Imġiba Tajba ‘Ssebbaħ it-Tagħlim t’Alla’
IŻ-ŻAGĦŻUGĦA Maria fi Kransnoyarsk ġewwa r-Russja tant tkanta tajjeb li l-għalliema għażlitha biex tingħaqad mal-kor taʼ l-iskola. Ftit wara, Maria bir-rispett kollu resqet fuq waħda mill-għalliema tagħha u spjegatilha li ma setgħetx tkanta ċertu għanjiet. Għala? Għaliex il-konvinzjonijiet tagħha bbażati fuq il-Bibbja ma kinux iħalluha tkanta għanjiet konnessi mar-reliġjon. L-għalliema baqgħet skantata u staqsietha, ‘X’jistaʼ jkun hemm ħażin meta tfaħħar lil Alla b’għanja?’
Biex turiha għala mhix lesta tkanta għanja dwar Alla Trinitarjan, Maria fetħitilha l-Bibbja tagħha u spjegatilha li Alla u Ġesù Kristu m’humiex Alla wieħed u li l-ispirtu qaddis huwa l-forza attiva t’Alla. (Mattew 26:39; Ġwanni 14:28; Atti 4:31) Maria tirrakkonta: “Ir-relazzjoni tiegħi maʼ l-għalliema ma ġietx effettwata. Il-biċċa l-kbira mill-għalliema fl-iskola tagħna huma tajbin ħafna. Iriduna nkunu onesti.”
Matul is-sena skolastika, Maria żammet sod, u b’hekk rebħet ir-rispett taʼ l-għalliema tagħha kif ukoll taʼ sħabha tal-klassi. Maria tgħid: “Il-prinċipji tal-Bibbja jgħinuni f’ħajti. Fi tmiem is-sena skolastika qlajt premju għall-onestà u l-ordni, waqt li l-ġenituri tiegħi rċivew ittra uffiċjali taʼ ringrazzjament mill-iskola talli taw lil binthom trobbija tajba.”
Maria tgħammdet fit-18 t’Awissu, 2001. Hi tgħid: “Ferħana ħafna li nistaʼ naqdi lil Ġeħova, Alla tant taʼ l-għaġeb!” Xhieda żgħażagħ taʼ Ġeħova mad-dinja kollha jwettqu l-kliem taʼ Titu 2:10 li jħeġġiġna ‘nsebbħu f’kollox it-tagħlim t’Alla, is-Salvatur tagħna.’
[Stampa f’paġna 32]
Maria u l-ġenituri tagħha wara li tgħammdet
[Stampa f’paġna 32]
Ittra t’apprezzament u ċertifikat taʼ mertu