Ħafna Iktar Importanti mit-Temp
KWAŻI kull pajjiż għandu xi proverbju dwar it-temp: Ħmura taʼ fil-għaxija lesti l-bhejjem għat-tiġrija; ħmura taʼ fil-għodu, lesti fejn joqogħdu. Illum, il-meteorologi jagħtu raġunijiet tekniċi għala l-kundizzjonijiet tat-temp taʼ fil-għodu x’aktarx li jiżviluppaw bħalma jgħid il-proverbju.
Bl-istess mod, fi żmien Ġesù, in-nies kellhom id-drawwa li jistudjaw is-sema u jinterpretaw id-dehra tiegħu. Ġesù qal lil xi Lhud: “Meta jasal fil-għaxija intom imdorrijin tgħidu, ‘Se jkun temp sabiħ, għax is-sema aħmar nar’; u fil-għodu, ‘Se jkun temp ikrah u bix-xita llum, għax is-sema aħmar nar, imma mdallam.’ Intom tafu tinterpretaw id-dehra tas-sema imma . . . ” Imma xiex? Ġesù kompla bi stqarrija mhux tas-soltu: “Imma ma tafux tinterpretaw is-sinjali taż-żminijiet.”—Mattew 16:2, 3.
X’kienu dawn “is-sinjali taż-żminijiet”? Dawn kienu l-ħafna indikazzjonijiet ċari li Ġesù kien il-Messija mibgħut minn Alla. L-azzjonijiet tiegħu kienu jidhru ċari daqskemm kienet ċara l-ħmura fis-sema. Madankollu, ħafna mil-Lhud injoraw is-sinjali li wrew li l-Messija kien wasal—żvilupp li ċertament kien iktar importanti mit-temp.
Illum, ukoll, hemm sinjal li hu bil-wisq iktar importanti li tifhem mill-kulur tas-sema letterali. Ġesù bassar li din id-dinja ħażina se tinġieb fix-xejn sabiex ikun hemm bidu taʼ dinja aħjar. Hu semma għadd taʼ żviluppi li flimkien kienu se juru meta din il-bidla kienet se sseħħ. Fost dawn hemm gwerer u ġuħ globali. Ġesù qal li meta jidhru dawn l-affarijiet, ikun qorob iż-żmien biex Alla jintervieni.—Mattew 24:3-21.
Qiegħed int tara “s-sinjali taż-żminijiet”?