“Mil-Lum ’il Quddiem Se Nemmen li Alla Jeżisti”
ALEXANDRA, waħda mara Ukranjana li tgħix Praga, fir-Repubblika Ċeka, kienet fi triqitha lejn id-dar wara x-xogħol. Hekk kif kienet qed tistenna t-tramm, hi nnotat portafoll żgħir maʼ l-art jintefaʼ ’l hawn u ’l hinn minn saqajn in-nies li kienu għaddejjin. Meta ġabret il-portafoll u rat x’kien fih, ma setgħetx temmen dak li rat. Kien hemm mazz flus taʼ 5,000 koruna (Lm52)! Ħadd ma deher li kien qed ifittex il-portafoll. Bħala mara barranija li tgħix fir-Repubblika Ċeka, ma kienx faċli għal Alexandra li taqlaʼ l-għajxien tagħha. X’kienet se tagħmel?
Wara li marret lura d-dar, Alexandra wriet il-portafoll lil bintha, Victoria. Huma fittxew fil-portafoll għall-isem u l-indirizz tas-sid, iżda kien kollu għalxejn. Madankollu, ġol-portafoll kien hemm biċċa karta bi ftit numri miktubin fuqha. Fuq naħa waħda kien hemm imniżżel numru taʼ kont tal-bank, u fuq in-naħa l-oħra, iktar numri. Fil-portafoll kien hemm ukoll id-direzzjonijiet għall-bank lokali u nota li fuqha kien hemm imniżżel “330,000 koruna” (madwar Lm3,200). Dan kien l-ammont eżatt li kien fih il-portafoll.
Alexandra pprovat iċċempel fuq numru li kien jidher qisu numru tat-telefon, imma ma rnexxilhiex tikkuntattja l-bank. Għalhekk, hi u bintha marru l-bank u spjegaw x’kien ġara. Huma staqsew dwar in-numru tal-kont li kienu sabu fil-portafoll. Madankollu, dan il-kont ma kienx imniżżel fir-rekord tal-bank. L-għada, Alexandra marret lura bin-numru l-ieħor li kien fil-portafoll, u fil-fatt, il-bank kellu klijenta b’dan in-numru tal-kont. Alexandra u Victoria kkuntattjaw lill-mara, u hi vverifikat li kienet tilfitu. Fl-aħħar, meta lkoll iltaqgħu, il-mara rringrazzjathom mill-qalb u staqsiethom, “Kif se npattilkom lura talli rritornajtu l-flus?”
Victoria wieġbet: “M’hemmx għalfejn. Kieku ridna l-flus, konna nżommuhom.” Bil-ftit Ċek li taf, hi spjegat: “Qed nirritornawlek il-flus għax aħna Xhieda taʼ Ġeħova. Il-kuxjenza tagħna mħarrġa minn fuq il-Bibbja ma tippermettilniex li nżommu dak li mhux tagħna.” (Ebrej 13:18) Bil-ferħ, il-mara qalet, “Mil-lum ’il quddiem se nemmen li Alla jeżisti.”