“Xhud Fidil fis-Sema”
IL-POETI u l-kittieba tal-lirika taʼ l-għanjiet ilhom ħafna żmien jagħtu tifħir lill-qamar bħala oġġett taʼ sbuħija. Per eżempju, għanja ispirata minn Alla titkellem dwar mara li hi “sabiħa donnha l-qamar.” (Għanja taʼ l-Għanjiet 6:10) Ukoll, salmista poetikament isejjaħ lill-qamar “xhud fidil fis-sema.” (Salm 89:37, KŻ) X’inhu s-sinifikat taʼ din l-espressjoni rigward il-qamar?
Il-qamar, mingħajr qatt ma jfalli, idur fl-orbita tiegħu dawra sħiħa madwar id-dinja kull 27.3 ġurnata. Għalhekk, il-lealtà tal-qamar tistaʼ tirreferi għal kemm tistaʼ toqgħod fuqu. Madankollu, is-salmista setaʼ kellu f’moħħu tifsira ħafna iktar profonda. Hu sejjaħ lill-qamar “xhud fidil” f’għanja profetika dwar is-Saltna li Ġesù għallem lis-segwaċi tiegħu biex jitolbu għaliha.—Mattew 6:9, 10.
Iktar minn 3,000 sena ilu, Alla Ġeħova għamel il-patt tas-Saltna mas-Sultan David taʼ Iżrael tal-qedem. (2 Samwel 7:12-16) L-iskop taʼ dan il-patt kien biex jipprovdi bażi legali għal Ġesù Kristu, bħala l-werriet taʼ David, biex ikollu pussess tat-tron għal dejjem. (Isaija 9:6 [9:7, NW]; Luqa 1:32, 33) Billi rrefera għat-tron tan-“nisel” taʼ David, is-salmista għanna: “Iżomm sħiħ għal dejjem bħall-qamar, u bħal xhud fidil fis-sema.”—Salm 89:36, 37, KŻ.
‘Id-dawwala biex taħkem fuq il-lejl’—il-qamar—hija tfakkira adattata dwar il-ħakma permanenti taʼ Kristu. (Ġenesi 1:16, Saydon) Rigward is-Saltna tiegħu, Danjel 7:14 jgħid: “Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix, u saltnatu li ma tinqeridx.” Il-qamar huwa xhud li jfakkarna dwar din is-Saltna u l-barkiet li se ssawwab fuq l-umanità.
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Qamar: NASA photo