Veru Faċli, Iżda Hija Eżatta?
F’SETTEMBRU taʼ l-2005, il-Knisja taʼ l-Ingilterra b’entużjażmu approvat il-ħarġa taʼ Bibbja bl-isem, The 100-Minute Bible. Bl-għan li tinqara f’100 minuta, il-verżjoni l-ġdida tiġbor fil-qosor l-Iskrittura Ebrajka fi 17-il sezzjoni taʼ paġna għal kull sezzjoni u l-Iskrittura Griega fi 33 sezzjoni, u b’hekk tħalli barra, bħalma jpoġġiha wieħed kritiku “dawk is-siltiet li m’humiex interessanti.” Veru faċli biex taqraha, iżda hija eżatta?
Barra mill-fatt li l-isem qaddis, Ġeħova, tħalla barra, ammont taʼ tagħwiġ ieħor se jiġi notat minn studenti serji tal-Bibbja. (Salm 83:18, Karm Żammit) Per eżempju, fl-ewwel sezzjoni nsibu li Alla “ħalaq is-smewwiet u l-art f’perijodu taʼ sitt ijiem.” Però, Ġenesi 1:1 sempliċement jgħid: “Fil-bidu Alla ħalaq is-sema u l-art.” Wara dan, ir-rakkont oriġinali jiddeskrivi iktar azzjonijiet taʼ ħolqien li jinvolvu l-art, li damu sitt ‘ijiem,’ jew perijodi taʼ żmien. Imbagħad, Ġenesi 2:4 (KŻ) jiġbor fil-qosor il-perijodu kollu tal-ħolqien, billi jirreferi għalih bħala “l-jum meta l-Mulej Alla għamel l-art u s-smewwiet.”
Skond The 100-Minute Bible, Ġob, raġel taʼ integrità, ġie attakkat minn “wieħed mill-qaddejja [t’Alla], Satana, . . . li r-responsabbiltà tiegħu kienet li jaġixxi bħala l-akkużatur taʼ l-umanità.” Qiegħed tinnota d-diskrepanza hawnhekk? Il-kelma “Satana” tfisser “Avversarju.” Minflok ma huwa l-qaddej t’Alla, Satana huwa, fil-fatt, l-akbar għadu t’Alla li ħatar lilu nnifsu bħala l-akkużatur taʼ l-umanità.—Rivelazzjoni 12:7-10.
Xi ngħidu għall-porzjon taʼ l-Iskrittura Griega Kristjana taʼ The 100-Minute Bible? Fil-parabbola tan-nagħaġ u l-mogħoż, il-verżjoni l-ġdida tgħid li Ġesù jiffavorixxi lil dawk li taw l-għajnuna tagħhom “lil xi ħadd, hi kemm hi insinifikanti,” filwaqt li Ġesù fil-fatt qal li hu jbierek lil dawk li jagħmlu t-tajjeb maʼ dawk li qed jimxu fuq il-passi tiegħu—‘ħutu.’ (Mattew 25:40) Il-ġabra fil-qosor taʼ Rivelazzjoni tgħid lill-qarrejja tagħha li “Ruma, Babilonja l-kbira, se tkun kompletament meqruda.” Madankollu, l-istudenti tal-Bibbja jafu li m’hemm xejn fil-kitbiet oriġinali li jagħtu identità bħal din lil Babilonja l-Kbira.”—Rivelazzjoni 17:15–18:24.
Għal dawk li qed ifittxu biex isiru jafu lill-Ħallieq tagħna u jifhmu l-iskop tiegħu, ma jistaʼ jkun hemm l-ebda sostitut għall-Bibbja sħiħa. Huwa veru, biex taqra l-Bibbja se tieħu ħafna iktar minn 100 minuta, iżda jekk tagħmel hekk se jkollok barkiet imprezzabbli. (Ġwanni 17:3) Jalla int taċċetta din l-isfida u taħsad il-barkiet għalik innifsek. —2 Timotju 3:16, 17.