Jaqsmu l-Aħbar Tajba maʼ Dawk Neqsin mis-Smigħ
“IĠIBULKOM l-ispiritwalità!” Dan hu kif direttur taʼ dar taʼ l-anzjani f’Navalcarnero, f’Madrid, Spanja, reċentement iddeskriva ż-żjajjar li x-Xhieda taʼ Ġeħova jagħmlu fiċ-ċentru tiegħu. X’ġagħlu jgħid hekk?
Xi wħud mir-residenti taċ-ċentru Rosas del Camino huma neqsin mis-smigħ. Madankollu, ladarba x-Xhieda taʼ Ġeħova għamlu sforz biex jitgħallmu l-Lingwa tas-Sinjali bl-Ispanjol, huma jistgħu jikkomunikaw maʼ dawn ir-residenti. Id-direttur faħħar lix-Xhieda talli bla ħlas huma jagħtu mill-ħin tagħhom sabiex jgħallmu valuri spiritwali lil dawk li huma fil-bżonn. Hu osserva l-effett pożittiv li t-tagħlim taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna kellu fuq ir-residenti. U r-residenti—speċjalment dawk li huma neqsin mid-dawl jew mis-smigħ—ukoll japprezzaw ħafna ż-żjajjar tax-Xhieda.
Eulogio, wieħed mir-residenti li hu nieqes mid-dawl u mis-smigħ, issa qed jistudja l-Bibbja max-Xhieda taʼ Ġeħova. Ġurnata minnhom waqt li kienu qed jagħmlu l-istudju, ġie wieħed anzjan u offra lix-Xhud poeżija li r-residenti kienu kitbu biex jesprimu l-gratitudni tagħhom. Il-poeżija kienet intitolata “Li Tkun Xhud.” Biċċa minnha kienet tgħid: “Jgħixu ħajja tajba u dixxiplinata sew, u minn Ġeħova jiksbu għerf li jġibilhom l-hena. Huma jmorru u jerġgħu jmorru fid-djar għax jafdaw f’Ġeħova.”
Hija eżattament din il-fiduċja f’Ġeħova li wasslet lil ħafna Xhieda minn madwar id-dinja kollha biex jitgħallmu l-lingwa tas-sinjali taʼ dawk li huma neqsin mis-smigħ fil-pajjiż tagħhom. B’dan il-mod huma jistgħu jaqsmu l-messaġġ inkuraġġanti taʼ tama li jinsab fil-Bibbja maʼ dawn l-uħud.