“L-Aħjar Tmiem li Qatt Stajt Nimmaġina”
GĦALLIEM fi skola sekondarja ġo Spanja kiteb: “Għal iktar minn mitt sena, ix-Xhieda taʼ Ġeħova wrew solidarjetà taʼ veru, onestà li ħadd ma jistaʼ jsib x’jgħid fiha, u fuq kollox, fidi li ma titħarrikx.” X’qanqal lil dan l-għalliem—li huwa ateu—biex jagħmel stqarrija bħal din?
Dan kollu beda meta Noemí, waħda mix-Xhieda taʼĠeħova u studenta fi skola sekondarja, kellha tagħmel komponiment bħala parti mill-eżami finali taʼ l-istudji skolastiċi tagħha. Hi ddeċidiet li tiżviluppa t-tema “It-Trijangli Vjola Taħt il-Ħakma Nazista.”
Għalfejn għażlet dik it-tema? Noemí tispjega: “Peress li kien se jkun hemm għalliem li jara x-xogħol tiegħi, ħsibt li jkun tajjeb li nieħu din l-opportunità biex nagħtih xiehda. L-istorja taʼ kif ix-Xhieda taʼ Ġeħova fil-Ġermanja Nazista kienu baqgħu leali lejn il-prinċipji tagħhom kienet messitli qalbi. Għalhekk, ħsibt li din kienet se tmiss qalb oħrajn ukoll.”
Ix-xogħol taʼ Noemí kellu effett fuq iktar nies milli qatt setgħet ħasbet. Fil-5 t’Ottubru, 2002, il-komponiment tagħha rċieva premju f’kompetizzjoni nazzjonali għar-riċerka fuq ix-xjenza u l-għemejjel tal-bniedem. Il-premjijiet għal dik il-kompetizzjoni kienu mogħtija minn ġurija komposta minn 20 skular minn universitajiet Spanjoli prominenti.
Noemí rċiviet il-premju tagħha mingħand Pilar del Castillo, il-ministru Spanjol taʼ l-edukazzjoni. Noemí ħatfet l-opportunità biex lill-ministru tagħtih kopja tal-vidjo Jehovah’s Witnesses Stand Firm Against Nazi Assault (Ix-Xhieda taʼ Ġeħova Jieqfu Sodi Kontra l-Attakki tan-Nazi). Il-ministru laqaʼ r-rigal minn qalbu.
Lura f’Manresa, il-belt fejn toqgħod Noemí, is-suċċess akkademiku tagħha deher fil-gazzetta lokali fejn ġiet riveduta l-informazzjoni tal-komponiment tagħha. Sadanittant, is-surmast taʼ l-iskola tagħha talabha kopja tal-komponiment sabiex ikun jistaʼ jinkludih fi programm taʼ kommemorazzjoni għall-75 anniversarju taʼ l-iskola.
“Dan huwa l-aħjar tmiem li qatt stajt nimmaġina għall-istudji tiegħi fl-iskola sekondarja,” tgħid Noemí. “Tgħidx kemm fraħt meta qrajt il-kliem li l-għalliem tiegħi, is-Sur Jorge Tomás Calot, kiteb bħala parti mill-introduzzjoni tiegħu għar-rapport tiegħi:
“Jien ateu, imma nixtieq li nkun konvint bis-sħiħ mill-eżistenza taʼ dan l-Esseri Suprem, li jispira fl-aduraturi tiegħu l-iktar ‘imħabba [ġenwina] għall-proxxmu.’”