X’Inhu l-Iskop t’Alla għall-Art?
GĦALA tieħu pjaċir timxi f’xi ġnien pubbliku jew tippassiġġa f’xi għalqa kollha fjuri b’riħa tfuħ? Għala tħossok hieni meta tara xi għadira sabiħa jew muntanji għoljin bil-qċaċet tagħhom fis-sħab? Għala tieqaf tismaʼ l-għasafar fis-siġar jgħannu l-għanjiet ferrieħa tagħhom? U għala huwa daqshekk pjaċevoli li toqgħod tosserva ċerva grazzjuża taqbeż jew xi merħla nagħaġ jirgħu f’mergħa?
Hemm tweġiba waħda għal dawn il-mistoqsijiet kollha. Aħna ġejna magħmulin biex ngħixu f’Ġenna taʼ l-art! Dan hu l-post fejn Adam u Eva, l-ewwel ġenituri tagħna, bdew ħajjithom. Aħna ksibna x-xewqa li ngħixu f’Ġenna taʼ l-art mingħandhom, u huma kisbuha mill-Ħallieq tagħhom, Alla Ġeħova. Hu kien jaf li l-bnedmin kellhom ikunu ferħanin fil-Ġenna taʼ l-art għaliex hu ħalaqna bil-kwalitajiet li għandna bżonn biex ingawdu dan il-post tant sabiħ fejn ngħixu fuq l-art.
Ġeħova għala ħalaq l-art? Hu “sawwarha biex jgħammru fiha” l-bnedmin. (Isaija 45:18) Il-Ħallieq taʼ l-art ta lil Adam u Eva ġenna taʼ l-art sabiħa biex tkun darhom, il-ġnien taʼ l-Għeden. (Ġeremija 10:12; Ġenesi 2:7-9, 15, 21, 22) Min jaf kemm tpaxxew bix-xmajjar, il-fjuri, u s-siġar li kien hemm! Għasafar sbieħ kienu jittajru fis-sema, u annimali taʼ diversi speċi kienu jgħammru fuq l-art—l-ebda wieħed minnhom ma kien taʼ theddida għall-bnedmin. L-ilmijiet nodfa u ċari daqs il-kristall kienu mimlijin b’ħut u ħlejjaq oħra li jgħixu fihom. Iktar importanti minn hekk, Adam u Eva kienu flimkien. Huma setgħu jkattru nisilhom u jkabbru l-Ġenna taʼ l-art fejn kienu jgħixu, fil-kumpanija hienja tal-familja tagħhom li dejjem tikber.
Għalkemm illum id-dinja m’hijiex ġenna taʼ l-art, din tistaʼ tiġi mqabbla maʼ dar sabiħa taʼ familja hienja. Fid-dar globali li tana Alla nsibu dak li għandna bżonn—id-dawl, is-sħana, l-ilma, u l-ikel. Kemm napprezzaw id-dawl u s-sħana tax-xemx kif ukoll id-dija ħelwa tal-qamar bil-lejl! (Ġenesi 1:14-18) L-art taħżen fiha ċerti minerali bħalma huma l-faħam u ż-żejt li nistgħu nużaw biex niġġeneraw is-sħana. Aħna għandna l-ilma minħabba ċ-ċiklu taʼ l-ilma u s-sistema tax-xmajjar, kif ukoll l-għadajjar u l-ibħra li għandha l-art. U bħal tapit, l-art għandha kisja taʼ ħaxix aħdar.
Bħalma dar ikun fiha ħażna taʼ ikel, hekk ukoll l-art; din mgħammra bi provvista abbundanti taʼ ikel. Permezz taʼ prodotti tar-rabaʼ u frott mis-siġar tal-ġonna, Ġeħova jagħtina ‘l-istaġuni tal-frott u jimlielna qlubna għalkollox bil-ferħ.’ (Atti 14:16, 17) Meta tqis li d-dinja hi diġà post mill-isbaħ fejn ngħixu, immaġina kif se tkun meta Ġeħova, “l-Alla l-hieni,” jagħmilha ġenna taʼ l-art!—1 Timotju 1:11.
[Sorsi tal-Istampa f’paġna 2]
COVER: Earth: NASA photo; Stars: NASA, ESA and AURA/Caltech