Ħin l-Ikel—Iktar minn Sempliċi Ħin biex Tiekol!
KULĦADD jieħu gost b’ikla tajba. Jekk maʼ l-ikla jkun hemm konversazzjoni tajba u sħubija ħelwa man-nies li nħobbu, din se ssir okkażjoni li nitgħaxxqu biha u li tissodisfalna ħafna iktar mill-ġuħ biss. Ħafna familji jiħduha drawwa li mill-inqas darba kuljum jinġabru biex jieklu flimkien. Il-ħin taʼ l-ikel jagħti l-opportunità lill-familja biex tiddiskuti l-ġrajjiet jew il-pjanijiet tal-ġurnata. Il-ġenituri li jisimgħu dak li wliedhom għandhom xi jgħidu u kif jesprimu ruħhom ikunu jistgħu jieħdu idea tal-ħsibijiet u s-sentimenti tat-tfal tagħhom. Maż-żmien, is-sħubija hienja u rilassata li titgawda waqt l-ikel tnissel fil-familja sens taʼ sigurtà, fiduċja, u mħabba li jagħmel lill-familja iktar soda.
Illum, ħafna membri tal-familja jinsabu mħabbtin u huma dejjem okkupati, u għalhekk isibuha diffiċli biex jiltaqgħu flimkien għal xi ikla. F’xi partijiet tad-dinja, il-kultura lokali hi kontra li familja tiekol flimkien jew saħansitra li l-membri jkellmu ’l xulxin waqt l-ikel. Familji oħrajn għandhom id-drawwa li jixegħlu t-televixin waqt l-ikel, u għalhekk iċaħħdu lilhom infushom minn din il-komunikazzjoni tant importanti.
Madankollu, il-ġenituri Kristjani huma dejjem attenti biex isibu opportunitajiet ħalli jibnu lill-familja tagħhom. (Proverbji 24:27) Ħafna żmien ilu, lill-ġenituri ntqalilhom li waħda mill-aqwa opportunitajiet biex jitkellmu maʼ wliedhom dwar dak li qal Alla kienet ‘meta jkunu f’darhom.’ (Dewteronomju 6:7) Meta regolarment joqogħdu bil-qiegħda biex jieklu flimkien, il-ġenituri jkollhom opportunità unika biex jikkultivaw f’uliedhom imħabba iktar qawwija għal Ġeħova u għall-prinċipji ġusti tiegħu. Billi tikkultiva atmosfera hienja u rilassata, int tistaʼ tagħmel il-ħin taʼ l-ikel wieħed pjaċevoli u esperjenza li tibni għall-familja tiegħek ukoll. Iva, ara li l-ħin taʼ l-ikel ikun iktar minn sempliċi ħin biex tiekol!