Proklamaturi tas-Saltna Jirrapportaw
Tfittxija għal Dawk li Jistħoqqilhom fl-Inħawi Iżolati taʼ l-Awstralja
BIĊĊA art kbira fil-qalba taʼ l-Awstralja hija magħrufa b’għożża bħala l-post iżolat. F’xi nħawi f’dan il-post imwarrab ilha ma tingħata xiehda għal dawn l-aħħar 12-il sena. Allura x-Xhieda taʼ Ġeħova f’Darwin, il-belt kapitali fit-Territorju tat-Tramuntana, organizzaw kampanja intensiva taʼ disat ijiem biex jippridkaw u jsibu lil dawk li jistħoqqilhom.—Mattew 10:11.
Bdew isiru pjanijiet bir-reqqa minn sena qabel il-kampanja fosthom tħejjew mapep li jkopru iktar minn 800,000 kilometru kwadru—territorju tliet darbiet akbar minn New Zealand. Biex tieħu idea taʼ kemm huwa kbir dan it-territorju mwarrab, immaġina li triq normali li twassal għal dar f’razzett kbir hija twila iktar minn 30 kilometru mill-bidu tagħha sal-bieb prinċipali tad-dar! Iktar minn hekk, xi rziezet huma 300 kilometru jew iktar ’il bogħod minn xulxin.
Total taʼ 145 xhud volontier ħadu sehem fil-kampanja. Xi wħud ġew mill-bogħod, saħansitra mit-Tasmanja. Oħrajn ġew bil-karozzi li jingranaw fl-erbaʼ roti u li kienu mgħobbijin bil-kampijiet, spare parts, u petrol. Oħrajn irmonkaw l-armar tagħhom bit-trejler. Minbarra dan, inkrew żewġ karozzi tal-linja li jesgħu 22 passiġġier kull waħda biex jgħabbu lil dawk li ma kellhomx karozzi addattati. Dawk li vvjaġġaw bil-karozza tal-linja kkonċentraw fuq li jagħtu xiehda lill-abitanti tal-villaġġi ż-żgħar fit-territorju li ngħataw.
Qabel ma bdew il-vjaġġ, l-aħwa responsabbli ppreparaw taħditiet u turijiet biex jintwera kif għandha tiġi preżentata l-aħbar tajba f’dan it-territorju mhux tas-soltu. Per eżempju, normalment biex tippriedka f’komunitajiet taʼ l-Aboriġini b’mod effettiv jeħtieġ li ssegwi ċertu protokoll, jew regoli taʼ l-imġiba, u trid tkun familjari mad-drawwiet taʼ l-Aboriġini. Affarijiet li għandhom x’jaqsmu maʼ l-ambjent ġew diskussi wkoll biex tiġi mħarsa n-natura.
Il-pubblikaturi gawdew ħafna esperjenzi impressjonanti. Per eżempju, f’post wieħed fejn jgħixu l-Aboriġini, l-aħwa ħadu ħsieb li tingħata taħdita pubblika bbażata fuq il-Bibbja. Il-mara li kienet qed tmexxi l-komunità marret personalment tavża lin-nies dwar dan. Wara dan, tħallew 5 kotba u 41 browxer maʼ dawk li attendew. F’post ieħor, ġie kuntattjat Aboriġinu. Hu saħansitra kellu l-Bibbja tiegħu stess, il-King James Version, imma kienet qadima u mqattgħa. Meta staqsewh jekk kienx jaf l-isem t’Alla, hu wieġeb iva u mbagħad ħareġ rivista antika tat-Torri taʼ l-Għassa mill-but tal-ġakketta tiegħu. Hu qara minnha u kkwota Marku 12:30, li tgħid: “Ħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha.” Hu qal, “Verament togħġobni din l-iskrittura.” Wara diskussjoni twila minn fuq il-Bibbja, hu aċċetta Bibbja ġdida u letteratura oħra bbażata fuq il-Bibbja.
Ħdejn il-Golf tal-Carpentaria, il-kap taʼ razzett kbir taʼ 400,000 ettaru wera daqsxejn interess fil-messaġġ tas-Saltna. Meta ntwera l-pubblikazzjonijiet Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja u Għarfien li Jwassal għal Ħajja taʼ Dejjem,a hu staqsa jekk kienx hemm letteratura disponibbli bil-lingwa tal-Kriol. Dan ma kienx normali għaliex għalkemm ħafna Aboriġini jitkellmu bil-Kriol, ftit jafu jaqrawh. Imma sirna nafu li l-50 ħaddiem f’dak ir-razzett kollha kienu jafu jaqraw bil-Kriol. Id-direttur tgħidx kemm feraħ li kiseb letteratura Biblika bil-Kriol, u bil-qalb aċċetta li jagħtihom in-numru tat-telefon sabiex ikunu jistgħu jikkuntattjawh.
Matul id-disat ijiem t’għoti taʼ xiehda intensiva, tħallew total taʼ 120 Bibbja, 770 ktieb, 705 rivisti, u 1,965 browxer. Iktar minn hekk, saru 720 żjara lura, u nbdew 215 -il studju tal-Bibbja.
Ċertament, il-ġuħ spiritwali taʼ ħafna wħud li jixirqilhom u li huma mxerrdin madwar dan il-post kbir fl-aħħar ġie sodisfat.—Mattew 5:6.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Ġeħova.
[Mappa f’paġna 30]
(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)
AWSTRALJA
IT-TERRITORJU TAT-TRAMUNTANA
Darwin
Il-Golf tal- Carpentaria
Sydney
TASMANJA