Bibbja X’Tgħallem Verament? pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Stampa f’paġna 16]
Isem Alla f’manuskritt Ebrajk tal-qedem