Id-Dritt li Jkollok Isem
KULL individwu għandu d-dritt li jkollu isem. F’Taħiti, anki tarbija tat-twelid li tkun ġiet abbandunata tingħata isem, avolja ma jkunux jafu min huma ommha u missierha. L-uffiċċju tar-reġistru jagħti isem u kunjom lit-tarbija abbandunata.
Madankollu, hemm individwu li f’ċertu sens ġie mċaħħad minn dan id-dritt bażiku, dritt li jingħata kważi lill-bnedmin kollha. B’mod taʼ l-għaġeb, hu “l-Missier, li lilu taf isimha kull familja fis-sema u fuq l-art”! (Efesin 3:14, 15) Ir-raġuni hi li ħafna nies fil-fatt jirrifjutaw li jużaw l-isem tal-Ħallieq kif jidher fil-Bibbja. Huma jippreferu jibdluh maʼ titli bħal “Alla,” “il-Mulej,” jew “il-Wieħed Etern.” Imma, allura, x’inhu ismu? Is-salmista jwieġeb din il-mistoqsija: “Biex jagħrfu li Jaħweh [“Ġeħova,” NW] hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.”—Salm 83:19 (83:18, NW).
Fl-ewwel nofs tas-seklu 19 meta l-missjunarji tas-Soċjetà Missjunarja taʼ Londra waslu Taħiti, il-Polinesjani kienu jqimu diversi allat. Kull wieħed kellu l-isem tiegħu li jiddistingwih mill-oħrajn, fosthom kien hemm Oro u Taaroa li kienu l-allat prinċipali. Ladarba riedu jiddistingwu l-Alla tal-Bibbja mill-oħrajn, dawn il-missjunarji ma qagħdux lura milli jużaw spiss l-isem divin, tradott letteralment bħala Iehova bit-Taħitjan.
Dan l-isem sar magħruf ħafna u beda jintuża spiss fil-konversazzjonijiet u l-korrispondenza taʼ kuljum. Ir-Re Pomare II taʼ Taħiti, li ħakem fil-bidu tas-seklu 19, użah spiss fil-korrispondenza persunali tiegħu. Evidenza dwar dan tinsab f’waħda mill-ittri tiegħu li tidher fl-istampa. Miktuba bl-Ingliż, din tinsab għall-wiri fil-Mużew taʼ Taħiti u l-Gżejjer Tagħha. Din l-ittra tixhed li ma kienx hemm preġudizzju dwar l-użu taʼ l-isem divin f’dak iż-żmien. Iktar minn hekk, l-isem persunali t’Alla jidher eluf taʼ drabi fl-ewwel verżjoni tal-Bibbja bit-Taħitjan, li tlestiet fl-1835.
[Stampa f’paġna 32]
Ir-Re Pomare II
[Sors tal-Istampa f’paġna 32]
Re u ittra: Collection du Musée de Tahiti et de ses Îles, Punaauia, Tahiti