Il-Qawwa taʼ l-Ilsien
L-ILSIEN tal-ġiraffa huwa twil madwar 45 ċentimetru u għandu ħeffa u saħħa biżżejjed biex jaqlaʼ l-weraq mill-friegħi tas-siġar. L-ilsien tal-baliena l-kaħla jiżen daqs iljunfant. Immaġina s-saħħa li jrid ikollok biex sempliċement iċċaqalqu!
Meta mqabblin magħhom, id-daqs, it-toqol, u s-saħħa taʼ lsien il-bniedem jidhru insinifikanti. Madankollu, huwa ħafna iktar setgħan. Rigward dan il-membru żgħir tal-ġisem uman, il-Bibbja tgħid: “Fis-setgħa taʼ lsien il-mewt u l-ħajja.” (Proverbji 18:21) Tabilħaqq, kemm-il darba smajna li l-qawwa distruttiva taʼ l-ilsien intużat biex tfassal gideb u testimonjanzi foloz li ġabu qerda, saħansitra mewt, lil vittmi innoċenti?
Bl-istess mod, il-ħbiberiji li kienu ilhom igawdu xi individwi għal żmien twil, tfarrku minħabba kliem li jweġġaʼ. Emozzjonijiet ġew imkissrin minħabba kliem aħrax. “Kemm se ddumu tkidduni, u bi kliemkom tagħsruni?” qal Ġob, li kien ġie mkasbar bil-kbir minn dawk taʼ madwaru. (Ġob 19:2) Id-dixxiplu Ġakbu ta stampa ċara tal-qawwa distruttiva taʼ l-ilsien mhux imliġġem: “L-ilsien hu membru ċkejken u madankollu mimli ftaħir. Ara! Kif jaqbad bosk sħiħ b’daqsxejn nar! Sewwa, l-ilsien hu nar.”—Ġakbu 3:5, 6.
Mill-banda l-oħra, il-qawwa taʼ l-ilsien tistaʼ wkoll tagħti l-ħajja. Kliem kollu empatija u faraġ salva lil xi wħud minn dipressjoni u suwiċidju. Ħafna wħud li kienu jabbużaw mid-droga u kriminali vjolenti ġew skansati minn mewta qabel il-waqt minħabba li applikaw xi pariri siewja li ngħataw. Verament, il-frott taʼ lsien il-ġust huwa “siġra tal-ħajja,” u “bħal tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda, hi l-kelma li tingħad f’waqtha.”—Proverbji 15:4; 25:11.
Madankollu, l-aħjar użu taʼ l-ilsien hu meta nfaħħru lil Alla Ġeħova, niddikjaraw l-aħbar tajba tas-Saltna t’Alla, u ngħallmu l-veritajiet prezzjużi tal-Bibbja lil oħrajn. Għala? Ġesù qal: “Il-ħajja taʼ dejjem tfisser dan: li jieħdu għarfien dwarek, l-uniku Alla veru, u dwar Ġesù Kristu li int bgħatt.”—Ġwanni 17:3; Mattew 24:14; 28:19, 20.