“Il-Ġawhra tal-Galilija Kollha”
SITT kilometri u nofs biss lejn il-majjistral taʼ Nazaret, il-belt fejn trabba Ġesù, kien hemm belt li fl-Evanġelji qatt ma ssemmiet. Madankollu, din kienet imsejħa “l-ġawhra tal-Galilija kollha” minn Ġużeppi Flavju, l-istorjografu Lhudi taʼ l-ewwel seklu. Kienet il-belt taʼ Sepforis. X’nafu aħna dwar din il-belt?
Wara l-mewt taʼ Erodi l-Kbir, x’aktarx fis-sena 1 Q.E.K., iċ-ċittadini taʼ Sepforis qamu kontra Ruma, bir-riżultat li l-belt tagħhom saret ħerba. Antipa, bin Erodi, wiret il-Galilija u l-Perija u għażel il-belt meqruda taʼ Sepforis bħala l-post għall-belt kapitali tiegħu. L-istil taʼ l-arkitettura tal-belt li reġgħet inbniet kien wieħed Grieg-Ruman, għalkemm il-popolazzjoni kienet kważi kollha Lhudija. Skond il-Professur Richard A. Batey, il-belt saret “iċ-ċentru prinċipali minfejn il-Gvern kien jikkontrolla l-Galilija u l-Perija,” sakemm Antipa bena lil Tiberija madwar is-sena 21 E.K. u din ħadet post Sepforis bħala l-belt kapitali. Dan kien iż-żmien meta Ġesù kien qed jgħix viċin il-belt.
Il-Professur James Strange, li kien għamel xogħol taʼ skavar f’Sepforis, jemmen li darba l-belt kellha arkivji, teżorerija, armerija, banek, bini pubbliku, u swieq li jbigħu ċ-ċeramika, ħġieġ, oġġetti tal-metall, ġojjelli, u varjetà taʼ ikel. Kien hemm nissieġa u merkanti tal-ħwejjeġ u ħwienet minfejn setgħu jinxtraw basktijiet, għamara, fwejjaħ, u affarijiet bħal dawn. Kien stmat li l-għadd tal-popolazzjoni dak iż-żmien kien taʼ bejn 8,000 u 12,000 ruħ.
Ġesù qatt żar din il-belt mimlija attività li kienet siegħa mixi ’l bogħod minn Nazaret? L-Evanġelji ma jagħtuniex tweġiba. The Anchor Bible Dictionary jinnota li “rotta loġika waħda minn Nazaret għal Kana tal-Galilija kienet tgħaddi minn Sepforis.” (Ġwanni 2:1; 4:46) Minn Nazaret, l-għolja taʼ Sepforis tistaʼ tidher sew peress li l-għoli tagħha huwa taʼ mija u għoxrin metru ’l fuq mill-wied. Xi wħud huma tal-fehma li meta Ġesù ta t-tixbiha dwar “belt li tkun qiegħda fuq muntanja ma tistax tinħeba,” hu probabbilment kellu f’moħħu din il-belt.—Mattew 5:14.
Wara l-qerda taʼ Ġerusalemm fis-sena 70 E.K, Sepforis saret il-belt Lhudija prinċipali fil-Galilija u iktar tard il-post tas-Sinedriju, il-qorti superjuri Lhudija. Għal xi żmien, din irnexxiet bħala ċ-ċentru fejn il-Lhud kienu jieħdu t-taħriġ tagħhom.
[Mappa/Stampa f’paġna 32]
Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
Il-Baħar tal- Galilija
GALILIJA
Kana
Tiberija
SEPFORIS
Nazaret
PERIJA
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Fuħħar: Excavated by Wohl Archaeological Museum, Herodian Quarter, Jewish Quarter. Owned by Company for the Reconstruction of the Jewish Quarter in the Old City of Jerusalem, Ltd