Ħu Pjaċir bil-Meditazzjoni
GĦAL xi wħud, il-ħsieb li joqogħdu jimmeditaw jistaʼ jbeżżagħhom. Għandhom mnejn iħarsu lejn il-meditazzjoni bħala xi ħaġa diffiċli li tirrikjedi konċentrazzjoni fil-fond. Uħud bħal dawn jistgħu jħossuhom ħatjin għall-fatt li ma jimmeditawx, speċjalment meta jaqraw dwar kemm dan huwa importanti. (Filippin 4:8) Madankollu, il-meditazzjoni fuq il-veritajiet li tgħallimna dwar Ġeħova, il-kwalitajiet sbieħ tiegħu, ix-xogħlijiet taʼ l-għaġeb li wettaq, dak kollu li jeħtieġ minna, u l-iskop glorjuż tiegħu, tistaʼ u għandha tkun mod pjaċevoli kif inqattgħu l-ħin. Għala?
Alla Ġeħova huwa l-Ħakkiem Suprem taʼ l-univers u huwa bieżel fix-xogħol tat-twettiq taʼ l-iskop kbir tiegħu. (Ġwanni 5:17) Minkejja dan, hu jinteressah mill-ħsibijiet ġewwinija taʼ kull individwu li jagħtih qima. Is-salmista David kien jaf dwar dan u taħt ispirazzjoni divina kiteb: “Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni; int taf meta noqgħod u meta nqum, int tagħraf mill-bogħod ħsibijiet[i].”—Salm 139:1, 2.
Għall-bidu, jistaʼ jkun li xi ħadd jara dan il-kliem tas-salmista minn lenti negattiva. Għandu mnejn jirraġuna, ‘Għalkemm Alla huwa “’l bogħod,” hu jinnota kull ħsieb ħażin li jiġi f’moħħi.’ M’għandniex xi ngħidu, se jkun taʼ benefiċċju għalina jekk aħna nirrikonoxxu dan il-fatt. Dan jistaʼ jgħinna niġġieldu kontra ħsibijiet ħżiena u, meta jkollna ħsibijiet bħal dawn, nistqarruhom m’Alla, filwaqt li nkunu fiduċjużi li hu se jaħfrilna fuq il-bażi tal-fidi tagħna fis-sagrifiċċju tal-fidwa taʼ Ġesù. (1 Ġwanni 1:8, 9; 2:1, 2) Però, fl-istess ħin għandna niftakru li Ġeħova jeżamina b’mod pożittiv lil dawk li jqimuh. Hu jagħti kas meta aħna naħsbu bi gratitudni dwaru.
Forsi tistaqsi, “Ġeħova jagħti verament kas il-ħsibijiet tajbin tal-miljuni t’aduraturi tiegħu?” Ċertament li hekk jagħmel. Ġesù enfasizza l-interess li Ġeħova għandu fina meta qal li Ġeħova jagħti kas saħansitra l-għasafar tal-bejt żgħar, u mbagħad żied jgħid: “Intom tiswew iktar minn ħafna għasafar tal-bejt.” (Luqa 12: 6, 7) L-għasafar tal-bejt ma jistgħux jaħsbu dwar Ġeħova. Allura, jekk hu jinteressah minnhom, kemm iktar se jinteressah minna u kemm iktar se jieħu gost meta kull wieħed u waħda minna naħsbu dwaru! Iva, bħal David, aħna nitolbu b’fiduċja: ‘Ħa jkun milqugħ ħsieb qalbi [“il-meditazzjoni taʼ qalbi,” NW], Mulej, blata tiegħi u feddej tiegħi.’—Salm 19:15 (19:14, NW).
Evidenza oħra li Ġeħova verament huwa konċernat dwar il-meditazzjoni taʼ l-aduraturi tiegħu tinsab fil-kliem ispirat tal-profeta Malakija. Billi tkellem dwar żminijietna, hu bassar: “Hekk qalu wieħed lil ieħor dawk li jibżgħu mill-Mulej; u l-Mulej ta widen u samaʼ; u nkiteb quddiemu ktieb it-tifkiriet minħabba f’dawk li jibżgħu minnu u dawk li jafdaw [“qed jaħsbu,” “NW”] f’Ismu.” (Malakija 3:16, korsiv tagħna.) Il-fatt li nfakkru lilna nfusna li Ġeħova jibqaʼ ‘jagħti widen’ meta aħna naħsbu dwaru jistaʼ tabilħaqq jagħmel il-meditazzjoni dwar Alla xi ħaġa pjaċevoli. Għalhekk, jalla naqblu mal-kliem tas-salmista li kiteb: “Naħseb f’kull ma int għamilt; nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek.”—Salm 77:13 (77:12, NW).