“X’Inhi l-Verità?”
IL-GVERNATUR Ruman Ponzju Pilatu b’mod sarkastiku staqsa lil Ġesù din il-mistoqsija. Hu ma kienx interessat fi tweġiba, u Ġesù ma tahilux. Forsi Pilatu kien iħares lejn il-verità bħala xi ħaġa diffiċli wisq biex tifhimha.—Ġwanni 18:38.
Illum ħafna wħud għandhom l-istess nuqqas taʼ rispett lejn il-verità, inkluż mexxejja reliġjużi, edukaturi, u politikanti. Huma jemmnu li l-verità—speċjalment il-verità morali u spiritwali—m’hijiex assoluta imma relattiva u dejjem tinbidel. M’għandniex xi ngħidu, dan jagħtina x’nifhmu li n-nies jistgħu jiddeterminaw għalihom infushom dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin. (Isaija 5:20, 21) Ukoll, dan jagħti l-wisaʼ biex in-nies iwarrbu fil-ġenb bħala antikwati l-valuri u l-livelli morali li ħaddnu l-ġenerazzjonijiet li għaddew.
L-istqarrija li qanqlet lil Pilatu jistaqsi l-mistoqsija tiegħu hi taʼ min jinnotaha. Ġesù kien qal: “Għal dan jien twilidt, u għal dan ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità.” (Ġwanni 18:37) Il-verità għal Ġesù ma kinitx vaga, xi konċett li ma tifhmux. Hu wiegħed lid-dixxipli tiegħu: “Tkunu tafu l-verità, u l-verità teħliskom.”—Ġwanni 8:32.
Fejn tistaʼ ssibha din il-verità? F’okkażjoni minnhom, f’talba lil Alla, Ġesù qal: “Kelmtek hi l-verità.” (Ġwanni 17:17) Il-Bibbja, miktuba taħt ispirazzjoni divina, tirrivela verità li tipprovdi kemm gwida taʼ min joqgħod fuqha u kemm tama ċerta għall-futur—ħajja taʼ dejjem.—2 Timotju 3:15-17.
Pilatu b’indifferenza rrifjuta l-opportunità li jitgħallem din il-verità. Xi ngħidu dwarek? Għala ma tistaqsix lix-Xhieda taʼ Ġeħova x’inhi “l-verità” li Ġesù għallem dwarha? Huma se jkunu ferħanin li jaqsmu din il-verità miegħek.