“X’Inhu s-Sigriet Tiegħek?”
DIN kienet il-mistoqsija li biha wieħed stranġier imdaħħal fiż-żmien issorprenda lil Muriel, omm taʼ tlett itfal, waqt li kienu ġo restorant. Muriel kienet imħabbta b’ħafna appuntamenti mat-tobba minħabba t-tfal tagħha, u ma kinitx qed tlaħħaq maʼ l-iskeda tagħha. Ma kienx hemm biżżejjed ħin biex imorru d-dar u jieklu qabel ma jmorru l-laqgħa Kristjana tagħhom. Għalhekk, ħadet it-tfal f’restorant fil-qrib sabiex ikunu jistgħu jieklu xi ħaġa.
Hekk kif kienu qed jispiċċaw jieklu, wieħed raġel resaq lejn Muriel u qalilha: “Ilni nosservak minn mindu dħalt hawn ġew. U nnotajt li t-tfal tiegħek huma differenti ħafna minn dawk li s-soltu niltaqaʼ magħhom. Trid tara x’jagħmlu t-tfal bl-imwejjed u s-siġġijiet. Saqajhom itellgħuhom fuq l-imwejjed. Is-siġġijiet ikaxkruhom maʼ kullimkien. Imma t-tfal tiegħek huma verament kwieti u għandhom manjieri tajbin. X’inhu s-sigriet tiegħek?”
Muriel wieġbet: “Jien u r-raġel nistudjaw il-Bibbja regolarment mat-tfal tagħna, u nipprovaw napplikaw f’ħajjitna dak li nitgħallmu. Aħna Xhieda taʼ Ġeħova.” Għal dan, ir-raġel qalilha: “Jien Lhudi u salvajt mill-Olokawst. Niftakar nara x-Xhieda taʼ Ġeħova jiġu persegwitati fil-Ġermanja. Anki dak iż-żmien kienu jidhru li huma differenti. L-imġiba tat-tfal tiegħek verament impressjonatni. Irrid insir naf iktar dwar ir-reliġjon tagħkom.”
Il-Bibbja hija gwida eċċellenti dwar it-trobbija tat-tfal. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova jixtiequ verament jgħinu lil oħrajn jibbenefikaw mill-gwida li tinsab fl-Iskrittura. Nistidnuk mill-qalb taċċetta l-offerta li ġejja.