Nitgħallmu mill-Esperjenza—Jeżisti Mod Aħjar minn Dan
L-esperjenza persunali—kemm dik sabiħa u kemm dik kerha—tistaʼ tgħallimna lezzjonijiet siewja. Imma huwa minnu, kif jgħidu, li l-aħjar mod biex titgħallem huwa bl-esperjenza? Le, hemm sors taʼ gwida iktar superjuri. Is-salmista identifika dan is-sors meta talab: “Fanal għal riġlejja l-kelma tiegħek, u dawl fil-mogħdija tiegħi.”—Korsiv tagħna; Salm 119:105.
Li titgħallem permezz taʼ l-istruzzjoni mingħand Alla għala huwa ferm aħjar milli titgħallem mill-esperjenza persunali? Għal raġuni waħda, it-tagħlim mill-esperjenza biss—li nitgħallmu bl-iżbalji tagħna u nerġgħu nipprovaw—jistaʼ jiswiena ħafna kif ukoll ikun taʼ wġigħ. Xi ħaġa oħra hi li dan m’huwiex neċessarju. Alla qal lill-Iżraelin tal-qedem: “Li kieku tajt widen għall-kmandamenti tiegħi, kien ikun bħal xmara sliemek, u sedqek bħal mewġ tal-baħar.”—Isaija 48:18.
Raġuni waħda għaliex il-Kelma t’Alla tispikka bħala sors taʼ informazzjoni hija għax din tinkludi l-eqdem u l-iktar rakkont preċiż dwar l-esperjenza tal-bniedem. X’aktarx li int tistaʼ tirrealizza li huwa aħjar li titgħallem mis-suċċessi u n-nuqqasijiet t’oħrajn mingħajr ma tbati konsegwenzi, milli tirripeti l-iżbalji tagħhom. (1 Korintin 10:6-11) Iktar importanti minn hekk, fil-Bibbja, Alla jagħtina liġijiet eċċellenti u prinċipji bħala gwida li huma taʼ min joqgħod fuqhom mija fil-mija. “Il-liġi taʼ Ġeħova hija perfetta . . . It-tfakkira taʼ Ġeħova hija taʼ min jafdaha, billi lil wieħed mingħajr esperjenza tagħmlu għaref.” (Salm 19:7, NW) Ċertament, li titgħallem mill-għerf tal-Ħallieq tagħna mimli mħabba huwa l-aħjar mod possibbli.