L-Isfida taʼ l-Umiltà
GĦAL ħafna nies jistaʼ jidher li l-umiltà m’hijiex taʼ benefiċċju fid-dinja taʼ llum. Dawk li jirnexxilhom imexxu lil oħrajn u li jidhru li jagħmlu l-iktar suċċess huma dawk li akkost taʼ kollox jipprovaw dejjem ikunu aħjar minn ħaddieħor, il-kburin, u dawk li jinsistu li tgħaddi tagħhom. Ħafna min-nies jgħiru għat-tip taʼ ħajja li jgħixu s-sinjuri u n-nies famużi, u mhux għat-tip taʼ ħajja li jgħixu n-nies umli u ġwejdin. Normalment dawk li jirnexxu jieħdu pjaċir jiftaħru li waslu għal dan is-suċċess bil-ħila tagħhom stess. Minflok ma jkunu umli, bi kburija jieħdu l-kredtu kollu huma għas-suċċess tagħhom.
Riċerkatur Kanadiż tkellem dwar “l-iżvilupp t’attitudni egoistika u kburija” f’pajjiżu. Oħrajn iħossu li qed ngħixu f’soċjetà fejn il-fatt li wieħed jieħu pjaċir jitqies bħala iktar importanti milli wieħed jgħix b’mod responsabbli u jinnotaw li llum in-nies huma iktar u iktar konċernati dwarhom infushom. F’dinja bħal din, għandu mnejn li l-umiltà ma tidhirx li hija kwalità taʼ min jixtieqha.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna jaqblu li l-umiltà hija kwalità tajba f’oħrajn, ladarba huwa faċli li tingwalaha maʼ nies li jkunu umli. Madankollu, f’din id-dinja kompetittiva, xi wħud jibżgħu li jekk personalment jaġixxu b’umiltà, huma se jidhru dgħajfin quddiem oħrajn.
Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, bassret li fi żmienna n-nies se jkunu “minfuħin bihom infushom, suppervi.” (2 Timotju 3:1, 2) Ma taqbilx int li din il-profezija qed titwettaq? Tistaʼ tara l-valur taʼ li tkun umli? Jew taħseb li xi ħadd umli jistaʼ jidher li huwa dgħajjef, faċli biex tipprofitta ruħek minnu?
Il-fatt huwa li l-Bibbja tagħti raġunijiet tajbin għala għandek tapprezza u tikkultiva l-umiltà. Din tipprovdi ħarsa bilanċjata u pożittiva lejn din il-kwalità u turi li l-umiltà vera hija evidenza taʼ saħħa, mhux taʼ dgħjufija. L-artiklu li jmiss se jispjega għala.
[Stampa f’paġna 3]
Kif għandna nħossuna dwar dak li nwettqu?